Is-sliem tiegħu

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Żmien il-Għid dalwaqt jintemm, hekk kif qegħdin noqorbu lejn il-festi tat-Tlugħ fis-sema tal-Mulej u ta’ Pentekoste. Il-qari tal-lum meħud mill-14-il kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, huwa parti mid-diskors ta’ Ġesù waqt l-aħħar ċena. Ifakkarna li permezz tal-Ispirtu s-Santu (id-Difensur), Ġesù jibqa’ dejjem magħna. L-Ispirtu s-Santu jgħallimna dak kollu li għandna bżonn u jfakkarna fit-tagħlim ta’ Ġesù u fuq kollox jagħtina l-paċi, li permezz tagħha, aħna ngħixu bħal Ġesù.

Qatt esperjenzajtu dan is-sens ta’ paċi profonda? Tħossuh bħala konsolazzjoni kbira, u ħafna mħabba.

Qabel ma miet, Ġesù ħejja lid-dixxipli għat-tluq imminenti tiegħu u wkoll għad-don tal-Ispritu s-Santu, li kien ser jgħinhom, wara li hu ma jibqax magħhom. Ċentrali f’dan il-qari huma l-kliem ta’ Ġesù, “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.” Din mhijiex sempliċiment tislima, iżda hija sens ta’ paċi speċjali li setgħu jħossu meta kienu jafu li Ġesù kien dejjem magħhom, għalkemm hu kien se jmur lura għand il-Missier. Dan kien l-aħħar rigal tiegħu, lid-dixxipli. Xi drabi nistgħu inħalltu din il-paċi mal-idea li għandna ta’ kwiet u trankwillità. Id-dinja tista’ toffri xi paċi, iżda din mhijiex paċi dejjiema. It-tensjonijiet, il-biżgħat u ħsibijiet ta’ kuljum, iġgħaluna nixxenqu għal paċi aktar profonda u dejjiema. L-għatx tagħna għall-paċi, hija tfittxija għall-paċi ma’ Alla u huwa Ġesù biss li jista’ jagħtihielna.

Fil-Bibbja nsibu l-kelma Lhudija, “Shalom.” Il-kelma “paċi” ma tesprimix biżżejjed it-tifsira sħiħa tal-kelma “Shalom.” “Shalom” timplika li ma jonqos xejn, sens ta’ perfezzjoni u armonija ma’ Alla. Kif jista’ jkun possibbli, li fil-ħajja mgħaġġla insibu din it-tip ta’ paċi? Jekk għandna relazzjoni ma’ Alla, irridu nkomplu nsostnuha, l-istess bħal kull relazzjoni. Irridu ngħaddu ħin fit-talb. Staqsi lilek innifsek, jekk intix tgħaddi ħin titlob kuljum. Għandek rutina ta’ talb? Tixtieq iżżid fit-talb? Forsi tista’ tirranġa r-rutina biex issib għaxar minuti ta’ ħin ma’ Alla. Id-don tal-paċi ta’ Ġesù, jista’ jkun tagħna wkoll, jekk naċċettaw l-offerta ta’ salvazzjoni li qiegħed jagħmlilna Ġesù. Hemm numru ta’ metodi ta’ talb li nistgħu nużaw. Santa Tereża ta’ Lisieux kienet tgħid, “Għalija, t-talb huwa qabża tal-qalb, huwa ħarsa sempliċi mixħuta lejn is-Sema, għajta ta’ gratitudni u mħabba fost it-tiġrib u qalb il-ferħ.”

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 14: 23-29)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Matul din il-ġimgħa pprova metodu ieħor ta’ talb, tista’ timmedita fuq passaġġ mill-Bibbja (lectio divina) jew inkella tmur f’kappella tas-Sagrament, fil-parroċċa tiegħek. Agħmel 10 minuti quddiem Ġesù Sagramentat.
  4. Flimkien mal-familja tiegħek, iddiskutu kif Ġesù pprepara lid-dixxipli għall-mewt u qawmien tiegħu u wkoll għal dak li kellu jiġri wara (l-inżul tal-Ispirtu s-Santu). Spjega kif aħna wkoll nirċievu lill-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija u nerġgħu nirċevuh, b’doni speċjali, fil-griżma.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (14: 23-29)
    ii. Xemgħa bajda
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Stampa jew forma ta’ qalb ħamra
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Lid-dixxipli, illum, Ġesù jgħidilhom li għalkemm hu mhux ser jibqa’ magħhom, huma ma għandhomx għalfejn jibżgħu għax ser jagħtihom rigal speċjali. L-Ispirtu s-Santu, li huwa xi ħadd speċjali biex jgħinhom, huwa dan ir-rigal.

  • Ġesù wiegħed li jibgħat l-Ispirtu s-Santu
  • Nirċievu l-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija; hu jgħinna u jiggwidana
  • Printout tar-rigali
  • Lapes
  • Kuluri / stickers
  • Imqass

Meta jkollkom bżonn l-għajnuna biex tagħmlu xi ħaġa li ma tafux kif, bħal taqflu l-lazzijiet taż-żarbun, x’tagħmlu? X’aktarx tistaqsu lil xi ħadd biex jgħinkom. Lil min taħsbu li d-dixxipli kienu jistaqsu, meta kien ikollhom bżonn l-għajnuna jew riedu jitgħallmu dwar Alla? Naħseb li kienu jistaqsu lil Ġesù.

Qatt mortu f’mużew u kien hemm gwida u qagħad jurikom l-affarijiet sbieħ li kien hemm u jispjegalkom dwarhom? Gwida huwa xi ħadd li jista’ jmexxik, jista’ jgħinek tifhem eżatt dak li qed tara. Meta Ġesù kien mad-dixxipli, hu kien jgħinhom u jmexxihom biex ikunu ħbieb ta’ Alla. 

Illum, Ġesù qal lid-dixxipli li hu kien se jħallihom ma jdumx (hu kien se jmut fuq is-salib), biex imur il-ġenna, ħdejn Alla l-Missier. Ġesù qalilhom biex ma jinkwetawx għax kien ser jibgħatilhom gwida, li jgħinhom wara li hu ma jibqax magħhom. Tafu min kien dan il-gwida? Huwa l-Ispirtu s-Santu! Lill-Ispirtu s-Santu, Ġesù jsejjaħlu d-Difensur. Din kelma tqila, imma tfisser, xi ħadd li jgħin u jiggwida. L-Ispirtu s-Santu huwa rigal li Ġesù ta lill-Appostli, u jagħtih lilna wkoll. 

Aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija. Hu jimlina bil-ħajja ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu jgħinna u jiggwidana fil-mixja tagħna lejn il-ġenna. Nistgħu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinna. Nistgħu nitolbu sikwit lill-Ispirtu s-Santu, biex imexxina u jgħinna nagħmlu għażliet tajba u jgħinna nagħżlu dak li hu tajjeb. 

L-Ispirtu s-Santu huwa rigal speċjali mingħand Alla. Ipprintjaw l-istampa tar-rigal, aqtgħu l-erba’ rigali. Agħtuhom il-kulur jew iddekorawhom bl-istickers. Fuq wara ta’ kull rigal iktbu kif tistgħu tgħinu lil xi ħadd, inkella kif tiggwidaw lil xi ħadd, per eżempju, tgħinu lill-mama jew lill-papa fid-dar, inkella tgħinu l-ħutkom jew ħbieb f’xi diffikultà li jkollhom. Imbagħad agħtu dawn ir-rigali lil dawn in-nies.

Isimgħu, Jesus I am In.

Qabel ma torqdu, itolbu din it-talba lill-Ispirtu s-Santu

Inroddu s-salib

Ejja Spirtu s-Santu, jiena għandi bżonnok,

Ejja, o Spirtu Santu, nitolbok

Ejja, bil-qawwa u saħħa kollha tiegħek,

Ejja, bil-mod ġentili tiegħek. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum naraw il Ġesù, jagħti lid-dixxipli tiegħu, rigal speċjali. Il-paċi huwa r-rigal li jagħtihom u jgħidilhom ukoll biex ma jibżgħux. Aħna msejjħa biex naqsmu dan ir-rigal tal-paċi ta’ Ġesù, ma’ oħrajn. 

  • Qabel ma miet, Ġesù wiegħed lid-dixxipli li l-Missier kien se jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu biex jgħinhom u biex jiftakru dak kollu li kien għallimhom
  • Ġesù wiegħed ukoll ir-rigal tal-paċi
  • Kartonċina sewda jew ħamra, daqs ta’ A4
  • Lapes/riga
  • Karta tat-tajr, bajda jew xi kulur ieħor
  • Imqass/gloj
  • Xemgħa żgħira (tea light) li taħdem bil-batteriji

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù joffrilena r-rigal tal-paċi. Jgħidilna li l-paċi li jagħti hu, hija differenti mill-paċi li toffri d-dinja. Kieku kellek taħseb ftit dwar il-paċi u xi tfisser, x’għandek xi tgħid? Nistgħu naraw il-paċi, bħala nuqqas ta’ storbju, post fil-kwiet. Inkella, il-paċi huwa żmien fejn m’hemmx kunflitt jew gwerra. Bħalissa hawn ħafna pajjiżi li m’għandhomx paċi, huma qegħdin fil-gwerra. Nistgħu naħsbu f’pajjiżi bħall-Ukrajina, l-Yemen, l-Afganistan, is-Sirja u l-Libja. Dawn huma pajjiżi li għandhom bżonn ħafna talb biex jerġa’ jkun hemm il-paċi.

Madanakollu Ġesù, mhuwiex jitkellem dwar din it-tip ta’ paċi biss. Il-paċi li jagħti Ġesù, hija dik li nħossu ġewwa qalbna meta nħallu l-imħabba ta’ Alla tgħix ġo fina. Din hija l-paċi li nħossu meta nħallu lil Ġesù jkun parti mill-ħajja tagħna u nħalluh jgħinna biex nagħmlu għażliet tajba. Jekk ngħixu kif għallimna Ġesù, inkunu nistgħu nesperjenzaw ir-rigal tal-paċi li jagħtina Ġesù.

Lid-dixxipli, Ġesù qalilhom ukoll, li ser jagħtihom id-don tal-Ispirtu s-Santu, biex jgħinhom u huma jkunu jistgħu jkomplu x-xogħol tiegħu. Dan il-kliem ta’ Ġesù, li hu kien se jibqa’ dejjem magħhom, u jibqa’ jieħu ħsiebhom, anke meta ma jibqgħux jarawh, kien ta’ kuraġġ għad-dixxipli. 

Id-don tal-paċi u r-rigal tal-Ispirtu s-Santu, jmorru id f’id, għax il-paċi hija ‘frott’ tal-Ispirtu s-Santu. Fil-Magħmudija aħna nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu għall-ewwel darba u fil-Griżma tal-Isqof, dan id-don jitqawwa. Tafu li meta nagħtu s-sinjal ta’ paċi lil xulxin, waqt il-quddiesa, dan huwa ħafna aktar minn sempliċiment tislima. Aħna nkunu qegħdin noffru lil xulxin, ix-xewqa li Ġesù jkun preżenti f’qalbhom. Din hija l-paċi li Ġesù biss jista’ jagħtina. 

Issa, tistgħu tagħmlu l-Fanal tal-Paċi tagħkom u żżommuh fil-kamra tagħkom. Ixegħluh meta tgħidu t-talb tagħkom għall-paċi. Araw l-istruzzjonijiet (mehmuża).

Isimgħu, Peace like a River.

Inroddu s-salib.

Għażiż Mulej, għinna biex nagħmlu d-dinja post fejn hemm il-paċi, sabiex in-nies kollha jistgħu jgħixu ħielsa mill-biża’ tal-gwerer u ġlied. Dan nitolbuh f’isem Ġesù, il-Prinċep tal-paċi. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.