Santu Wistin

28 t’Awwissu

Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru 354. Missieru kien pagan, u ommu Kattolika.

L-esperjenzi ta’ ħajtu, speċjalment il-konverzjoni tiegħu, għandhom tagħlima kbira għall-mixja tagħna nisranija lejn il-Mulej.

Waħda mid-dikjarazzjonijiet tiegħu, li baqgħet tiġi kkwotata, hi: “Inti ħlaqtna għalik, O Alla, u qalbna ma ssibx mistrieħ qabel ma tistrieħ fik.”

Dan hu ħsieb pjuttost tqil għat-tfal, u forsi ma japplikax daqshekk għat-tfal żgħar fl-età. Għalhekk mat-tfal nistgħu nieħdu xi tagħlimiet minn kif hi ppreżentata l-ħajja ta’ Santu Wistin fil-vidjow.

Santu Wistin huwa wieħed mill-akbar għorrief tal-Knisja Kattolika. It-tagħlim u l-kitbiet tiegħu għadhom jiġu studjati sal-lum.

Wistin ġie kanonizzat b’akklamazzjoni popolari, u rikonoxxut bħala Duttur tal-Knisja fl-1298 mill-Papa Bonifaċju VIII.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Ħu l-opinjoni tat-tfal dwar l-influwenza li kellhom il-ħbieb ta’ Santu Wistin fuqu.  Kemm kien importanti għal Wistin li sħabu mhux biss jaċċettawh imma wkoll jammirawh.

Iddiskuti mat-tfal, skont l-età tagħhom, l-influwenza tal-ħbieb – kif il-ħbieb jistgħu jinfluwenzawhom għat-tajjeb jew għal ħażin.

Staqsihom x’jaħsbu fuq il-fatt:

  • Li Wistin u sħabu kienu jarmu l-frott li jkunu serqu
  • Li Wistin kien jigdeb lil ommu biex jagħmel dak li jrid

Fakkarhom fil-kliem li Wistin kien sema’ mingħand l-Isqof ta’ Milan, San Ambroġ.  Dawn il-kliem wassluh jaħseb fuq il-ħajja li kien qed jgħix: “Dak li tagħmlu ma’ dawn iż-żgħar, qed tagħmluh miegħi.” Il-kliem tal-Isqof kien ibbażat fuq id-dmir li għandna nieħdu ħsieb lil dawk li huma neqsin minn bżonnijiet bażiċi.

Ibdew id-drawwa ta’ talba spontanja qabel l-ikel, talba ta’  apprezzament tal-ikel fuq il-mejda. Ħeġġeġ lit-tfal biex jaqsmu ma’ oħrajn dak li għandhom:

  • Jekk huma żgħar, jaqsmu l-ġugarelli ma’ ħuthom, mal-kuġini jew mal-ħbieb
  • Jekk huma akbar fl-età, għandhom jaqsmu l-ħin tagħhom fuq it-tablet, il-laptop, il-ħin tal-logħob jew il-ħin tat-televiżjoni ma’ oħrajn.
  • Jistgħu jżejnu kaxxa/bott/landa u jitfgħu fiha xi flus li jirċievu biex jingħataw lill-karità. B’dan il-mod mhux biss qed jitgħallmu jfaddlu l-flus għalihom iżda wkoll għal dawk fil-bżonn.

Ġesù dejjem lest li jilqagħna b’idejh miftuħin fis-Sagrament tal-Qrar u jgħannaqna kif għamel lil Santu Wistin. Kif Ġesù dejjem lest li jaħfrilna meta jiddispjaċina għal dak li jkunu għamilna u nitolbu maħfra, hekk aħna nkunu lesti li naħfru lil xulxin.

Fit-talb mal-familja – dawn jistgħu jkunu ġranet fejn induru lejn dawk li nkunu nqasna b’xi mod u minbarra li ngħidulhom “Skużani” noffrulhom wkoll tgħanniqa.

Wistin, iben Santa Monika, mhux dejjem kien miġbud lejn il-fidi Nisranija, tant li tbiegħed minn Alla. Ommu Monika baqgħet tinkwieta u titlob għalih.  Meta Wistin iltaqa’ mal-Isqof Ambroġ u dan tkellem u kkomunika miegħu dwar ir-reliġjon Nisranija, Wistin ikkonverta għall-Kristjaneżmu, sar saċerdot u beda jgħallem u jippriedka sakemm miet.

Żewġ persuni għandhom ikunu dahar ma’ dahar, b’karta u lapes f’idhom. Wieħed ipenġi, pass pass, fuq il-karta waqt li jgħid dak li jkun qed ipenġi. L-ieħor għandu jisma’ sew u jpenġi dak li qed jisma’. Meta t-tpenġija tkun lesta, għandkom turu lil xulxin dak li penġejtu biex taraw kemm ftehmtu u kkomunikajtu tajjeb. Wara erġgħu ilagħbu billi tpartu l-irwoli.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.