Hello tfal!
Il-parabbola tat-talenti tistedinna biex nħaddmu dak li Alla tana. Aħna lkoll għandna talenti differenti u xi darba aħna lkoll se jkollna ngħidu lil Alla x’għamilna u kif użajna fit-tajjeb it-talenti li huwa tana. Jekk nużaw tajjeb u bl-aħjar mod possibbli t-talenti u l-kwalitajiet li Alla fdalna, bħall-ħlewwa, il-ġenerosità u l-hena, Alla jberikna b’aktar talenti. Il-barka ta’ Alla hija waħda mill-isbaħ affarijiet li qatt tista’ tiġrilna. Iktar ma nagħtu aktar Alla jipprovdilna. Qaddis li għamel użu tajjeb mit-talenti u l-kwalitajiet tiegħu kien San Martin.
Kien il-11 ta’ Novembru f’ġurnata kiesħa ħafna meta s-suldat San Martin ra tallab jirtogħod bil-kesħa u ddeċieda li bix-xabla li kellu fuqu jaqsam il-mantell tiegħu fi tnejn u jagħti nofsu lil dan ix-xwejjaħ biex jkun jista’ jipproteġi ruħu mill-kesħa. Is-suldati l-oħra li kienu ma’ San Martin bdew jgħadduh biż-żmien għall-qalb tajba li kellu u għall-ġenerosità li kien wera ma’ dak it-tallab. Ma damux iżda ma ndunaw li huma kienu fil-ħażin għaliex f’daqqa waħda s-sħab kollu telaq u ħarġet ix-xemx tiżreġ daqs li kieku kien is-sajf. San Martin raqad fil-fond dak il-lejl u deherlu Ġesù fil-ħolm u qallu li dak li għamel ma’ dak ix-xwejjaħ tallab kien fil-verità għamlu miegħu. Huwa sar Nisrani u meta kiber waqqaf monasteri u sar l-Isqof ta’ Tours.
Il-prayer space li ser nagħmlu llum jisimha Il-Borża ta’ San Martin u għaliha għandna bżonn:
Il-borża ta’ San Martin hija tradizzjoni Maltija li tfakkarna fil-karità li kien juri San Martin ta’ Tours. Ġo borża tad-drapp ikkulurita t-tfal jsibu ġewż, lewż, qastan, tin, ħelu u frott ta’ żmien il-ħarifa bħar-rummien, tuffieħ u mandolin. Ħu ftit ħin biex taħseb f’azzjonijiet tajba li tista’ tagħmel biex tħalli l-frott fil-ħajja tiegħek u tal-oħrajn bħal karità, ħlewwa, ġenerożità, paċenzja u kull għajnuna oħra.
Jekk għandek Borża ta’ San Martin id-dar, tista’ tikteb dawn it-3 azzjonijiet li fi ħsiebek tagħmel fil-ġimgħat li ġejjin fuq karti żagħar u żidhom mal-frott li għandek fil-borża inkella tista’ ukoll tikteb dawn it-3 azzjonijiet ħdejn il-frott li hemm fuq l-istampa tal-borża ta’ San Martin.
Issa, tista’ tirringrazzja lil Alla għall-kwalitajiet u t-talenti li tak u tistaqsih biex jgħinnek tagħmel użu tajjeb minnhom għall-ġid tiegħek u tal-oħrajn.
Saħħa ħbieb sakemm nerġgħu niltaqgħu.