Illum huwa t-tieni Ħadd wara Pentekoste u niċċelebraw solennità oħra, magħrufa bħala Corpus Christi li hija l-festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù.
Fl-Evanġelju nisimgħu dwar il-miraklu tal-ħobż u l-ħut. Dan huwa l-unika miraklu li nsibuh fl-erba’ Evanġelji u li għandu rabta mal-Ewkaristija. L-Ewkaristija hija l-għajn tal-ħajja nisranija. Imsejħa Ewkaristija minħabba li hi ringrazzjament lil Alla. Il-kelma ġejja minn kliem Grieg, eucharistein u eulogein li għandhom rabta mal-barka Lhudija li kienet tingħad waqt l-ikel; dawn il-kliem ifakkru wkoll il-ħolqien ta’ Alla, il-fidwa u l-qdusija. Aħna nemmnu li fil-liturġija Ewkaristika, il-ħobż u l-inbid, li noffru u li jsir talb fuqhom mis-saċerdot, jinbidlu fil-ġisem u fid-demm ta’ Ġesù, wara li jinżel fuqhom l-Ispirtu ta’ Alla. Din hija l-“preżenza reali” ta’ Kristu. Ġesù huwa preżenti verament fl-Ewkaristija. Din il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija hija twemmin ċentrali fil-fidi Kattolika. X’aktarx, waħda mill-akbar impenji tal-familja, hija li nkunu preżenti verament għalihom. Bħala ġenituri tagħmlu ħilitkom kollha biex tattendu għall-okkażjonijiet importati ta’ wliedkom, bħalma huma birthdays, l-ewwel ġurnata tal-iskola, gradwazzjonijiet, logħob tal-football, reċti tal-iskola. Tippruvaw li tkunu hemm għat-tfal meta jkunu mdejjqin, imbeżżgħin, morda jew muġgħuwa. It-tfal ikunu jixtiequ jkunu jafu li qegħdin hemm tissapportjawhom f’mumenti ta’ konfużjoni, dwejjaq, dubji; ħadd ma jixtieq li jkun waħdu. Aħna ilkoll għandna bżonn l-assigurazzjoni li Alla l-Missier qiegħed magħna. Hu rrivela il-preżenza tiegħu f’Ibnu Ġesù Kristu. Min-naħa l-oħra, Ġesù jagħtina lilu nnifsu fl-Ewkaristija. Il-messaġġ tiegħu, huwa li aħna m’aħniex waħedna. Emmanuel (Alla magħna) huwa verament magħna. Il-preżenza ta’ Alla qegħda fostna u meta nirċievu l-Ewkaristija, aħna msejħa biex inkunu bħal Kristu – preżenti għall-oħrajn fil-bżonn. Kull darba li nirċievu l-Ewkaristija, inkunu qegħdin nirċievu l-Kelma ta’ Alla fina u din hija speċjali ħafna. Bħala ġenituri għandna nagħmlu ħilitna biex inkunu preżenti verament għall-familja tagħna u l-Ewkaristija, tgħinna nagħmlu dan. L-akbar rigal li qatt nistgħu nirċievu, hija l-preżenza ta’ Alla ġo fina! Ġesù stess qalilna “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19)