San Franġisk de Sales twieled ġo familja nobbli mir-Renju ta’ Savoy, qrib Ġinevra fis-Svizzera, nhar il 21 ta’ Awwissu 1567.
Franġisk rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-kulleġġi ta’ La Roche u Annecy, wara fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti ġewwa Pariġi u kien intbgħat Padova fl-Italja fejn irċieva dottorat fil-liġi Ċivili u Kanonika. Missieru kien diġa ippjana il-futur ta’ Franġisk bħala maġistrat u senatur, miżżewweġ xi tfajla sinjura u nobbli.
Fl-eta ta’ 19-il sena, waqt li kien għadu għaddej bl-istudji tiegħu, huwa esperjenza kriżi spiritwali qalila li affettwatlu saħħtu. Meta ħareġ mid-dalma li kien fiha, konvint li ‘Alla huwa Imħabba’, huwa ikkonsagra lilu nnifsu lill Madonna u iddedika ħajtu lill Alla. Iddeċieda li issir Saċerdot.
Missieru oppona id-deċiżjoni tiegħu. Missieru ċeda wara li lill Franġisk wegħduh il-pożizzjoni ta’prepostu (il-kap) tal-Kattidral ta’ Ġinerva, ikkunsidrat bħala l-aktar pożizzjoni għolja fid-djoċesi, taħt l-awtorita diretta tal-Papa.
Franġisk kien ordnat Saċerdot fl-eta ta’ 26 sena wara li għadda it-titlu u drittijiet tiegħu bħala suċċessur tal-familja, lil ħuħ. Sena wara, Franġisk għażel li jmur Le Chablais, li l-maġġoranza tal-populazzjoni kienet tagħmel parti tal-Kalvinisti (fergħa tar-reliġjon protestanta). Għall-ewwel, il-poplu ta’ Chablais lanqas kienu jażżardaw immorru jisimgħuh jippriedka, għalhekk Franġisk beda jikteb xi fuljetti li fihom huwa spjega it-twemmin Kattoliku. Huwa qasam dawn il-fuljetti qalb il-poplu, kien ipoġġihom taħt il-bibien u f’postijiet pubbliċi, anki wara li kien mhedded u attakkat! Irrizulta li numru kbir mill-poplu reġa ħaddan il-Fidi Kattolika.
Fl-eta ta’ 31 sena, Franġisk ġie maħtur assistent ta’ l-Isqof ta’ Ġinevra u tlett snin wara ġie maħtur bħal Isqof ta’ djoċesi. Minħabba l-fatt li Ġinevra kienet taħt il-kontrol tal-Kalvinisti ma setgħax jgħix f’din il-belt, għalhekk mar jgħix f’residenza barra minn Ġinevra. Bħala Isqof, minbarra l-amministrazzjoni tad-djoċesi, huwa kompla ix-xogħol pastorali tiegħu, anki jagħlem il-katekiżmu lit-tfal u anki ħoloq lingwa bis-sinjali għat-tfal nieqsin mis-smigħ.
Huwa kompla jippriedka u jikteb, prinċipalment lill-lajċi fejn kien jgħidilhom li ikun xi jkun il-pożizzjoni tagħhom fil-ħajja, kulħadd jista issir qaddis. Huwa qatt ma stenna li jkun ittrattat b’mod preferenzjali minħabba li kien isqof. Huwa kien jivvjaġġa fuq żiemel. Kien jimxi ma’ l-fqar u l-umli bl-istess dedikazzjoni u attenzjoni daqs meta kien jiltaqa ma Papiet, Prinċipijiet u Rejiet.
Flimkien ma qaddisa oħra, Ġiovanna Franġiska ta’ Chantal, waqqaf is-Sorjiet tal-Viżitazzjoni, ordni religjuż iddedikat għall-ħidma ta’ ħniena ma’ l-morda u l-foqra. Eventwalment is-sforzi tiegħu biex jevangelizza affetwawlu saħħtu, huwa sofra puplesija li minħabba fiha ma setax jitkellem. Meta kien fuq is-sodda tal-mewt, ġie mistoqsi jekk kellux xi kliem ta’ għerf, huwa talab karta u pinna u kiteb “Umilta, umilta, Umilta”. San Franġisk De Sales miet fl-eta ta’ 56 sena.
Minħabba id-determinazzjoni tiegħu li jkompli jippublika il-veritajiet tal-Fidi Kattolika, huwa jibqa imfakkar bħala il-Patrun tal-Ġurnalisti.