Santa Monika

27 t’Awwissu

Il-ħajja ta’ Santa Monika hija magħġuna minn żewġ virtujiet, il-Paċenzja u l-Perseveranza. Dawn iż-żewġ virtujiet, għalkemm wieħed jaħseb li huma l-istess, hemm ftit ta’ differenza bejniethom.

Il-virtù tal-Paċenzja twassal biex wieħed iżomm il-kalma, ma jgergirx għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor. Ħafna drabi din il-virtù wieħed jipprattikaha fir-relazzjonijiet tiegħu m’oħrajn u f’sitwazzjonijiet kuntrarji.

Il-virtù tal-Perseveranza forsi titlob saħħa morali akbar.  Għalkemm hija bbażata fuq il-Paċenzja, hija wkoll is-saħħa li tkompli f’sitwazzjonijiet diffiċli fejn tħossok li trid taqta’ qalbek.

Santa Monika hija eżempju ta’ dawn iż-żewġ virtujiet għaliex ipprattikathom mar-raġel tagħha, m’ommu, u fuq kollox mat-tifel Wistin. Santa Monika rnexxielha tara l-konverżjoni ta’ żewġha, tal-kunjata u ta’ binha Wistin.

Ikun tajjeb li titkellem mat-tfal fuq dawn iż-żewġ virtujiet fid-dawl tal-ħajja ta’ Santa Monika. Huwa diffiċli għat-tfal biex jidentifikaw dawn il-kwalitajiet waħedhom, għalhekk għandek tistaqsihom:

  • Taħsbu li Santa Monika kellha paċenzja kbira?
  • Ma’ min?
  • Kif?
  • Ġieli jkollkom tieħdu paċenzja b’xi ħadd?

Tajjeb li tieħdu l-opinjoni tagħhom forsi anke b’ċertu sens ta’ umoriżmu!  Għid l-opinjoni tiegħek ukoll!

Inkoraġġihom biex jgħidu fuq xi sitwazzjonijet fid-dar, mal-ħbieb jew l-iskola. Spjega kif Santa Monika wriet li kellha l-virtù tal-Perseveranza meta qatt ma qatgħet qalbha sakemm rat lil binha Wistin jbiddel ħajtu.

  • Ħallihom isemmu kif dan intwera fil-vidjow.
  • Staqsihom: Ġieli tħoss li qed taqta’ qalbek f’xi suġġett fl-iskola, f’xi passatemp, f’attività sportiva, f’xi biċċa xogħol li taħseb li ġejja ħażin?

Tista’ tgħin lit-tfal jidentifikaw dawn il-ħsibijiet minn mod astratt għall-mod iżjed prattiku billi:

  • Huma stess jagħżlu xi xogħol fid-dar l-aktar li jsibu tqil, u li jagħmluh għal xi jiem.
  • Tista’ tagħtihom kobba mħabbla (ta’ suf, ħajt, spag) u ma jieqfux qabel ma jsibu t-tarf u jagħmlu kobba.
  • Tista’ tuża logħob (li tniżżel mill-Internet) li jittestjaw lit-tfal kemm jibqgħu jippruvaw sakemm isibu r-risposta jew soluzzjoni

Santa Monika ma qatgħetx qalbha għax baqgħet titlob. Spjega lit-tfal li meta nitolbu aħna nkunu qegħdin nitkellmu ma’ Ġesù.

Fit-talb flimkien, jistgħu jsemmu:  Fejn? Meta? Ma’ min tilfu l-paċenzja?

Imbagħad stedinhom biex jitolbu lil Ġesù u biex jieħdu decizjoni li jibdlu l-imġiba tagħhom.

Ħeġġiġhom jaħsbu dwar sitwazzjonijiet li fihom jeħtieġ li jipperseveraw u jitolbu l-għajnuna ta’ Ġesù, sabiex ikun jista’ jiggwidahom bħalma għamel ma’ Santa Monika.

Sa minn ċkunitha, Santa Monika kienet titlob ħafna, tmur il-knisja u tgħin lill-foqra. Hi kienet għenet lir-raġel tagħha biex jibda jemmen f’Ġesù. L-inkwiet tagħha kien binha Wistin li minkejja li kien jinkwetha ħafna, qatt ma waqfet titlob għalih sakemm dan ikkonverta.

Illum se niżirgħu pjanta! Waqt li nkabbru u nieħdu ħsieb il-pjanta tagħna niftakru li bħalma aħna rridu nieħdu ħsieb din il-pjanta biex tibqa’ ħajja, aħna rridu nieħdu ħsieb lil ruħna biex nkunu nsara tajbin u nibqgħu dejjem ma’ Ġesù.

X’għandna bżonn:

  • Pot bil-ħamrija
  • Żerriegħa
  • Ilma u sustanzi (biex tiżra’ u ssaqsiha skont iż-żerriegħa li tiżra’)

X’għandna nagħmlu:

  1. Poġġi ż-żerriegħa fil-pot u għatti bil-ħamrija u sqiha bl-ilma
  2. Maż-żmien u skont iż-żerriegħa saqqi l-pjanta bl-ilma u sustanzi

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.