Ragħaj wieħed

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Ir-raba’ Ħadd tal-Għid, imsejjaħ il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, u t-tema ewlenija tal-qari huwa Ġesu bħala r-Ragħaj it-tajjeb, li nsibu f’kapitlu 10 tal-Evanġelju skont San Ġwann. L-immaġini tan-nagħaġ u r-ragħaj toffri messaġġ ta’ tama f’dan iż-żmien tal-Għid. Naħsbu dwar Ġesù, bħala gwida u protettur, li bħal ragħaj jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu. Il-messaġġ ewlieni tal-Evanġelju huwa d-don tal-ħajja ta’ dejjem, li jingħata lin-nagħaġ, u l-konnessjoni bejn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb u Alla l-Missier.

Illum, huwa wkoll Jum il-Vokazzjonijiet. Din il-ġurnata kienet imwaqqfa minn Papa Ġwanni Pawlu II u bi kliemu stess, “Tibżgħux tiftħu l-bibien għal Kristu …” nitolbu għas-saċerdoti li huma r-rgħajja tal-Knisja.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħmel tliet dikjarazzjonijiet. L-ewwel waħda hija li hu jaf lin-nagħaġ tiegħu, u n-nagħaġ tiegħu jisimgħu leħnu. L-istess kif ir-rgħajja Lhud ta’ żmien Ġesù, kienu jafu lin-nagħaġ tagħhom b’isimhom u n-nagħaġ kienu jagħrfu leħen ir-ragħaj tagħhom, Ġesù jaf lilna b’mod individwali. Hu jaf id-dgħufijiet tagħna, il-bżonnijiet tagħna u wkoll il-merti tagħna. Hu jħobbna kif aħna, minkejja n-nuqqasijiet li għandna u jitlobna biex inpattu din l-imħabba tiegħu b’ubbidejnza għall-kliem tiegħu. Ġesù jkellimna waqt kull quddiesa, jkellimna permezz tas-saċerdoti, tal-ġenituri tagħna, tat-tfal tagħna, il-ħbieb u saħansitra permezz ta’ dak li jiġri f’ħajjitna.

It-tieni dikjarazzjoni, hija li lin-nagħaġ tiegħu, jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem. Aħna nibdew il-vjaġġ ta’ fidi fil-magħmudija u nqawwu din il-fidi bis-sagrament tal-Konfermazzjoni. Hu jagħtina ikel għal ruħna fl-Ewkaristija u fil-Kelma tiegħu li hemm fil-Bibbja. Is-sagramenti tal-Ordni Sagri u Żwieġ, isaħħu t-tfittxija tagħna għall-qdusija. 

It-tielet dikjarazzjoni hija li Ġesù jipproteġi lin-nagħaġ. Hu jpoġġina fl-idejn mimlija mħabba tal-Missier u ħadd ma jista’ jaħtafna minnhom, sakemm aħna nibqgħu infittxu l-protezzjoni tiegħu u nħalluh ikun dak li jmexxina.

Dan huwa messaġġ ta’ tama. Bħala ġenituri, għandna l-isfida li nkunu rgħajja tajba għal dawk li aħna fdati biex nieħdu ħsiebhom. Ġeneralment, il-vokazzjonijiet jinbtu mill-familja. Minħabba f’hekk, il-ġenituri jibqgħu l-ewwel u l-aqwa għalliema bil-fidi għal uliedhom. Matul din il-ġimgħa, għamel il-ħin biex il-familja titlob flimkien. Itolbu qabel l-ikel, qabel ma torqdu, roddu s-salib qabel ma tibdew issuqu. Ippruvaw li dawn isiru drawwa regolari. Meta nagħmlu dan, inkunu qegħdin inwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, u nkunu qegħdin niżirgħu iż-żerriegħa għall-vokazzjonijiet li għad jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali, ta’ ġenerazzjonijiet futuri. 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 10:27-30)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  1. Matul din il-ġimgħa, b’mod speċjali, itolbu biex l-Ispirtu s-Santu jkompli jsejjaħ nies għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali. Itolbu biex jiżdiedu l-vokazzjonijiet f’Malta.
  2. Ġesù jpoġġina f’kuntatt dirett ma’ Alla l-Missier. Li nkunu nafu lil Ġesù tfisser li nafu wkoll lill-Missier. Itlob il-Missierna kuljum matul din il-ġimgħa biex tirrikonoxxi l-imħabba tiegħu fil-ħajja tiegħek. Alla ma jinsiniex u lanqas aħna ma għandna ninsewh fit-taħbit tal-ġurnata.
  3. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann(10: 27-30)
    ii. Xemgħa bajda
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  4. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  5. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu lil Ġesù jgħidilna li hu jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu. Hu r-Ragħaj it-Tajjeb li jaf, iħobb, imexxi u jieħu ħsieb tan-nagħaġ tiegħu. Hu jurina t-triq għal għand Alla, it-triq tal-ħajja ta’ dejjem.

  • Ġesù hu r-ragħaj it-tajjeb. Hu jħobbna u jmexxina, bl-istess mod li ragħaj jigwida u jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu
  • Importanti li nisimgħu leħen Ġesù
  • Kopja tal-attività tal-lum
  • Imqass/gloj
  • Tajjar
  • Kuluri 

X’tafu dwar in-nagħaġ? (għandhom ħafna suf) X’ħoss jagħmlu? (Baa, Baa) X’jieklu? (il-ħaxix) Kontu tafu li s-suf tagħhom jintuża biex isiru l-ħwejjeġ? Fi żmien Ġesù, in-nagħaġ kienu jitħallew iduru fuq l-għoljiet, biex ifittxu l-ikel; ragħaj kien jieħu ħsiebhom. Ix-xogħol tar-ragħaj kien li jipproteġi lin-nagħaġ mill-periklu, speċjalment matul il-lejl, meta seta’ jattakkom xi lupu. In-nagħaġ jagħrfu leħen ir-ragħaj tagħhom. 

Mhux in-nagħaġ kollha huma bravi. Imma r-ragħaj jaf kull nagħġa li għandu. Hu jafhom wieħed wieħed u waħda waħda. Ragħaj tajjeb irrid ikun b’saħtu, irid ikun lest li jissogra ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Ragħaj tajjeb ma jistax jaljena rasu, għax xi ħadd jista’ jersaq bil-lejl u jisraqlu n-nagħaġ. Ragħaj tajjeb intelliġenti, għax in-nagħaġ kollha differenti. Ragħaj tajjeb irid ikollu l-paċenzja, għax xi nagħaġ ġieli jaqbdu u jitilqu għal rashom. Ragħaj tajjeb jieħu ħsieb tan-nagħaġ għax huma malajr jimirdu.

Taħsbu li huwa importanti għan-nagħaġ li jkollhom ragħaj tajjeb? Naħseb li hu importanti, u Ġesù hekk kien jaħseb ukoll! Għalhekk lid-dixxipli, Ġesù, qalilhom li hu kien ir-Ragħaj it-Tajjeb! X’taħsbu li ried ifisser Ġesù? Dan ifisser li dawk li jemmnu fih, huma n-nagħaġ tiegħu. Għalhekk dan ifisser li aħna n-nagħaġ tiegħu. Dan ma jfissirx li għax nemmnu f’Ġesù se nsiru nagħaġ! Imma huwa l-mod kif nispjegaw x’tip ta’ relazzjoni għandna miegħu. Meta nsiru ta’ Ġesù, xejn ma jista’ joħodna mingħandu, u aħna nkunu nafuh u nagħrfu leħnu. Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb, hu ta ħajtu għalina, meta miet fuq is-salib. Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, huwa b’saħħtu u jiġġieled biex jipproteġina. Ġesu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, dejjem jieħu ħsiebna. Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, għandu l-paċenzja u qatt ma jinsina!

Tista’ tagħmel nagħġa biex tiftakar li Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb. Għamel printout tal-attività tal-lum. Wiċċ in-nagħġa u saqajha penġihom suwed. Waħħal it-tajjar fuq il-bqija, biex tiġi b’ħafna suf, u minħabba li llum huwa Jum l-Omm, agħtiha lill-mamà tiegħek!

Isma’, The Baa Baa Song He’s the Good Shepherd.

Inroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, grazzi li inti r-Ragħaj it-Tajjeb tagħna, li tajt ħajtek għalina u li tieħu ħsiebna. Għinni biex nisma’ leħnek u nimxi wara leħnek, biex b’hekk ikolli l-ħajja ta’ dejjem ma’ Alla. Ammen.

L-Evanġelju tal-lum jgħallimna dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, bħala nies li nimxu warajh. Hu jgħidilna li hu r-Ragħaj it-Tajjeb u li aħna n-nagħaġ tiegħu. Huwa importanti li nisimgħuh, għax hu jħobbna u jieħu ħsieb kull wieħed u waħda minna, u qatt ma jħallina waħedna. Hu jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

  • Ġesù huwa r-ragħaj tan-nies; minħabba li aħna nimxu warajh, aħna n-nagħaġ tiegħu
  • Ġesù jurina kif għandna ngħixu biex nimxu warajh. Hu jieħu ħsiebna, kif ragħaj jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu
  • Kopja tal-attività tal-lum
  • Imqass/gloj
  • Kartonċina
  • Kuluri

Fl-Evanġelju tal-lum, bħall-ġimgħa l-oħra, Ġesù qiegħed jitkellem mad-dixxipli tiegħu, dwar in-nagħaġ. Nisimgħu l-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta Ġesù jsejjaħ lilu nnifsu ir-Ragħaj it-Tajjeb. X’taħsbu li Ġesù ried ifisser meta sejjaħ lilu nnifsu r-Ragħaj it-Tajjeb? X’jagħmel ragħaj? Fi żmien Ġesù, ħafna nies kellhom merħla żgħira ta’ nagħaġ, u kien ikollhom bżonn ragħaj biex jieħu ħsieb din il-merħla meta tkun fuq l-għoljiet. Ir-ragħaj kien jaf kull nagħġa b’isimha. Kienu qishom pets tagħhom! Intom għandkom pet id-dar? Hawn ħafna annimali li nistgħu nżommuhom bħala pets, bħal klieb, qtates, hamsters, fniek tal-indi, għasafar u ħut.

Jekk ikollok pet, tagħtih isem. X’jagħmel dan il-pet meta jisma’ ismu? Il-kelb iferfer denbu jew jiġi jilgħaqlek wiċċek! Dawn huma sinjali li l-kelb jagħrfek u jħobbok. 

Hija responsabbiltà kbira li trabbi pet. Trid tkun lest li tieħu ħsiebu, li tagħtih jiekol u jixrob. Trid iżomm il-post nadif u tara li ma jkunx f’periklu. Jekk għandek kelb, trid toħorġu passiġġata kuljum. Meta naħsbu dwar dawn l-affarijiet nifhmu Ġesù x’ried jgħid meta sejjaħ lilu nnifsu r-Ragħaj it-Tajjeb. In-nagħaġ ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, għandhom bżonn lil xi ħadd biex jieħu ħsiebhom u jipproteġihom mill-periklu. Ġesu jgħid li jaf lin-nagħaġ tiegħu u li huma jagħrfu leħnu, li ħadd ma jista’ jeħodhomlu, u huma qatt ma jintilfu.

Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar in-nagħaġ, imma dwari u dwarek. Hu kien qed jitkellem dwar ir-relazzjoni tagħna miegħu. Aħna n-nagħaġ tiegħu, għax aħna nimxu warajh, nimxu wara Ġesù li jħobbna u jieħu ħsiebna. Ġesù jara li ma jkun jonqosna xejn. Hu kien lest li jagħti ħajtu għalina meta miet fuq is-salib, sabiex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja ta’ dejjem ma’ Alla. 

Ġesù jħobb lin-nagħaġ tiegħu. Ġesù jħobb lili u lilek!

Issa, forsi tixtieq li tagħmel nagħġa biex tibqa’ tiftakar fl-Evanġelju tal-lum. Agħmel printout tan-nagħġa u imxi fuq l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk trid, meta tkun lesta, agħtiha lill-mama.

Isimgħu,  Oh, My Shepherd.

Illum huwa Jum il-Vokazzjonijiet, nitolbu b’mod speċjali għas-saċerdoti u reliġjużi. Biex tkun taf aktar mur fuq hawn.

Inroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, għinni biex nisma’ leħnek, għinni biex nimxi warajk. Illum nitolbu b’mod speċjali għall-ommijiet li jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom u nitolbu biex aktar nies isiru saċerdoti u sorijiet. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.