Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jaqleb l-imwejjed ta’ dawk li kienu jsarrfu flus u tal-bejjiegħa tal-annimali, fosthom barrin, nagħaġ u ħamiem li kienu jkunu offruti b’sagrifiċċju fit-tempju. Huwa jitfagħhom ’l barra mit-tempju għax kienu bidlu dan il-post f’dar tan-negozju. Meta staqsewh x’awtorità kellu biex jagħmel dan, qalilhom biex iħottu t-tempju u jerġa jibnih fi tlitt ijiem.
Ġesù rrabja għal dak li kien qiegħed isir fit-tempju, post ta’ qima. Ra l-abbuż ta’ dawk li jsarrfu l-flus, għax kienu jqarrqu bin-nies meta jbiddlu l-muniti barranin għall-flus li setgħu iħallsu t-taxxa tat-tempju bihom. Jista’ jkun li nħossu ċerta diżappunt li Ġesù “għamel sawt mill-ħbula.” Iżda biex nifhmu l-aġir ta’ Ġesù, u t-tweġiba tiegħu meta kien mistoqsi għalfejn għamel dan kollu, rridu l-ewwel nifhmu kif kienet issir il-qima fit-tempju f’dawk iż-żminijiet, kif ukoll nirriflettu dwar l-Evanġelju kollu ta’ San Ġwann.
Fit-tempju ta’ Ġerusalemm, il-bejjiegħa kienu jbiegħu l-annimali lil dawk li jmorru jqimu lil Alla. L-annimali kienu jkunu offruti b’sagriffiċju bi tpattija għad-dnubiet tagħhom, ħlas simboliku. Id-demm tal-annimali kien jitqies bħala l-‘ħajja’ nnifisha, l-oppost tal-mewt u mod kif persuna tista’ żżomm relazzjoni tajba ma’ Alla. Dawk li jbiddlu l-flus kienu jbiddlu flus Rumani, li kellhom wiċċ l-imperatur Ruman (li r-Rumani kienu jqisuh bħala alla) għal flus oħra li bihom kienu jistgħu jħallsu t-taxxa tat-tempju (dawn it-taxxi kienu jintużaw għall-bżonnijiet tat-tempju). Dawn li jsarrfu l-flus kienu magħrufa bħala nies li jqarrqu. Is-sagrifiċċji tal-annimali jidhru strambi għalina, imma rridu nifhmuhom fid-dawl tal-passjoni, l-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Ġwanni juża dan l-episodju tat-tempju biex aktar ’l quddiem jinterpreta ġrajja oħra u jikxef l-identità ta’ Ġesù bħala l-Messija. Dan ir-rakkont ta’ Ġwanni (b’differenza mill-Evanġelji Sinottiċi) insibuh fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, eżatt wara l-ewwel miraklu f’Kana. Ġwanni qiegħed jikteb fi żmien l-ewwel insara (80 – 100 WK). Hu jsostni li l-qima fit-tempju ma għadx hemm bżonnha, ġaladarba Ġesù bata’, miet u qam mill-mewt.
Ġesù mhuwiex jitkellem dwar it-tiġrif fiżiku tat-tempju imma qiegħed iħabbar il-mewt u qawmien tiegħu mill-mewt wara tlitt ijiem. In-nies jixtiequ sinjal, iridu prova tal-awtorità li kellu biex jagħmel dan kollu. Is-sinjal, per eċċellenza tal-Evanġelju tal-lum, huwa l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Aħna jkollna dubji fil-fidi? Jew naċċettaw li Ġesù huwa l-Mulej u salvatur?