Illum huwa t-tieni Ħadd tal-Għid, il-Ħadd li fih niċċelebraw il-Ħniena Divina. Il-qari huwa mill-Evanġelju skont San Ġwann u jirrakonta żewġ laqgħat ma’ Kristu rxoxt. L-ewwel għandna r-rakkont tal-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli, jumejn wara l-qawmien tiegħu mill-mewt. It-tieni tiddeskrivi d-djalogu li Ġesù jkollu ma’ Tumas, li ma kienx hemm fl-ewwel laqgħa u ma emminx dak li qalulu.
Id-dixxipli kienu magħluqin ġod-dar, minħabba li kienu mbeżża. Beżgħu li kienu ser jarrestawhom u jikkastigawhom minħabba li kienu segwaċi ta’ Ġesù. F’daqqa waħda jsibu lil Ġesù f’nofshom u jgħidilhom, “Is-sliem għalikom!” It-tislima ta’ Ġesù, hija tipikament Lhudija, “Shalom”. Iżda, meta jgħidha Ġesù, il-prinċep tal-paċi, lil dawn id-dixxipli mbeżża, tieħu tifsira differenti (meta Ġesù huwa fostna, hemm il-paċi).
Hu jurihom idejh u ġenbejh. Hu mhuwiex bla korp, bħal fantażma, huwa l-istess Ġesù li miet fuq is-salib – iżda b’differenza wkoll. Il-biża tagħhom tinbidel f’ferħ hekk kif jaraw lil Ġesù, u jkompli jitkellem magħhom u jirrepeti t-tislima ta’ paċi. Imbagħad jagħtihom missjoni, “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Nefaħ fuqhom u qalilhom “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” Dawn il-kliem Ġesù jgħidhom lilna l-insara wkoll, is-sejħa tad-dixxipli, hija l-missjoni tagħna wkoll.
Tumas it-tewmi, ma kienx qiegħed hemm meta dehrilhom Ġesù. Għalhekk jgħidulu, “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Kemm il-darba nġibu ruħna bħal Tumas u ngħidu “nemmen jekk nara”? Huwa aktar faċli, li nemmnu, wara li nkunu rajna? Din hi marbuta wkoll mal-fiduċja.
Ġimgħa wara, reġgħu kienu miġbura flimkien, u Tumas kien magħhom wkoll. Il-bibien kienu msakkra; f’daqqa waħda Ġesù reġa’ deher fosthom. Wara li reġa’ tagħhom it-tislima ta’ paċi, stieden lil Tumas mhux biex jara l-pjagi f’idejh u ġenbejh, imma biex imisshom. “Tiddubitax, emmen.” Tumas tant kien emozzjonat b’din l-esperjenza li jgħid: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Dan huwa rikonoxximent qawwi tal-identità vera ta’ Ġesù – Alla. Hija att ta’ fidi. Din l-esperjenza kkonvinċiet lil Tumas li kien qiegħed fil-preżenza ta’ Alla nnifsu!
Il-kliem li jgħid Ġesù, jagħtuna kuraġġ, lilna li ma kellniex l-esperjenza bħal ta’ Tumas: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu.” Aħna, irridu nkunu dejjem miftuħa biex nilqgħu dawn l-esperjenzi ta’ Alla. Permezz tal-Ispirtu s-Santu, aħna fost dawk li aħna henjin, għax għalkemm ma rajniex, aħna nemmnu.
Bħalma Swor Fawstina tgħid, “Ġesù, jien nafda fik,” permezz tal-magħmudija, aħna msejħa biex nafdaw (nemmnu) u nixhdu għall-verità, li Kristu huwa ħaj.