Mark, Mattew, Luqa u Ġwanni huma l-erba’ Evanġelisti li kitbu tal-erba’ Evanġelji. Minbarra t-tielet Evanġelju, San Luqa kiteb ukoll il-ktieb tal-Atti tal-Appostli.
L-Evanġelju ta’ San Luqa hu bbażat fuq il-ħajja ta’ Ġesù fid-dinja: fuq it-tagħlim tiegħu, fuq il-parabboli u l-mirakli, u fuq il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt. San Luqa qatt ma ltaqa’ ma’ Ġesù fiżikament, u ma kienx wieħed mit-tnax-il Appostlu. Hu tkellem ma’ dawk li għexu ma’ Ġesù u emmnu fih. Fil-fatt, l-Evanġelju ta’ San Luqa nkiteb biex aktar nies jemmnu u jsiru jafu u jħobbu lil Ġesù.
San Luqa hu l-awtur tal-Evanġelju skont San Luqa u tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Hu ħadem ħafna ma’ San Pawl, u fil-fatt kien ma’ San Pawl meta San Pawl ġie Malta. San Luqa hu wkoll il-qaddis patrun ta’ dawk li jpinġu u tat-tobba.