Illum nisimgħu aktar mill-Evanġelju skont San Mark. Ġesù jagħti struzzjonijiet lid-dixxipli u jibgħathom tnejn tnejn, biex f’ismu, jippridkaw il-bżonn għall-indiema. Fit-tielet kapitlu, insibu lil Ġesù jsejjaħ tnax-il ‘appostlu’. Il-kelma ‘appostlu’ tfisser ‘mibgħut’. In-numru tnax huwa sinifikattiv ukoll, għax jirrappreżenta t-tnax-il tribù ta’ Iżrael. L-għan ta’ Alla, hu li jerġa’ jibni l-poplu tiegħu, kif darba kienet is-sejħa tat-tnax-il tribù.
Ġesù huwa ċar fl-istruzzjonijiet li jagħti. Iridu jmorru tnejn tnejn u ma jieħdu xejn magħhom, ħlief ħatar. Ma kellhom jieħdu la flus, la tibdila ta’ ħwejjeġ, la basket u lanqas ħobż. Kien ser ikollhom is-setgħa ‘fuq l-ispirti ħżiena’ u ‘jidilku lill-morda’. Kienu mħeġġa biex joqgħodu fl-istess dar u mhux imorru minn dar għall-oħra. Jekk huma jew il-messaġġ tagħhom ma kienx milqugħ, kellhom ‘ifarfru t-trab minn taħt saqajhom’. (Fi żmien Ġesù, dan kien ġest użat biex juri d-diżapprovazzjoni għan-nuqqas ta’ ospitalità)
Illum Ġesù qiegħed jibgħat lilna fid-dinja, bħala dixxipli tiegħu. L-Evanġelju jrid jitwassal u jixxandar u jkun hemm ukoll xhieda tiegħu. Bħall-ewwel appostli, ma aħniex mibgħuta waħedna, għandna l-komunità tal-Knisja li ssostni l-ħajja tad-dixxiplu. Nistgħu naħarbu minn din ir-responsabbiltà jew ngħidu li mhix affari tagħna. Nistgħu wkoll nikkonvinċu lilna nfusna li qed inkunu ta’ xhieda, meta nġibu ruħna sew mal-oħrajn. Iżda dak li jistenna Ġesù, huwa aktar minn hekk. Il-messaġġ nisrani huwa mxandar b’mod awtentiku, f’komunità ta’ fidi, permezz tal-Knisja u s-Sagramenti. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jekk il-bini tas-Saltna ta’ Alla tiddependi fuqi, din, tista’ qatt isseħħ? Bi grazzja kbira, din ma tiddependix fuq ħadd b’mod individwali, iżda fuqna lkoll bħala segwaċi ta’ Kristu. Aħna msejħa biex nagħtu xhieda, għalhekk naqsmu mal-oħrajn ir-raġuni tat-tama, ferħ u fidi tagħna. Kif qal San Pietru, “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom.” (1 Pietru 3, 15) Ejjew ma nistħux mill-Evanġelju u l-messaġġ ta’ ndiema, ma niddejqux induru lejn Kristu, u ngħixu ħajja msejsa fuq valuri nsara. Dan huwa l-akbar eżempju li nistgħu nagħtu lil dawk ta’ madwarna. L-appostli wrew fidi kbira u ħafna kuraġġ meta għamlu dak li ried Ġesù. Aħna wkoll nistgħu nitolbu biex ikollna l-istess fidi u kuraġġ.