
San Ġwann Kriżostmu twieled fis-sena 347, fil-belt ta’ Antjokja li illum tagħmel parti mit-Turkija.
Missieru kien jismu Secundus u kien uffiċjal għoli fl-Armata Sirjana. Ftit wara t-twelid ta’ Ġwanni, missieru miet u ommu, Anthusa li kienet Griega ddedikat ħajjitha biex teduka li ż-żewġ uliedha, Ġwanni u lil oħtu.
Meta kellu 18-il sena, għadda minn konverżjoni spiritwali, tgħammed u beda jistudja l-Bibbja fil-fond. Wara tliet snin, ingħaqad ma’ grupp ta’ patrijiet u aktar tard mar jgħix ġo għar fil-muntanji bħala eremita. Il-ħajja ta’ eremita kellha effett negattiv fuq saħħtu, għalhekk mar lura jgħix mal-patrijiet. Ġwanni beda jsir magħruf għall-għerf tiegħu, kif ukoll għall-mod espressiv li bih kien jitkellem.
Ġwanni ġie ordnat saċerdot meta kellu 39 sena. Huwa kompla jitkellem favur id-drittijiet ta’ dawk in-nies li kienu qegħdin jesperjenzaw inġustizzja, kif ukoll kien jagħmilha bħala medjatur. Fil-fatt, interviena meta l-poplu rribella kontra l-Emperatur minħabba t-taxxi kbar li kien impona biex isaħħaħ l-armata tiegħu.
Fl-età ta’ 51 sena, Ġwanni nħatar Isqof Patrijarka ta’ Konstantinopli. Bħala Isqof għex ħajja sempliċi: kien iqassam affarijiet mir-residenza tal-Isqof sabiex il-qliegħ ikun jista’ jintuża għall-bini ta’ sptarijiet u xogħlijiet oħra ta’ karità. Huwa tkellem kontra l-għonja talli ma jaqsmux ġidhom mal-foqra filwaqt li appella bil-qawwa lil dawk fil-poter u pprova jwaqqaf il-vjolenza. Huwa beda triq ta’ riforma għall-istil ta’ ħajja xi ftit laxk kemm tal-kleru kif ukoll tal-isqfijiet. Tkellem b’mod ċar favur il-karità u l-ġustizzja soċjali.
L-appelli tiegħu rritaw lill-awtoritajiet, f’kull qasam tas-soċjetà, inkluża l-Imperatriċi Eudosia. Għalkemm kellu l-appoġġ tal-Papa Innoċenz I, xorta waħda gie kkundannat, akkużat b’imġieba ħażina u eżiljat lejn Cucucus, l-Armenja. Aktar tard, reġa ġie eżiljat saħanistra aktar ‘il bogħod sal-konfini l-aktar imbiegħda tal-Imperu ħdejn il-Baħar l-Iswed.
Huwa miet fit-triqtu lejn l-aħħar post tal-eżilju tiegħu, qrib il-Baħar l-Iswed, mifni bil-mard, bit-tbatija u bil-għajja fis-sena 407. L-aħħar kelmiet tieghu kienu: ʺIkun imfaħħar Alla f’kollox ʺ. San Ġwann Kriżostmu ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja għaliex “il-kitbiet u l-priedki tiegħu jiskikkaw bħala gwida għall-fidili fl-Istorja tal-Knisja.” Lil Ġwanni ngħatalu t-titlu ta’ ‘Kriżostmu’ li jfisser ‘fomm tad-deheb’ minħabba l-qawwa tal-priedki tiegħu.
