Mal-ewwel daqqa t’għajn, is-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa tista’ forsi tinftiehem bħala kritika tal-ġid. Madankollu, jekk nifhmuha b’dan il-mod, inkunu qegħdin nissimplifikaw dak li verament irid ifisser Ġesù. Eżattament, xi tfisser din il-parabbola? Fiha insibu lil Ġesù jiddeskrivi raġel għani nieżel fil-fond tal-infern u raġel ieħor fqir jismu Lazzru eżaltat fis-Sema ma’ Abraham. Naturalment, hawnhekk, wieħed jistaqsi: il-ġid hu dnub?
It-tweġiba hija le. Il-ġid u l-flus mhumiex ħżiena fihom infushom. M’hemm xejn ħażin li tgawdi l-milja tal-ħajja permezz tal-flus – fil-fatt, kif naraw fir-rakkont taʼ Ġob, il-ġid jista’ jitqies bħala rigal mingħand Alla. Jekk dan hu hekk, Ġesù għaliex jikkritika bl-ikraħ lir-raġel sinjur?
Dan minħabba l-attitudni li r-raġel sinjur għandu lejn ħaddieħor. Jekk nirriflettu ftit, niskopru li f’din il-parabbola, ir-raġel sinjur għandu attitudni problematika ħafna – huwa egoist. Minkejja li għandu ħafna ġid, kontinwament jikser il-prinċipju tal-karità – li hu dak li nħobbu lill-oħrajn bħalma nħobbu lilna nfusna (u bħalma jħobbna Alla). Hawnhekk tajjeb ngħidu li, b’mod konkret, Alla baqa’ jipprova jistieden lir-raġel sinjur biex iħobb. Tabilħaqq, għalkemm Alla ta lis-sinjur il-libertà li jagħżel, bagħat lil Lazzru wara biebu. Lazzru kien stedina mibgħuta mingħand Alla – stedina għall-imħabba! Alla jibgħat dawn l-istediniet f’ħajjitna ukoll – anke jekk forsi xi drabi ma nindunawx. Xi kultant inkunu aljenati wisq biex nindunaw li xi ħadd għandu bżonna, jew li fil-fatt nistgħu nikkontribwixxu b’xi mod. Apparti min dan, li nħobbu lil ħaddieħor jirrikjedi ħafna ħin u sforz – jeħtieġ li wieħed jieqaf u jistaqsi; x’nista’ nagħmel jien biex ngħinha lil din il-persuna? Lil min nista ngħin? Qiegħed/a inħobb biżżejjed?
Bħalma għamel ma’ Lazzru, Alla jħalli lilna ħielsa ukoll. Alla ma jġiegħelniex inħobbu. Imma Alla hu ġust. Fl-aħħar, ir-raġel għani – għaliex irrifjuta li jħobb – ġie miċħud mis-Saltna tal-imħabba. U hawn wieħed ma jistax ma jistaqsix, dan ir-raġel kien verament sinjur, wara kollox?
Din il-ġimgħa Ġesù jfakkarna fejn jinsab il-ġid veru. Alla ma jobgħodx il-kumdità – imma l-egoiżmu jistmerru. Il-mument li xi ħaġa tiġi bejnietna u bejn l-karità, bejnietna u bejn l-imħabba tagħna għal l-oħrajn, huwa l-mument li nitbiegħdu minn Alla – minna nfusnha. Ejja għalhekk nirriflettu ftit – hemm modi differenti ta’ kif inħobbu – imma xi ngħidu, per eżempju, dwar dawk l-eqreb tagħna, qegħdin tassew inħobbuhom b’mod ġenwin? Qegħdin naħfru? Qegħdin nestendu l-paċenzja tagħna?
U f’dan kollu, ejjew bil-ferħ inżommu f’moħħna li kulmeta nħossuna li ma nistgħux inħobbu iktar, kull meta l-paċenzja tispiċċa jew il-qalb tibbies, Alla dejjem qiegħed hemm biex jgħinna, biex iħobbna, u biex, bil-paċenzja kollha, jgħallimna x’inhi l-imħabba vera:
“il-faqar mhux prezzjuż iktar ma jkun radikali: dan għax il-faqar mhux tajjeb fih innifsu. Il-faqar hu tajjeb biss meta jneħħi mit-triq tal-bniedem dawk l-ostakli li qed iwaqqfuh milli japplika ruħu b’mod ħieles lejn għall-affarijiet spiritwali. Dan huwa prinċipju ġenerali rigward il-ħlejjaq kollha: huma tajbin biss sakemm iwasslu għall-virtù, mhux fihom infushom” – Jacques Maritain