Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein)

9 ta' Awwissu

Edith Stein twieldet fit-12 ta’ Ottubru 1891 fi Breslau, il-Ġermanja. Il-familja tagħha kienet devota ħafna fil-Fidi Lhudija. Missierha miet meta kellha sena biss. Peress li ommha kellha toħroġ taħdem biex issostni lill-familja, Edith u l-ħames aħwa l-oħra tagħha trabbew l-aktar minn oħtha l-kbira, Else.

Edith kienet tfajla intelliġenti, dejjem kienet minn ta’ quddiem fl-istudji tagħha, minbarra fil-matematika! Kienet tieħu pjaċir tistudja għax kienet tħobb titgħallem. Daħlet l-Università u rċeviet Dottorat fil-Filosofija. Il-Filosofija hi studju dwar kif wieħed jaħseb dwar id-dinja, l-univers u s-soċjetà. Wara li gradwat saret għalliema tal-filosofija fl-università stess. 

Fil-ħajja personali tagħha, Edith kienet qed tfittex il-“verità.” Meta kienet żagħżugħa, ma baqgħetx temmen f’Alla. Matul l-istudji tagħha fl-università, hi ġiet esposta għall-Fidi Kattolika u baqgħet impressjonata ħafna bil-fidi qawwija ta’ ħabibitha li kien għadu kif mietilha r-raġel tagħha.  

Aktar tard, waqt vaganza tas-sajf għand xi ħbieb, sabet ktieb dwar il-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Avila. Tant interessaha dan il-ktieb li qratu f’lejl wieħed! Hija kienet diġà qrat it-Testment il-Ġdid għall-ewwel darba u waslet għall-konklużjoni li “Din kienet l-verità” li kienet ilha tfittex.

Edith tgħammdet fil-Knisja Kattolika fl-1 ta’ Jannar 1922, meta kellha tletin sena.  Fl-1934 daħlet soru fl-Ordni Karmelitan Tereżjan u ħadet l-isem ta’ Swor Tereża Benedetta tas-Salib. Swor Tereża flimkien ma’ oħtha Rosa li kienet saret Kattolika wkoll, intbgħatu ġo kunvent ġewwa l-Olanda. Hi kompliet tikteb kotba b’riflessjonijiet spiritwali profondi, iżda peress li kienet mara Lhudija, xogħolha ma setgħax jiġi ppubblikat. 

Sadanittant faqqgħet il-Tieni Gwerra Dinjija, bil-Partit Nażista jwiegħed li jeqred il-Lhud.  Imma meta l-Ġermaniżi invadew l-Olanda, il-persekuzzjoni kontra l-Lhud kompliet hemmhekk ukoll. Ħafna persuni ta’ nisel Lhudi, anki dawk li kienu saru Kattoliċi, ġew arrestati u meħuda fil-kamp tal-konċentrament f’Auschwitz. Swor Tereża u oħtha Rosa kienu fost dawk li nqabbdu. Ftit żmien wara, Swor Tereża, oħtha u Lhud oħra ġew maqtula fil-kmamar tal-gass ġewwa Auschwitz.

Swor Tereża Benedetta tas-Salib ġiet ddikjarata qaddisa minn San Ġwanni Pawlu II fl-1998 u sena wara pproklamata Ko-Patruna tal-Ewropa.

Wara li tkun qrajt l-istorja tal-ħajja ta’ Santa Edith Stein mat-tfal, għinhom jaħsbu dwar dak li tgħallmu mill-ħajja tagħha.
Pereżempju tista’ tistaqsihom: ‘Kienet kuntenta bil-ħajja tagħha?’, ‘x’kienu l-aktar mumenti sbieħ u x’kienu dawk il-mumenti koroh f’ħajjitha?’, ‘Meta setgħet kienet beżgħana jew imħawwda?’, ‘Taħseb li ħassitha iebsa biex tgħid lil ommha li saret Kattolika?’

Edith Stein kienet Kattolika mwielda Lhudija. Spjega lit-tfal (skont l-età tagħhom), li tkun Lhudi jfisser li tkun ġej minn familja Lhudija bl-‘għeruq’ f’Iżrael. Ġesù kien Lhudi, u hekk kienu l-membri kollha tal-familja tiegħu.  

Il-Fidi Lhudija hija Fidi bbażata fuq it-Testment l-Antik biss, twemmin f’Alla u jitolbu ġewwa s-sinagoga u ma jemmnux li Ġesù Huwa l-Messija.  Mhux il-Lhud kollha jipprattikaw il-Ġudaiżmu.

Skont l-età tat-tfal, agħti informazzjoni sempliċi dwar il-persekuzzjoni tal-Lhud mill-Partit Nażista Ġermaniż fit-Tieni Gwerra Dinjija. Spejgalhom għalfejn Santa Tereża Benedetta u oħtha Rosa ħarbu mill-Ġermanja u marru l-Olanda.  

Tkellem fil-qosor ħafna dwar Auschwitz, fejn il-Lhud ġew meħuda, u kif dan ma kienx ħabs normali. Dan kien post fejn il-priġunieri kienu jiġu ttrattati ħażin ħafna.  Ħafna Lhud inqatlu fil-kmamar tal-gass, fejn kienu msakkrin u mietu jieħdu n-nifs ta’ gass velenuż.

Ħin it-talb mal-Familja: iddedika ftit ħin fejn tħalli lit-tfal bil-Bibbja f’idejhom mhux biss il-Bibbja tat-Tfal. Urihom fejn jispiċċa t-Testment l-Antik u fejn jibda t-Testment il-Ġdid.  Spjegalhom li l-Lhud jemmnu fit-Testment l-Antik biss għaliex it-Testment il-Ġdid jittratta l-Miġja ta’ Ġesù l-Messija u l-bidu tal-Kristjaneżmu. Irringrazzja lil Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu Ġesù biex isalvana.  

Il-motto ta’ Santa Tereża Benedetta kien: ‘Is-Sliem lis-Salib, L-uniku tama tagħna’.  Ħeġġeg lit-tfal biex iqattgħu ftit ħin għall-kwiet quddiem Ġesù Kurċifiss u jesprimu t-talba personal tagħhom Lilu.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.