In-nawfraġju ta’ San Pawl

10 ta' Frar

Għall-Maltin, l-10 ta’ Frar hija ġurnata mmarkata fl-istorja tagħna bħala l-bidu ta’ tradizzjoni Nisranija. Kif imniżżel fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, hu maħsub li l-Appostlu San Pawl innifsu kien li wassal il-Kristjaneżmu fil-ġżira Maltija.

Ir-rakkont li nsibu fl-Atti tal-Appostli (Kap 27 vrus 18-38; 28,1-17) jagħti deskrizzjoni ħajja ta’ dan l-avveniment.

San Pawl kien priġunier fi triqtu lejn Ruma biex jiġi ġġudikat hemmhekk, meta waqt maltempata qawwija, il-bastiment tfarrak mal-kosta ta’ Malta. Abbord kien hemm 276 persuna, il-biċċa l-kbira kienu priġunieri bħalu.  Dawk kollha li kienu fuq il-vapur kienu tilfu kull tama li jsalvaw ħajjithom iżda Pawlu serħilhom rashom u qalilhom li l-Anġlu ta’ Alla deherlu u assiġurah li ħadd ma kien se jmut, għalkemm il-vapur kien ser jiġġarraf fuq gżira.

Meta kollha rnexxielhom jaslu l-art qawwijin u sħaħ bl-għawm, saru jafu li l-gżira kien jisimha Malta. Il-Maltin ġiebu ruħhom magħhom bi ħlewwa li ma bħalha. Qabbdu ħuġġieġa għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela, San Pawl qabad qabda żkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ idu. Peress li ma ġralu xejn, bdew jgħidu li kien xi alla.

Dak iż-żmien, Publju kien ir-rappreżentant Ruman fil-gżira. Pawlu xandar il-fidi Nisranija fost il-Maltin u fejjaq il-morda fosthom lil missier Publju. Għat-tliet xhur, huwa għex f’għar li għadu magħruf sal-lum bħala l-Għar ta’ San Pawl fir-Rabat. Qabel ma kompla l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma, Pawlu ħatar lil Publju bħala Isqof biex jieħu ħsieb lil dawk li kienu saru nsara.

San Pawl kien qed jittieħed Ruma bħala priġunier, iżda ma kienx kriminal. Hu kien Fariżew li kien jibbaża t-twemmin tiegħu fuq il-Liġi ta’ Mosè, u kien iqis lis-segwaċi ta’ Ġesù bħala theddida għat-twemmin tiegħu. Kollox inbidel meta, fi triqtu lejn Damasku biex jaqbad lill-Insara, meta kellmu Ġesù nnifsu. (Atti 9, 22-26)

Alla żejjen lil Pawlu b’ħafna kwalitajiet sbieħ fil-personalità tiegħu.  Hu uża dawn id-doni biex ixerred il-Fidi Nisranija. Kien mexxej kbir u wassal lil ħafna nies, speċjalment lill-Ġentili (dawk li ma kinux Lhud) biex jemmnu f’Ġesù Kristu.

San Pawl hu l-Qaddis Patrun ta’ Malta.

Tajjeb toħloq opportunità li titkellem mat-tfal fuq li Alla jagħti rigali speċjali lil kull wieħed u waħda minna. Alla jistenna li aħna nagħmlu xi ħaġa sabiħa b’dawn id-doni li huma kollha differenti minn ta’ xulxin. Dawn ir-rigali jew abilitajiet jikbru meta nagħmlu użu tajjeb minnhom. Jekk ma nużawx tajjeb dawn il-kwalitajiet, aħna nkunu qed naħlu dawn ir-rigali li Alla tana u jibqa’ jagħtina kontinwament.

  • Għin lit-tfal biex jindunaw b’dawn ir-rigali. 
  • Inkuraġġihom jitkellmu fuq l-abilitajiet tagħhom.
  • Urihom il-kwalitajiet li tara fihom (li jafu l-computer sew, jafu jkantaw, ipinġu, isajru, iferrħu lill-oħrajn, jkunu qalbhom tajba, ġenerużi, krejattivi, jafu jitolbu, etc.)

Sib okkażjonijiet fejn tista’ tgħaddi kumpliment lit-tfal, tfaħħrilhom dak li jagħmlu (mhux tal-iskola biss).

Għinhom jitgħallmu jfaħħru lil sħabhom u lill-oħrajn meta jagħmlu xi ħaġa li togħġobhom.

Meta l-vapur kien qed jegħreq, kulħadd kien imwerwer. Imma San Pawl ħa t-tmexxija f’idejh f’dik is-sitwazzjoni gravi. In-nies kollha afdaw f’Pawlu. Huma emmnu li Alla tiegħu kien se jwassalhom għas-sigurtà, u din il-fidi tathom tama. Mill-banda l-oħra, Pawlu kellu fidi li Alla kien ser jisma’ t-talb tiegħu. Hu kellu fiduċja f’Alla u emmen li Hu kien se jisimgħu. Hu qasam il-ħobż, u qaddes l-ewwel forma ta’ Quddiesa. 

It-tempesti f’ħajjitna huma sitwazzjonijiet fejn nibżgħu minn dak li jiġri fi żmien inċert.

Ħeġġeġ lit-tfal jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar is-sentimenti li jikkaġunawlhom il-biża’.

Ġesù jgħinna negħlbu l-biżgħat tagħna jekk nemmnu fih u npoġġu l-fiduċja tagħna fih.

Alla mhux dejjem iwaqqaf is-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna. Madankollu, Hu jwiegħed li dejjem se jkun magħna u li dejjem se jkun ħabib tagħna.

Tajjeb li tfittex l-istorja ta’ meta Ġesù kkalma l-maltempata fil-Bibbja tat-Tfal (Mark 4: 35-41).

Għaddi l-messaġġ:  “Il-Fidi Tkeċċi l-Biżà“.

Ħin tat-Talb mal-Familja:  Ikkunsidra li taqra, jew tirrakkonta int stess, l-istorja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.

Talb: Ngħidu grazzi tal-ġid kollu li għandna. (eż. Grazzi Mulej li tgħinni nkun qalbi tajba… talli tajtni leħni sabih biex inkanta…. etc. Għin lit-tfal jitkellmu mal-Mulej fuq il-biżgħat tagħhom…).

Fl-Atti tal-Appostli, San Pawl kien fi triqtu lejn Ruma ma’ priġunieri oħra meta l-bastiment tiegħu nkalja fuq ix-xtut Maltin minħabba maltempata kbira.

San Pawl ġab il-Fidi Nisranija fil-gżira tagħna.

Fuq kartoncina ta’ size A4, penġi u weħħal stampa ta’ San Pawl u tal-gżejjer Maltin. Imbagħad ikteb talba qasira fejn tirringrazzja lil Alla talli bgħatilna lil San Pawl sabiex ixandar il-kelma u l-imħabba ta’ Alla fil-gżejjer tagħna.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.