Fil-preżenza tiegħU

Is-16-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Il-ġrajja tal-Evanġelju tal-lum, hija unika għall-Evanġelju ta’ San Luqa. Din issegwi l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Iż-żewġ stejjer juru ’l fejn irid jipponta dak li jrid jimxi wara Ġesù, biex jobdi l-kmand tiegħu li jibda f’kapitlu 10: ħobb lil Alla (Marija) u lill-proxxmu tiegħek (is-Samaritan). Dawn huma essenzjali għall-ħajja fis-Saltna ta’ Alla. Bl-eżempju tas-Samaritan u ta’ mara, Ġesù qiegħed iwassal messaġġ ieħor, ejjew naraw kif.

Ġesù kien mistieden għall-ikel għand Marija u Marta. Marija, mal-ewwel intefgħet f’riġlejn Ġesù biex tisimgħu jitkellem. Marta bdiet il-preparazzjonijiet għall-ikel, kellha wisq x’tagħmel biex tieqaf tisma’ lil Ġesù! Fl-aħħar marret ħdejh u qaltlu, “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Ġesù wieġeb u qal, “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”. Għall-bidu nitħassruha lil Marta, tagħmel kollox waħedha. Madanakollu, meta wieħed jirrifletti, jara li hemm bżonn ta’ bilanċ fil-ħajja nisranija. L-għażla bejn imħabba altrwista u l-qadi u l-bżonn li wieħed jisma’ b’attenzjoni l-Kelma ta’ Alla. Ma hemmx firda bejn ix-xogħol ta’ Marta u l-kontemplazzjoni ta’ Marija. Wieħed mhux aħjar mill-ieħor, it-tnejn bżonnjużi. Ġesù ma kienx qed iwaqqa’ x-xogħol ta’ Marta. Hu enfasizza li Marija għażlet l-aħjar rwol bħala dixxiplu. Fi żmien Ġesù, kienu l-irġiel li joqgħodu jisimgħu l-għalliem. L-irwol tal-irġiel u tan-nisa kien distint, bħalma kienet ir-relazzjoni bejn il-Lhud u s-Samaritani (huma kienu għedewwa). Marija b’hekk qasmet din il-fruntiera, għamlet dak li soltu kienu jagħmlu l-irġiel; hi qagħdet f’riġlejn Ġesù. Meta Ġesù faħħar lil Marija, huwa kien ukoll qiegħed jinkorraġġixi lin-nisa biex ma jibqgħux imwaħħla mar-rwol li tagħthom il-kultura; Ġesù jridhom ikunu dixxipli wkoll.

Ħafna drabi jkollna wisq x’nagħmlu u nbatu biex insibu l-ħin biex inkunu fil-kwiet u noqgħodu “bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej.” Staqsi lilek innifsek, inti lil min tixbaħ l-aktar, jekk hux lil Marija jew lil Marta? Kif tista’ tqassam il-ħin biex tkun tista’ tagħti lil Ġesù tal-anqas 10 minuti jew kwarta, kuljum? L-impenji tal-familja jfixkluk? Matul din il-ġimgħa, agħmel ħin biex b’mod regolari taqra mill-Bibbja u titlob, mhux bil-fors tuża kliem, tista’ toqgħod taħseb dwar Ġesù. Dan l-Evanġelju jitlobna biex ikollna bilanċ fil-ħajja tagħna. L-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, spiċċa bil-kliem, “Mur, u agħmel hekk int ukoll.” Nistgħu nitgħallmu mit-tnejn.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 10:38-42)

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Meta xi ħadd jistaqsina “Kif inti?” ġeneralment it-tweġiba tagħna tkun, “għandi ħafna x’nagħmel.” Il-ħsibijiet, stress u anzjetà huma sintomi komuni fil-ħajja tal-familja. Aħseb dwar dak li tagħmel ta’ kuljum, u ara kif tista’ ssib il-ħin biex toqgħod waħdek ma’ Alla, anke jekk għal 10 minuti.
  4. Flimkien mal-familja, iddiskuti dwar limiti u konfini. Hemm dawk li huma tajbin, iżda oħrajn joħolqu separazzjoni. Spjega, kif f’dan l-Evanġelju Ġesù ixejjen il-ħsieb li nisa ma setgħux ikunu dixxipli. 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (10: 38-42)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu dwar żewġ aħwa, Marija u Marta, li mar iżurhom il-ħabib speċjali tagħhom, Ġesù. Matul din iż-żjara, Marija titgħallem lezzjoni importanti ħafna, jiġifieri li Ġesù jixtieq li aħna ngħaddu ħin miegħu.

  • Ġesù jrid li aħna ngħaddu ħin miegħu
  • Ġesù jrid li aħna nibgħqu qrib tiegħu u nisimgħu dak li jrid jgħidilna
  • Bibbja tat-tfal

Darba waħda, Ġesù wasal f’raħal jisimu Betanja, fejn kienu joqgħodu żewġt aħwa, jisimhom Marija u Marta. Huwhom kien jismu Lażru u huma lkoll kienu ħbieb ta’ Ġesù. Marta stiednet lil Ġesù għandhom. Marija qagħdet bilqegħda f’riġlejn Ġesù biex tisimgħu jitkellem. Marta, iżda, bdiet tipprepara l-ikel u kellha ħafna x’tagħmel biex isservi lil kulħadd. Fil-fatt, Marta ma ħaditx gost li Marija ma marritx tgħinha. Marija baqgħet ħdejn Ġesù, tisimgħu jitkellem u tgħaddi ħinha miegħu. Marta staqsiet lil Ġesù biex jgħid lil Marija tmur tgħinha għax ix-xogħol kienet qed tagħmlu kollu hi! “Jekk jogħġbok, għidilha tiġi tgħinni,” Marta qalet lil Ġesù. 

Qatt iddispjaċiekom għax ħassejtu li ġrat xi ħaġa li ma kienitx fair? Per eżempju, tħoss li inti tingħata aktar affarijiet x’tagħmel id-dar milli jingħataw ħutek. Inkella li għalkemm kontu qed tagħmlu xi ħaġa flimkien, inti ħdimt aktar. Diffiċli ħafna li ma nikkomparawx lilna nfusna mal-oħrajn. Madanakollu għandna aktar nagħtu kas ta’ dak li nagħmlu aħna u li dan qiegħed jogħġob lil Ġesù.

Lil Marta, Ġesù, jgħidilha biex ma toqgħodx tinkwieta dwar il-preparamenti u li kien aktar importanti għaliha li tieqaf u tisma’ dak li kien qiegħed jgħid hu, li toqgħod qrib tiegħu, kif kienet qed tagħmel, oħtha Marija. Marta kienet qed titlef dak li Marija kellha meta kienet bilqegħda fil-paċi, f’riġlejn Ġesù. Marija riedet tisma’ lil Ġesù. Ma riedtix titlef kelma milli qal, biex issir aktar bħalu. Marta ma kienitx qrib ta’ Ġesù. Ma kienitx fil-paċi, bħalma kienet Marija, għax hi kellha wisq x’tagħmel. Dak li Ġesù qal lil Marta, jgħidu lilna wkoll. Aħna għandna bżonn nieqfu u nisimgħuh. Ġesù ma jirrabjax ma’ Marija, kien kuntent li qagħdet viċin tiegħu, tisimgħu. Ġesù jkun kuntent bina, meta aħna nkunu qrib tiegħu u nisimgħu dak li jrid jgħidilna. Dan nistgħu nagħmluh, meta naqraw il-Bibbja u nitolbu.

Mod ta’ kif inkunu qrib ta’ Ġesù, hu meta naqraw il-Bibbja. Matul din il-ġimgħa, sib il-ħin, biex toqgħod għall-kwiet u taqra, jew tisma’ ġrajjiet mill-Bibbja tat-tfal. Meta tagħmel hekk, tagħmel dak li smajna li għamlet Marija, fl-Evanġelju tal-lum. Hi straħet fil-preżenza ta’ Ġesù.

Isma’ s-song,  Jesus Loves me.

Radd tas-salib

Għażiż Alla, grazzi tal-imħabba tiegħek. Grazzi tal-kliem fil-Bibbja. Grazzi li għamiltna parti mill-familja tiegħek. Għinni nitgħallem kif ngħaddi ħin miegħek u li nistrieħ fil-preżenza tiegħek. Ammen.

Illum ser nisimgħu dwar iż-żjara ta’ Ġesù fid-dar ta’ Marija u Marta li tfakkarna fl-importanza li noqgħodu attenti għal dak li jgħid Ġesù u nistrieħu fil-preżenza tiegħu. Għandna nagħtu l-attenzjoni tagħna lil dak li hu importanti.

  • Importanti li ma ninsewx nagħtu ħin lil Ġesù, għax ikollna ħafna attivitajiet oħra. Ġesù, wkoll, irid l-attenzjoni tagħna.
  • Xi drabi, irrid nieqfu u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u npoġġu lil Alla l-ewwel.
  • Flixkun żgħir tal-plastic
  • Glitter
  • Kulur tal-ikel

Illum Ġesù jgħallimna lezzjoni importanti, dwar kif għandna nagħtu attenzjoni lil Alla u ma nħallux attivitajiet oħra jaljenawna. Qatt kontu qed tkellmu lil xi ħadd, u minkejja dan, din il-persuna tkun qed tagħti l-attenzjoni tagħha lill-mobile u mhux lilek? Kif ħassejtek meta xi ħadd ma kienx qiegħed jagħtik l-attenzjoni li xtaqt? Meta jiġrili hekk, niddejjaq u nħossni qisni inviżibbli! Meta tiġri din il-ħaġa, hija frustranti u ta’ diżappunt. Min-naħa l-oħra, inti qatt kont aljenat b’xi ħaġa ġdida, li ma tajtx kas il-ħbieb tiegħek? X’aktarx lil kulħadd tiġri xi darba jew oħra. Illum l-Evanġelju huwa dwar mara li kienet aljenata meta Ġesù kien fid-dar tagħha.

Ġesù mar għall-ikel fid-dar tal-ħbieb tiegħu, Marija u Marta. Marta kienet qed tipprepara l-ikel, waqt li Marija, qagħdet f’riġeljn Ġesù tisimgħu jitkellem. Marta ma ħaditx gost, għax kellha ħafna x’tagħmel u Marija ma kinitx qed tgħinha. Ma tantx tinstema’ fair din il-biċċa, hux hekk? 

Iżda Ġesù qal lil Marta, li ħaġa biss kienet importanti u li Marija kienet għażlet sew. Marija għażlet li toqgħod ħdejn Ġesù tisimgħu jitkellem.  Marta kien aktar moħħha bit-tisjir u l-ikel, kienet aljenata, u ma semgħetx lil Ġesù. Ġesù mhux qiegħed jgħid li t-tisjir jew ix-xogħol tad-dar huwa ħażin. Kien qiegħed juri lil Marija u lil Marta, li rridu npoġġu lil Alla l-ewwel f’kollox. Mod kif inżommu lil Alla l-ewwel huwa li mmorru għall-quddies, speċjalment nhar ta’ Ħadd. Mod ieħor hu li titlob meta tqum, qabel ma tiekol u meta tmur torqod. Meta tkun ser tagħmel xi ħaġa, l-ewwel itlob. Offri l-logħob u dak li tagħmel għall-glorja ta’ Alla.

Mod tajjeb kif tistrieħ fil-preżenza ta’ Alla huwa li toqgħod għall-kwiet u taħseb dwar Ġesù u taqra l-Kelma tiegħu mill-Bibbja. Jekk trid, tista’ tagħmel ‘flixkun ta’ riflessjoni’ biex jgħinek tikkonċentra fuq Ġesù. Vera faċli biex tagħmlu!

Poġġi l-glitter fi flixkun tal-ilma tal-plastic vojt. Imlieh bl-ilma u żid il-kulur. Agħlaq il-flixkun sew minħabba li tkun trid tħawdu. Ħares lejh waqt li l-glitter ikun qiegħed idur fl-ilma, dan jgħinek biex tiffoka l-ħsibijiet tiegħek u titlob fil-kwiet, inkella biex taqra xi ġrajja mill-Bibbja. B’dan il-mod, tkun qed tagħmel ħin għal Ġesù.

Isma’ s-song; 10,000 Reasons.

Inroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, għinni niftakar li inti l-aktar importanti fil-ħajja tiegħi. Għinni biex ma jkollix iżżejjed x’nagħmel u nħalli affarijiet jaljenawni u ninsa ngħaddi ħin miegħek. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.