L-Evanġelju tal-lum isegwi tal-ġimgħa l-oħra, u huwa skont San Ġwann. Inkomplu nisimgħu l-ġrajja ta’ meta Ġesù ta jieklu lil dawk l-eluf ta’ nies, bħala sinjal li hu jista’, mhux biex jitma’ bil-kliem, iżda wkoll b’mod fiżiku, u li jissodisfa, b’mod li huma setgħu jmissu, iduqu u jifhmu. Il-folla li marret wara Ġesù kienu bil-ġuħ għall-kelma tiegħu u Ġesù offra li jitmagħhom kemm b’mod spiritwali, kif ukoll jitma’ l-guħ fiżiku.
Naraw kif il-follol jibqgħu jiġru wara Ġesù, għax iridu jisimgħu aktar. Meta jkellem lil dawk li segwewh in-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Galilija, hu jiżvela r-rigal tiegħu nnifsu (dak li jagħtina permezz tal-Ewkaristija). Ġesù kien jaf li huma kienu qegħdin ifittxu li jirċievu ikel li jimlielhom żaqqhom, iżda hu jisfidhom biex jaraw lil hinn mill-bżonnijiet materjali. “Jiena għandi xi ħaġa aħjar għalikom. Jien għandi ikel li ma jagħtikomx biss il-ħajja fuq din l-art, iżda jagħtikom wkoll il-ħajja ta’ dejjem”. It-tip ta’ ġuħ li qiegħed jirreferi għalih Ġesù, u li jista’ jeffettwana lkoll, huwa ġuħ spiritwali, li l-ebda ikel fiżiku ma jista’ jissodisfa. In-nuqqas ta’ sodisfazzjoni spiritwali toħroġ b’diversi modi. Xi drabi nfittxu li jkollna l-aħħar mudell ta’ mobile, jew laptop jew anke karozza. Nimxu minn ħaġa eċitanti għal oħra, iżda xejn ma jissodisfana. Bl-istess mod li ġisimna ma jistax jgħaddi mingħajr ikel, lanqas ma tista’ ruħna tgħix mingħajr ikel spiritwali, li Ġesù biss jista’ jagħtina, permezz tal-Ewkaristija.
Fit-tliet ġimgħat li ġejjin, inkomplu nisimgħu d-diskors mis-6 kapitlu ta’ San Ġwann, dwar il-Ħobż tal-Ħajja. Ġesù jridna nimirħu lil hinn mis-superfiċjali, u niffukaw fuq dak li jista’ jmantnina verament. Meta nitqarbnu nirċievu dak li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem u li jista’ jagħmel differenza fil-ħajja spiritwali tagħna. Il-folla, tistaqsi lil Ġesù u titolbu biex “jagħtihom dejjem minn dan il-ħobż.” Fi żmien Mosè, il-Lhud irċevew il-manna (ħobż mirakuluż) fid-deżert. Kienu jingħataw dak li kien biżżejjed għall-ġurnata. Jekk kienu jerfgħu aktar, kien idur għalih id-dud. Fi żmien Ġesù, il-mexxejja Lhud, ukoll irreferew għall-manna, bħala ikel spiritwali, iżda Ġesù mexa pass aktar minn dan it-twemmin tradizzjonali u qal li hu kien il-Ħobż tal-Ħajja, il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem. Ġesù huwa dak ir-rigal prezzjuż li jissodisfa l-bżonn tar-ruħ tagħna. Fid-deżert, il-Lhud kienu jafdaw f’Alla biex jipprovdilhom il-manna, li litteralment kien il-ħobż ta’ kuljum. Ġesù qiegħed jistedinna biex nafdaw fih, nafdaw li jipprovdilna l-għerf li jwassal għall-sodisfazzjoni ta’ vera. Ġesù huwa l-unika triq għal għand il-Missier, u din timliena bit-tama. Ġesù, il-Ħobż tal-Ħajja, jissodisfa kull xorta ta’ ġuħ.