
Skont leġġenda Rumana, Santa Ċeċilja kienet mill-belt ta’ Ruma.
Ċeċilja twieldet xi żmien matul it-tieni jew it-tielet seklu W.K. f’familja nobbli u għanja, fi żmien meta l-Imperaturi Rumani kienu jippersegwitaw lill-Insara.
Sa minn ċkunitha bdiet tħobb lil Ġesù, u iktar ma tħobb lil Ġesù, u iktar ma kienet qed tikber, iktar kienet qed issir tħobbu. Mhux biss kienet issum u tipprattika atti oħra ta’ penitenza, iżda kkonsagrat ħajjitha lil Kristu, u lilu biss, bħala l-għarusa tiegħu.
Dak iż-żmien, in-nisa żgħażagħ ma kellhomx leħen fl-għażla ta’ żewġhom. Valerjanu, nobbli Ruman pagan, intgħażel għal Ċeċilja kontra r-rieda tagħha. Ċeċilja ma kellhiex għażla oħra. Ma setgħetx tmur kontra missierha, iżda kienet determinata li żżomm il-wegħda tagħha lil Kristu: dik li tkun l-għarusa Tiegħu biss.
Waqt it-tieġ, Ċeċilja qagħdet bilqiegħda apparti u, waqt li kienet tindaqq il-mużika, hija kantat talba lill-Għarus tagħha tas-Sema, akkumpanjata mill-mużika divina li kienet tħoss f’ qalbha. Wara t-tieġ, Ċeċilja żvelat lil Valerjanu li kienet Nisranija u li kienet wegħdet li l-uniku Għarus tagħha kien se jkun Ġesù Kristu—wegħda ta’ verġinità mħarsa minn anġlu. Valerjanu kien xettiku u talab biex jara lill-anġlu. Ċeċilja baqgħet soda fil-fidi tagħha u qaltlu li kellu jiltaqa’ mal-Papa Urbanu I, li kien qed jgħix fil-katakombi minħabba l-persekuzzjoni tal-Insara f’dak iż-żmien.
Valerjanu mar ifittex lill-Papa. Eventwalment, huwa aċċetta li jiġi mgħallem fil-fidi Nisranija u li jitgħammed. Meta rritorna għand Ċeċilja, jingħad li ra lill-anġlu jpoġġi kuruna ta’ ġilji bojod fuq ras Ċeċilja, bħala simbolu tal-purità tagħha, u oħra ta’ ward aħmar għall-martirju tagħha.
Valerjanu qasam l-esperjenzi tiegħu ma’ ħuh Tiburzju, li wkoll tgħammed. It-tnejn saru Insara u appoġġjaw lill-komunità Nisranija billi kienu jgħinu lill-Insara moħbija u jidfnu lill-nsara martri. Meta l-awtoritajiet Rumani saru jafu bihom, ġew ordnati joffru sagrifiċċji lil Ġove, l-alla Ruman, iżda huma rrifjutaw li jagħmlu dan. Massimu, suldat Ruman, ġie ordnat jaqtagħlhom rashom, iżda jingħad li hu wkoll ikkonverta għall-fidi wara li ra viżjoni tas-sema qabel ma wettaq l-ordni tal-eżekuzzjoni. It-tlieta li huma ġew eżegwiti, u kienet Ċeċilja li difnithom.
Ftit wara, Ċeċilja ġiet arrestata u hi wkoll irrifjutat li tagħti qima lil Ġove. Dak iż-żmien, Ċeċilja kienet membru maħbuba tal-komunità; għalhekk, minflok ma eżegwewha fil-pubbliku, il-Prefett Ruman ordna li tissakkar fil-kamra tal-banju tagħha, mimlija bil-fwar jaħraq li kien joħroġ minn ilma jagħli, bil-għan li tifga. Hija baqgħet ħajja, u għalhekk huwa ordna li tinqata’ rasha f’darha stess.
Billi l-liġi Rumana kienet tipprojbixxi li tingħata r-raba’ daqqa, ħalliha tmut waħidha. Hija baqgħet tbati u tissielet mal-mewt għal tlett ijiem sħaħ. Fl-aħħar nifs tagħha, kantat lill-Għarus tagħha tas-Sema u talbet lil dawk ta’ madwarha biex iqassmu l-ġid u l-proprjetà tagħha lill-foqra. Talbet ukoll biex darha tinbidel fi knisja. It-tradizzjoni tgħid li l-Papa Urbanu I bena knisja fuq id-dar ta’ ‘verġni martri jisimha Ċeċilja.’ Il-Bażilka ta’ Santa Ċeċilja għadha teżisti sal-lum fi Trastevere, Ruma.
