Il-ħajja ta’ Santa Rita tinstama’ aktar bħala novella melodrammatika fiż-żminijiet tan-nofs milli storja ta’ Qaddisa. Hi kienet mara speċjali li ffaċċjat diversi sfidi li wassluha għall-qdusija.
Kienet mara miżżewġa, omm, armla, soru u qaddisa. Isimha kien Margerita u sar Rita fil-qosor. Twieldet f’Roccaporena, ftit il- barra minn Cassia fl-Italja. Għexet bejn 1381 u l-1457, fi żmien meta l-Italja kienet għaddejja minn żminijiet imħawda mmarkati minn ġlied vjolenti bejn familji mexxejja b’ħafna qtil u vendetta.
Minn mindu kienet għadha żagħżugħa, Rita riedet tidħol fil-kunvent. Imma l-ġenituri tagħha skont id-drawwa ta’ dak iż-żmien irranġawlha żwieġ meta kienet għadha żagħżugħa żgħira fl-eta’. Ir-raġel kien wieħed vjolenti u trattaha ħażin waqt li kien il-ħin kollu involut fi ġlied vjolenti. Imma hi baqgħet paċenzjuża u taħfer waqt li tkun mara miżżewġa tajba u omm taż-żewġ uliedhom tewmin. Hi kienet titlob għalih il-ħin kollu u fl-aħħar irnexxielha tbiddillu ħajtu. Imma darba kien maqtul minn familja tal-għadu b’vendikazzjoni ta’ ġlieda li kellhom. Uliedhom it-tnejn wegħdu li jivvendikaw ruħhom mill-għadu.
Rita talbet bla heda biex huma ma jaslux li joqtlu imma hi iktar xtaqet li tara liż-żewġ uliedha mejtin milli jikkommettu dnub mejjet billi joqtlu. Iż-żewġ uliedha mardu gravement bid-disenterija u mietu ftit wara li kkonvertew. Rita, issa ħasset li tista’ tkompli s-sejħa tagħha li tmur Soru Agostinjana fil-monasteru ta’ Santa Marija Madalena. Imma t-talba tagħha ġiet irrifjutata. Is-sorijiet bdew jibżgħu jilqugħha fil-kunvent minħabba li seta’ kien hemm xi ġlieda li kienet għadha sejra u jkompluha avolja kienet ġol-kunvent. Rita kienet ħafret pubblikament lill-qattiela ta’ żewġha imma hi kienet mitluba li ssib mod kif teqred il-ġlieda bejn il-familji rivali. Hi ma beżgħetx imma ħadmet biex tkompli din il-missjoni impossibbli. Iż-żewġ familji kienu mpressjonati bil-kuraġġ tagħha waqt li kienet taħdem għall-paċi.
Fl-aħħar Rita kienet aċċettata fil-monasteru fejn għaddiet il-ġranet fil-kontemplazzjoni u t-talb. Darba waqt li kienet qed tagħmel meditazzjoni fuq il-passjoni ta’ Kristu, dehret fuq moħha pjaga fonda qisha hi kienet minfuda minn xewka tal-Kuruna tax-Xewk ta’ Kristu. Baqgħet issofri biha sakemm mietet.
Santa Rita hija l-patruna tal-każijiet impossibbli.