Qum!

13-il Ħadd ta' Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum jurina b’mod ċar dak li jixtieq Alla u wkoll, dak li jistenna mingħandna. Alla jixtieq biss dak li hu tajjeb, irid jagħtina ħajja mimlija b’dak li hu sew. Naraw lil Ġesù jfejjaq mara li kienet ilha marida għal bosta snin u jqajjem tfajla mill-mewt. Huma ġrajjiet differenti, iżda fihom it-tnejn Ġesù jenfassiza l-importanza tal-fidi.

X’inhi l-fidi? Mhux possibbli li tispjega l-fidi fi ftit kliem. Żgur mhijiex superstizzjoni u lanqas ma hi għamja. Fidi ġejja minn fiduċja. Biex ikolli fiduċja f’xi ħadd, l-ewwel irrid insir nafu. Lil ħadd ma jien ser nafda b’xi ħaġa importanti, sempliċiment fuq għajdut tal-oħrajn. Għalhekk biex ikolli fidi f’Alla, l-ewwel irrid insir nafu. Min hu Alla? Dan nistqarruh kull darba li ngħidu l-Kredu. Min hu Alla għalina, hija ħaġ’oħra. Din hija l-mistqosija li qiegħed ipoġġielna quddiema l-Evanġelju tal-lum. Min hu Alla għalija?

Lil Ġajru, il-fidi għenitu biex jikseb il-ferħ u l-ħajja għal bintu; lill-mara, il-fidi wasslitha biex issib serħan minn tbatija li kienet ilha ssofri għal ħafna snin. Kemm lil Ġajru u lill-mara, il-fidi tagħhom ressqithom eqreb ta’ Ġesù. Dawn il-mirakli juruna l-attitudni ta’ Ġesù, l-attitudni li hu kellu għal dawn in-nies, u allura li għandu għalina wkoll. Ġajru u l-mara kienu ferm differenti. Ġajru kien kap ta’ sinagoga, żgur li kien magħruf u li kellu ċertu pożizzjoni fis-soċjetà. Ġajru kien iħobb ħafna lit-tifla tiegħu, u hija din l-imħabba li twasslu biex imur jinxteħet f’riġlejn Ġesù. Ġesù jagħtih it-tama, hekk kif jgħidlu li ħa jmur miegħu. Il-mara ma hi ħadd importanti, x’aktarx magħrufa biss minn dawk l-aktar qrib tagħha, u minħabba l-kundizzjoni tagħha, imwarrba minn kulħadd. Kienet ukoll fqira. Emmnet li Ġesù seta’ jfejjaqha. Fl-istess ħin ma kellix il-kuraġġ li tiffaċċjah. Jista’ jkun li għalkemm kellha l-fidi li Ġesù jfejjaqa, xorta kien hemm il-biża’ li jwarrabha, kif kienu jagħmlu n-nies l-oħra. Jew inkella ħasset li ma kienitx denja li tistaqsi lil Ġesù biex ifejjaqha. Kif messitlu t-tarf tal-libsa, hija fieqet! Hawn jinbidlu l-affarijiet. Ġesù jikxifha, irid ikun jaf min hi din il-mara li xtaqet li tinħeba minn kulħadd. Ġesù jieqaf biex jitkellem magħha. Min jaf Ġajru x’ħass dak il-ħin! Din il-mara waqqfet lil Ġesù mit-triq tiegħu, il-ħin kien prezzjuż għat-tifla tiegħu. Madanakollu, Ġesù jgħallimna anki b’dan id-dewmien. 

Jgħallimna l-ewwel ħaġa, li aħna min aħna, anke jekk f’għajnejn is-soċjetà aħna ma aħna ħadd, għalih aħna importanti. Ġesù ma jagħmilx differenza, għandu l-ħin għalina. Naraw b’liema ħlewwa Ġesù jindirizza lil din il-mara, jgħidilha ‘binti’, binti tfisser relazzjoni. Ġesù dak li jixtieq, li jkollu relazzjoni mill-qrib magħna.

Imbagħad tasal l-aħbar li t-tifla ta’ Ġajru mietet. U Ġesù, jgħidlu ‘Tibżax’. Jingħad li l-kelma ‘tibżax’ hija l-aktar kelma repetuta fil-Bibbja. Ġesù jrid ineħħi kull biża’, irid li nemmnu li fih ser insibu t-tama, is-serħan u l-fejqan.

Il-fidi hija għażla li rridu nagħmlu, għażla li nemmnu, anke meta l-affarijiet ma humiex ċari u ovvji. Il-fidi tfisser li tafda f’Alla f’kull ċirkostanza u temmen li hu sema’ t-talba tiegħek u ser iwieġeb fil-mod li hu jaf li hu tajjeb għalik, u wkoll fil-ħin li hu tajjeb għalik, u dan jista’ jkun f’konflitt mat-talba li tkun għamilt. Qaddis kbir darba qal: “Itlob bħallikieku kollox jiddependi minn Alla, aħdem bħallikieku kollox jiddependi minnek.”

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 5, 21-43)

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.

Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: ‘Min messni?’” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kieku kellek tara lil Ġesù miexi minn ħdejk, toħroġ idejk biex tmissu? Għalfejn? Għalkemm lil Ġesù aħna ma nistgħux narawh, kif rawh Ġajru u dik il-mara, aħna għandna l-privileġġ li nirċevuh ġewwa fina fl-Ewkaristija. Qabel ma titqarben, għid b’fidi din it-talba “Mulej, ma jistħoqqlix li tiġi ġewwa fija, iżda għid kelma waħda u jien inkun imfejjaq/imfejqa.”
  4. Ġesù jagħti l-fejqan. Ma jagħtix fejqan fiżiku biss, imma wkoll spiritwali, fejqan f’relazzjonijiet, fejqan psikoloġiku u kwalunkwe fejqan ieħor li ma jħallinix ngħixu ħajja sħiħa u qaddisa. Aħseb ftit dwar x’tip ta’ fejqan għandek bżonn u itlob lil Ġesù jfejqek. Agħmel din bħala parti mit-talb tiegħek ta’ kuljum. 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (5, 21-43)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum tfal, ser nisimgħu dwar żewġ mirakli li għamel Ġesù. Intom tiftakru x’inhu miraklu hux hekk? Il-ġimgħa l-oħra smajna kif Ġesù waqqaf it-tempesta. Qabel dan, smajna kif Ġesù għamel miraklu kbir, biex ikun jista’ jiġi għandna permezz tal-Ewkaristija. Miraklu hu xi ħaġa li Alla biss jista’ jagħmel. Miraklu mhux xi tip ta’ magic.

  • Alla jista’ jagħmel kollox
  • Ġesù huwa dejjem magħna
  • Domna ta’ Ġesù jew kurċifiss żgħir li jista’ jintlibes jew jinġarr fil-basket tal-iskola, eċċ

Intom qatt kontu ma tifilħux? X’jagħmlu l-mamà u l-papà? 

Meta nkunu morda, imorru għand it-tabib biex ifejjaqna. Fl-Evanġelju tal-lum, smajna dwar tnejn min-nies li kienu morda. Waħda kienet tifla u l-oħra mara. It-tnejn kienu diġà rawhom it-tobba, imma ma setgħux ifejquhom. Il-papà ta’ din it-tifla u dik il-mara kienu semgħu dwar Ġesù, u huma emmnu li Ġesù seta’ jfejjaqhom.

Tiftakru x’ġara? (il-mara fieqet wara li misset il-mantar ta’ Ġesù, u t-tifla qamet meta Ġesù messha)

Alla jista’ jagħmel kollox. It-tobba ma setgħux ifejqu lit-tifla u lill-mara, imma Ġesù seta’. Ġesù ma jridx jarana morda jew imdejqin, jew nibżgħu. Smajtuh Ġesù x’qal lil Ġajru? Qallu “Tibżax.”

Intom meta tkunu qed tibżgħu, x’tagħmlu? (tmorru ħdejn il-mamà jew il-papà)

Meta tkunu tridu turu lil xi ħadd li tħobbuh x’tagħmlu? (tgħidilhom li tħobbhom, tbushom, tgħannaqhom)

Ġesù, lilna jħobbna ħafna u ma jridx li nibżgħu. Hu dejjem magħna. Lill-mamà u lill-papà, aħna narawhom, nistgħu nitkellmu magħhom, nistgħu nħossu t-tgħanniqa tagħhom. Lil Ġesù ma nistgħux nisimgħuh u lanqas inħossuh jgħannaqna miegħu. Imma hemm xi ħaġa li tista’ tfakkarna li Ġesù qiegħed magħna. Il-ġenituri xtrawlkom domna jew kurċifiss żgħir. Tistgħu tilbsuhom jew tpoġġuhom fil-baskett tal-iskola, tistgħu żżommuhom ħdejn is-sodda. Meta tħossukom waħedkom, jew qed tibżgħu, aqbdu d-domna jew il-kurċifiss f’idejkom, poġġuh ħdejn qalbkom u għidu: “Ġesù, jien naf li tħobbni. Ġesù, jien naf li qiegħed hawn ħdejja. Ġesù għinni biex ma nibqax nibża’. Ġesù, jien inħobbok.”

Inroddu s-salib

Grazzi Ġesù, li inti tħobbna, trid li nkunu ferħanin u ma nibżgħux. Għinna niftakru li aħna qatt ma nistgħu nkunu waħedna, għax inti dejjem qiegħed ħdejna. 

Ġesù, illum smajna kif inti fejjaqt lit-tifla ta’ Ġajru u lil dik il-mara li kienet ilha ħafna marida. Nixtiequ nitolbuk biex tfejjaq lit-tfal li qegħdin l-isptar u lit-tfal li jgħixu fil-pajjiżi foqra u fejn ma għandhomx tobba u mediċini. Grazzi Ġesù, inħobbok. Ammen.

Il-lum rajna li Alla jista’ kollox. Ħa nagħlqu dan il-ħin billi nisimgħu din is-song, I can know God.

Il-ġimgħa l-oħra smajna kif Ġesù kellu l-qawwa jwaqqaf il-maltemp, illum ser naraw lil Ġesù jagħmel żewġ mirakli oħra. Ser nisimgħu dwar missier li kien iħobb ħafna lit-tifla tiegħu. Din it-tifla kienet marida u kienet ser tmut. Dan ir-raġel, li kien jismu Ġajru, kien sema’ li Ġesù seta’ jfejjaqha u għalhekk mar ifittex lil Ġesù, biex ifejjaqlu lit-tifla. F’nofs din l-istorja, hemm ġrajja oħra, ta’ mara li kienet ilha marida. Ħadd ma kellu l-ħila jfejjaqha, imma hi emmnet li Ġesù seta’ jfejjaqha. Ejjew nisimgħu l-ġrajja ta’ Ġajru, it-tifla tiegħu, il-mara marida u Ġesù.

  • Alla jħobbna ħafna u jrid jieħu ħsiebna
  • Ġesù jixtieq jgħinna
  • Mhux biżżejjed li nkunu nafu li Ġesù jħobbna u li jixtieq jgħinna. Aħna rridu nemmnu fih u naċċettawh ukoll
  • Meta nemmen, jien ikolli l-fidi
  • Printouts tal-attività fuq kartonċina, aqtgħuhom biex jiġu kaxxa kaxxa 
  • Lapes
  • Kuluri
  • Single punch
  • Treasury tag jew key ring

Il-lum smajna kif Ġajru, li kien il-kap ta’ Sinagoga kellu t-tifla tiegħu marida ħafna. Hu kien sema’ li Ġesù kien fejjaq ħafna nies, u għalhekk mar ifittxu biex jitolbu jfejjaq lit-tifla tiegħu wkoll. 

X’għamel Ġesù meta Ġajru staqsih biex imur għandu? (Ġesù ried li din it-tifla tfieq u għalhekk mar għand Ġajru)

X’ġara huma u sejrin għand Ġajru? (Ġesù waqaf għax qal li xi ħadd kien messu!)

Kieku inti kont Ġajru, x’kont tħoss, kif Ġesù waqaf u ma kompliex miexi biex jiġi d-dar tiegħek?

Min kien li mess lil Ġesù? (mara li kienet ilha marida ħafna u l-ebda tabib ma kien irnexxielu jfejjaqha)

X’qal Ġesù lil din il-mara? (il-fidi tiegħek fejqitek)

X’inhi din il-fidi? Inti għandek fidi? 

Il-fidi tfisser li tafda. Aħna għandna fidi f’Alla. Jiġifieri aħna nemmnu dak li jgħid Alla. Alla għamel ħafna wegħdiet magħna, u aħna nemmnu li Alla jżomm il-wegħdiet li għamel.

X’ġara wara li l-mara fieqet? (waslu xi nies u lil Ġajru qalulu li t-tifla mietet)

X’għamel Ġesù meta sema’ li t-tifla mietet? (baqa’ sejjer għand Ġajru)

Meta wasal ħdejn it-tifla, x’għamel Ġesù? (għamel miraklu u t-tifla qamet)

Meta Ġajru sema’ li t-tifla kienet mietet, Ġesù qallu xi ħaġa. Tiftakru x’kienet? (“Tibżax, biss inti emmen”)

Mela mhux faċli li dejjem nemmnu. Nafu li Alla jħobbna, nafu li jrid jgħinna, imma xi kultant insibuha diffiċli li nemmnu. Qatt ġralkom xi ħaġa u għidtu, “imma kieku Alla jħobbni, ma kienx iħalli din il-ħaġa tiġri!” Intom tafu li l-mamà u l-papà jħobbukom ħafna, imma mhux dejjem tifhmu għalfejn jieħdu ċerta deċizzjonijiet, għalfejn ġieli titolbuhom jagħtukom xi ħaġa u ma jgħatuhielkomx u jgħidulek li qed jagħmlu hekk għax iħobbuk! Kemm hi diffiċli li tifhem kif xi ħadd iħobbok u ma jagħmilx dak li tixtieq inti! Għalissa għadkom żgħar, aktar ma tikbru aktar ser tifhmu għalfejn il-ġenituri ħadu ċerta deċiżjonijiet. Aktar ma tikbru, aktar ser issiru tafu lill-ġenituri tagħkom u dan jgħinkom biex tifhmuhom u tafdawhom. Bl-istess mod aktar ma nsiru nafu lil Alla, aktar nifhmuh u nafdawh. Aktar ma nafdaw lil Alla, aktar tikber il-fidi tagħna.

Kif tista’ ssir taf lil Alla aktar? (taqra l-Bibbja, titgħallem dwaru waqt il-quddies, fil-laqgħat ta’ formazzjoni, titlob)

Fl-attività tal-lum għandhom printout, b’affarijiet li aħna nemmnu fihom, ma hemmx dak kollu li nemmnu. Għalhekk hemm xi karti vojta għal tal-apposta, biex iżżid aktar. Ibda minn dawk li huma lesti. Fl-ispazju, pinġi dak li jiġik f’moħħok wara li taqra dak li hemm miktub. Għamel toqba fil-kantuniera tal-karti u għaddi treasury tag jew key ring minn ġo din it-toqba u jiġik qisu ktieb.  Waqt li qegħdin tlestu dan il-ktejjeb, isimgħu, My faith is in you.

Żomm dan il-ktejjeb ħdejn il-Bibbja. Meta taqra xi ħaġa oħra li temmen fiha, żid karta oħra. Ftit ftit dan il-ktejjeb ser ikollu ħafna aktar karti li jfakkruk f’dak li temmen. Meta tħoss li Alla mhux jisma’ t-talb tiegħek, aqbad dan il-ktejjeb u aqrah bil-mod u f’qalbek għid dan il-kliem: “Mulejja, agħtini l-fidi, għinni biex nemmen aktar fik.”

Inroddu s-salib

Ġesù, illum smajna kif Ġajru ġie jitolbok biex tfejjaq lit-tifla tiegħu. Bħal Ġajru, nixtiequ nitolbuk għall-fejqan. Ġesù jekk jogħġbok fejjaq lil … 

Mulej Alla, grazzi tal-imħabba kbira tiegħek. Aħna nafu li inti tista’ kollox. Xi drabi nsibuha diffiċli li nemmnu li inti qiegħed qrib tagħna, li tista’ tgħinna, li tħobbna. Ibagħat l-Ispirtu tiegħek fuqna biex jgħallimna nafdaw aktar fik. Dan nitolbuh f’isem Ibnek, Ġesù. Ammen.

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, xi ħadd jersaq Ġesù biex jitolbu jfejjaq lil bintu ż-żgħira li kienet qed tmut. Min kien dan li tkellem ma' Ġesù ?

Correct! Wrong!

2. X'għamlet il-mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ marida, meta lemħet lil Ġesù għaddej qalb il-folla?

Correct! Wrong!

3. X'qal Ġesù lil dik il-mara marida, meta nduna li hi kienet messitu għax emmnet li hu jista' jfejjaqha?

Correct! Wrong!

4. X'ġara lit-tfajla wara li Ġesù qabdilha idha u qalilha “Talitha, qum”?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.