L-Evanġelju tal-lum jurina b’mod ċar dak li jixtieq Alla u wkoll, dak li jistenna mingħandna. Alla jixtieq biss dak li hu tajjeb, irid jagħtina ħajja mimlija b’dak li hu sew. Naraw lil Ġesù jfejjaq mara li kienet ilha marida għal bosta snin u jqajjem tfajla mill-mewt. Huma ġrajjiet differenti, iżda fihom it-tnejn Ġesù jenfassiza l-importanza tal-fidi.
X’inhi l-fidi? Mhux possibbli li tispjega l-fidi fi ftit kliem. Żgur mhijiex superstizzjoni u lanqas ma hi għamja. Fidi ġejja minn fiduċja. Biex ikolli fiduċja f’xi ħadd, l-ewwel irrid insir nafu. Lil ħadd ma jien ser nafda b’xi ħaġa importanti, sempliċiment fuq għajdut tal-oħrajn. Għalhekk biex ikolli fidi f’Alla, l-ewwel irrid insir nafu. Min hu Alla? Dan nistqarruh kull darba li ngħidu l-Kredu. Min hu Alla għalina, hija ħaġ’oħra. Din hija l-mistqosija li qiegħed ipoġġielna quddiema l-Evanġelju tal-lum. Min hu Alla għalija?
Lil Ġajru, il-fidi għenitu biex jikseb il-ferħ u l-ħajja għal bintu; lill-mara, il-fidi wasslitha biex issib serħan minn tbatija li kienet ilha ssofri għal ħafna snin. Kemm lil Ġajru u lill-mara, il-fidi tagħhom ressqithom eqreb ta’ Ġesù. Dawn il-mirakli juruna l-attitudni ta’ Ġesù, l-attitudni li hu kellu għal dawn in-nies, u allura li għandu għalina wkoll. Ġajru u l-mara kienu ferm differenti. Ġajru kien kap ta’ sinagoga, żgur li kien magħruf u li kellu ċertu pożizzjoni fis-soċjetà. Ġajru kien iħobb ħafna lit-tifla tiegħu, u hija din l-imħabba li twasslu biex imur jinxteħet f’riġlejn Ġesù. Ġesù jagħtih it-tama, hekk kif jgħidlu li ħa jmur miegħu. Il-mara ma hi ħadd importanti, x’aktarx magħrufa biss minn dawk l-aktar qrib tagħha, u minħabba l-kundizzjoni tagħha, imwarrba minn kulħadd. Kienet ukoll fqira. Emmnet li Ġesù seta’ jfejjaqha. Fl-istess ħin ma kellix il-kuraġġ li tiffaċċjah. Jista’ jkun li għalkemm kellha l-fidi li Ġesù jfejjaqa, xorta kien hemm il-biża’ li jwarrabha, kif kienu jagħmlu n-nies l-oħra. Jew inkella ħasset li ma kienitx denja li tistaqsi lil Ġesù biex ifejjaqha. Kif messitlu t-tarf tal-libsa, hija fieqet! Hawn jinbidlu l-affarijiet. Ġesù jikxifha, irid ikun jaf min hi din il-mara li xtaqet li tinħeba minn kulħadd. Ġesù jieqaf biex jitkellem magħha. Min jaf Ġajru x’ħass dak il-ħin! Din il-mara waqqfet lil Ġesù mit-triq tiegħu, il-ħin kien prezzjuż għat-tifla tiegħu. Madanakollu, Ġesù jgħallimna anki b’dan id-dewmien.
Jgħallimna l-ewwel ħaġa, li aħna min aħna, anke jekk f’għajnejn is-soċjetà aħna ma aħna ħadd, għalih aħna importanti. Ġesù ma jagħmilx differenza, għandu l-ħin għalina. Naraw b’liema ħlewwa Ġesù jindirizza lil din il-mara, jgħidilha ‘binti’, binti tfisser relazzjoni. Ġesù dak li jixtieq, li jkollu relazzjoni mill-qrib magħna.
Imbagħad tasal l-aħbar li t-tifla ta’ Ġajru mietet. U Ġesù, jgħidlu ‘Tibżax’. Jingħad li l-kelma ‘tibżax’ hija l-aktar kelma repetuta fil-Bibbja. Ġesù jrid ineħħi kull biża’, irid li nemmnu li fih ser insibu t-tama, is-serħan u l-fejqan.
Il-fidi hija għażla li rridu nagħmlu, għażla li nemmnu, anke meta l-affarijiet ma humiex ċari u ovvji. Il-fidi tfisser li tafda f’Alla f’kull ċirkostanza u temmen li hu sema’ t-talba tiegħek u ser iwieġeb fil-mod li hu jaf li hu tajjeb għalik, u wkoll fil-ħin li hu tajjeb għalik, u dan jista’ jkun f’konflitt mat-talba li tkun għamilt. Qaddis kbir darba qal: “Itlob bħallikieku kollox jiddependi minn Alla, aħdem bħallikieku kollox jiddependi minnek.”