L-Evanġelju tal-lum huwa dwar waħda mid-drabi meta l-Fariżej jippruvaw jaqbdu lil Ġesù fuq sieq waħda. Ħadd ma jħobb iħallas taxxi. Tal-anqas, meta t-taxxi li tħallas jintużaw għall-ġid tal-pajjiż mod, iżda meta jintużaw għal ħaddieħor, hemmhekk aktar issibha bi tqila biex tħallas dak li hu dovut! Il-Lhud kienu fis-sitwazzjoni tal-aħħar. It-taxxi kienu jeħduhom ir-Rumani u ġid minn dawn it-taxxi, il-Lhud ma kienu jaraw xejn. Għar-Rumani, l-ewwel lealtà kienet lejn l-imperatur; għal-Lhud, Alla kien fuq l-imperatur u l-liġijiet tiegħu. Għalhekk il-Fariżej, jistaqsu lil Ġesù x’kien jaħseb dwar dan. Kienet dik li nsejħula trick question. Jekk Ġesù jaqbel mat-taxxi lir-Rumani, jiksirha mal-Lhud, jekk jgħid li le, jiksirha mar-Rumani u jkun qiegħed jgħid lil-Lhud biex jiksru l-liġi. Ġesù ma jinqabadx fin-nassa tagħhom. It-tweġiba tiegħu: “agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” ma kinitx dak li stennew. Ġesù, għalhekk, illum qiegħed ifakkarna li aħna għandna żewġ responsabbiltajiet. Meta Ġesù jistaqsi għall-munita, juri x-xbieha li kien hemm fuqha u r-responsabbiltà li għandna biex naqdu d-dmir tagħna ta’ ċittadini. Min-naħa l-oħra, aħna lkoll maħluqa fuq xbieha ta’ Alla. Jiena ta’ Alla. L-ewwel lealtà tiegħi tmur lejn Alla. Għalhekk, aħna għandna d-dover li nobdu l-liġijiet tal-istat, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-liġi ta’ Alla. Meta nħares lejn ħaddieħor, nara x-xbieha ta’ Alla hemm ukoll. Mela aħna lkoll tiegħu. Alla m’huwiex tirann, bħalma kienu u jistgħu jkunu gvernijiet ta’ pajjiż. Alla huwa mħabba. Huwa Missier. Ġesù wriena kif nistgħu naqdu lil Alla, kif nagħtu lil Alla dak li hu tiegħu: permezz tat-talb u tal-imħabba lejn l-oħrajn. Bħala mudell, Alla bagħat lil ibnu Ġesù biex jurina kif nistgħu nimxu mal-liġi tiegħu. Meta aħna nagħmlu deċiżjonijiet u ngħixu ħajja li hi l-bogħod mill-valuri nsara, meta l-kmandamenti u l-beatitudnijiet ma humiex dawk li jmexxuna fid-deċiżjonijiet tagħna, inkunu qegħdin niksru l-liġi ta’ Alla.
F’din is-silta, Ġesù qiegħed jurina li fil-ħajja aħna għandna numru ta’ responsabbiltajiet, iżda l-aktar ewlenija hija dik lejn Alla. Ħadd u xejn ma għandu jiġi qabel Alla. Żewġ liġijiet imexxuna. Il-liġi tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla. Il-liġi ta’ Alla dejjem tibqa’ superjuri għal-liġi tal-bniedem.