Huwa maħsub li Santa Marija Maddalena ħadet isimha mir-raħal imsejjah Magdala, qrib il-Baħar tal-Galilija. Fil-fatt kienet magħrufa ukoll bħala Marija ta’ Magdala. Huwa maħsub li Marija ta’ Magdala kienet il-mara l-midinba li dilket saqajn Ġesu’ b’żejt ifuh, kif ukoll Marija oħt Marta u Lazzru.
Marija ta’ Magdala hija imsemmija fl-Evanġelji aktar minn ħafna mill-Appostli. L-erba Evanġelisti kollha jirrakontaw il-preżenza ta’ Marija ta’ Magdala fil-waqtiet importanti tal-Fidi tagħna. Kienet preżenti taħt is-Salib ma’ Ommna Marija Santissima u San Ġwann Appostlu. Hija l-ewwel persuna li ħabbret il-Qawmien ta’ Ġesu’ mill-Imwiet. Wara dan l-episodju Marija ta’ Magdala ma tissemiex izjed, huwa possibli li kienet xiehda ta’ tlugħ ta’ Ġesu’ fis-Sema, kif ukoll li kienet preżenti f’Pentekoste.
Skont it-tradizzjoni hemm żewġ rakkonti dwar il-ħajja ta’ Santa Marija Maddalena; wara dawk tat-Testment il-Ġdid. Tradizzjoni waħda tgħid li marret Efesu flimkien ma’ Marija Santissima u baqgħet hemmhekk sa ma mietet. Hemm tradizzjoni Franċiża li tgħid li Santa Marija Maddalena flimkien ma Ħuha San Lażżru u oħrajn, marru Marseille ġewwa Franza, fejn evanġelizzaw dawk l-inħawi. Hemm marret tgħix ġo għar fuq għolja sa ma mietet.
Santa Marija Maddalena ingħatat importanza bħala dixxiplu attiva, u kienet parti minn grupp ta’ nisa li kienu segwaċi ta’ Ġesu’. Fil-fatt San Tumas Akwinu sejħilha ‘l-Appostlu tal-Appostli’.