x’qegħdin infittxu?

18-il Ħadd ta' Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum isegwi tal-ġimgħa l-oħra, u huwa skont San Ġwann. Inkomplu nisimgħu l-ġrajja ta’ meta Ġesù ta jieklu lil dawk l-eluf ta’ nies, bħala sinjal li hu jista’, mhux biex jitma’ bil-kliem, iżda wkoll b’mod fiżiku, u li jissodisfa, b’mod li huma setgħu jmissu, iduqu u jifhmu. Il-folla li marret wara Ġesù kienu bil-ġuħ għall-kelma tiegħu u Ġesù offra li jitmagħhom kemm b’mod spiritwali, kif ukoll jitma’ l-guħ fiżiku.

Naraw kif il-follol jibqgħu jiġru wara Ġesù, għax iridu jisimgħu aktar. Meta jkellem lil dawk li segwewh in-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Galilija, hu jiżvela r-rigal tiegħu nnifsu (dak li jagħtina permezz tal-Ewkaristija). Ġesù kien jaf li huma kienu qegħdin ifittxu li jirċievu ikel li jimlielhom żaqqhom, iżda hu jisfidhom biex jaraw lil hinn mill-bżonnijiet materjali. “Jiena għandi xi ħaġa aħjar għalikom. Jien għandi ikel li ma jagħtikomx biss il-ħajja fuq din l-art, iżda jagħtikom wkoll il-ħajja ta’ dejjem”. It-tip ta’ ġuħ li qiegħed jirreferi għalih Ġesù, u li jista’ jeffettwana lkoll, huwa ġuħ spiritwali, li l-ebda ikel fiżiku ma jista’ jissodisfa. In-nuqqas ta’ sodisfazzjoni spiritwali toħroġ b’diversi modi. Xi drabi nfittxu li jkollna l-aħħar mudell ta’ mobile, jew laptop jew anke karozza. Nimxu minn ħaġa eċitanti għal oħra, iżda xejn ma jissodisfana. Bl-istess mod li ġisimna ma jistax jgħaddi mingħajr ikel, lanqas ma tista’ ruħna tgħix mingħajr ikel spiritwali, li Ġesù biss jista’ jagħtina, permezz tal-Ewkaristija.

Fit-tliet ġimgħat li ġejjin, inkomplu nisimgħu d-diskors mis-6 kapitlu ta’ San Ġwann, dwar il-Ħobż tal-Ħajja. Ġesù jridna nimirħu lil hinn mis-superfiċjali, u niffukaw  fuq dak li jista’ jmantnina verament. Meta nitqarbnu nirċievu dak li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem u li jista’ jagħmel differenza fil-ħajja spiritwali tagħna. Il-folla, tistaqsi lil Ġesù u titolbu biex “jagħtihom dejjem minn dan il-ħobż.” Fi żmien Mosè, il-Lhud irċevew il-manna (ħobż mirakuluż) fid-deżert. Kienu jingħataw dak li kien biżżejjed għall-ġurnata. Jekk kienu jerfgħu aktar, kien idur għalih id-dud. Fi żmien Ġesù, il-mexxejja Lhud, ukoll irreferew għall-manna, bħala ikel spiritwali, iżda Ġesù mexa pass aktar minn dan it-twemmin tradizzjonali u qal li hu kien il-Ħobż tal-Ħajja, il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem. Ġesù huwa dak ir-rigal prezzjuż li jissodisfa l-bżonn tar-ruħ tagħna. Fid-deżert, il-Lhud kienu jafdaw f’Alla biex jipprovdilhom il-manna, li litteralment kien il-ħobż ta’ kuljum. Ġesù qiegħed jistedinna biex nafdaw fih, nafdaw li jipprovdilna l-għerf li jwassal għall-sodisfazzjoni ta’ vera. Ġesù huwa l-unika triq għal għand il-Missier, u din timliena bit-tama. Ġesù, il-Ħobż tal-Ħajja, jissodisfa kull xorta ta’ ġuħ.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 6, 24-35) 

F’dak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”

Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.

Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”. Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”. Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. L-Evanġelju ikellimna fejn qegħdin illum. Ġesù kontinwament isejħilna u jistenniena biex hu jkun jista’ jitmagħna permezz tal-Ewkaristija. Forsi aħna bħal-Lhud, li fid-deżert, kienu sikwit igergru kontra Alla. Madanakollu, t-tweġiba ta’ Ġesù, hija dejjem waħda ta’ mħabba u barka. Aktar ma nersqu lejh fl-Ewkaristija, aktar ser nagħrfu x’teżor qed nirċievu u aktar nimpenjaw il-ħajja tagħna għalih.
  4. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (1392) jgħid hekk: “Dak li jagħmel l-ikel materjali fil-ħajja ta’ ġisimna, it-Tqarbin jagħmlu b’mod tal-għaġeb fil-ħajja tar-ruħ. Dan il-kobor fil-ħajja nisranija jeħtieġ jitmantna bit-Tqarbin.” Jekk hemm xi jżommok mit-tqarbin, ipprova sib soluzzjoni permezz tat-talb jew is-sagrament tal-qrar. Ġesù, qiegħed jistenniek.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann  (6, 24-35)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips;
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Il-ġimgħa l-oħra rajna kif Ġesù wera li hu l-Iben ta’ Alla, meta ta jieklu 5,000 raġel b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Kien miraklu, kien sinjal li Ġesù ġej mingħand Alla, iżda n-nies riedu aktar sinjali u provi ta’ dan.

  • Ġesù huwa verament mibgħut minn Alla
  • Ġesù jagħtina lilu nnifsu permezz tal-Ewkaristija
  • Template tal-ktejjeb
  • Imqass
  • Stapler

Fil-ħajja ta’ kuljum, naraw ħafna sinjali. Naraw is-sinjali fit-toroq li jgħidulna b’liema veloċità nistgħu nsuqu, jew juruna d-direzzjoni li rridu nieħdu. Is-sinjali tal-ħwienet jgħidulna minn fejn nistgħu nixtru dak li għandna bżonn, bħall-grocer, tal-laħam jew spiżerija. Sinjali oħra juruna dak li nistgħu jew ma nistgħux nagħmlu, bħas-sinjal li jurina li ma nistgħux nitfgħu żibel, jew li wasalna f’zebra crossing u li ma hemmx periklu biex naqsmu minn hemm. Fuq il-kaxex ikun hemm sinjali li juruna dawn jistgħux ikunu riċiklati jew le. Sinjali oħra juruna jekk hemmx periklu, bħal per eżempju li l-bleach huwa velenuż.

L-Evanġelju tal-lum huwa dwar sinjal differenti. Mhux sinjal li nistgħu mmissuh, iżda wieħed li juri li Ġesù, verament ġie mingħand Alla u li Ġesù tana ikel speċjali għar-ruħ tagħna. L-ikel għar-ruħ tagħna huwa Ġesù nnifsu u nirċevuh fit-tqarbin.

Lin-nies li marru warajh, Ġesù jgħidilhom hekk, “intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.” In-nies jitolbuh biex jurihom xi sinjal mirakuluż ieħor biex huma jemmnu. Qalulu li Mosè ta lil Lhud jieklu, ħobż mis-sema (li sejħulu manna), meta dawn kienu fid-deżert. Ġesù seta’ jagħmel l-istess?

In-nies riedu sinjal mingħand Ġesù biex juri li hu kien Iben Alla. Ġesù jwieġeb u jgħidilhom, “il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.” Dwar min taħsbu li kien qiegħed jitkellem? Kien qiegħed jitkellem dwaru nnifsu. Hu kompla u qal, “Jiena hu l-Ħobż tal-Ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!” Bl-istess mod li l-ġisem tagħna għandu bżonn l-ikel biex nibqgħu ħajjin, ir-ruħ tagħna għandha bżonn ikel spiritwali, u dan hu li nirċievu meta nitqarbnu. Nistgħu nkunu sodisfatti biss, meta jkollna lil Ġesù jgħix ġo qalbna.

Tixtiequ tagħmlu xi ħaġa biex tiftakru fil-messaġġ tal-lum li “Ġesù hu l-Ħobż tal-Ħajja”? Ipprintjaw il-ktejjeb tal-attività. Oqgħodu attenti u aqtgħu max-xifer tal-ħobż. Imbagħad ifirduhom fi tnejn, l-ikel materjali u dak spiritwali. Staqsu lill-ġenituri biex bl-istapler jagħmlulkom żewġ kotba żgħar. Sakemm tkunu qegħdin tagħmlu din l-attività tistgħu tisimgħu din is-song, You are the bread of life. Jekk tixtiequ tistgħu tagħmlu l-azzjonijiet li hemm fis-song!

Inroddu s-salib

Mulej Alla Missier, nirringrazjawk għal Ibnek Ġesù, li hu l-Ħobż tal-Ħajja. Aħna m’għandniex bżonn ta’ sinjal. Aħna nemmnu fih, nemmnu li hu jagħtina l-ħajja ta’ dejjem, miegħek fil-ġenna. Dan nitolbuh f’isem Ġesù. Ammen.

Introduzzjoni

Il-ġimgħa l-oħra smajna kif Ġesù ta jieklu 5,000 persuna b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar. Dan kien miraklu, u llum, il-folla tistaqsi lil Ġesù għal sinjal ieħor, għax kienu għadhom mhux soddisfatti għal kollox.

  • Meta niċċelebraw l-Ewkaristija, nirringrazzjaw lil Alla għal dak kollu li jipprovdilna, kemm materjali u kemm dak spiritwali
  • Printout tal-attività
  • Kartonċina
  • Bott vojt u nadif
  • Kolla u kuluri
  • Imqass

Aħna kollha nafu kemm hu importanti li jkollna stil ta’ ħajja li tagħtina s-saħħa, speċjalment li għadna żgħar u ġisimna għadu qiegħed jikber. Hemm numru ta’ affarijiet li rridu nosservaw biex inkunu b’saħħitna u ferħana, bħal per eżempju nixorbu l-ilma minflok luminati, li nieklu frott u ħaxix. Uħud minn dawn il-bżonnijiet, insejħulhom “bżonnijiet bażiċi tal-bniedem,” bħall-ilma, ikel, li jkollok fejn tgħix u x’tilbes. Hemm imbagħad bżonnijiet oħra li wkoll jaqgħu f’din il-kategorija ta’ “bżonnijiet bażiċi tal-bniedem.” Tistgħu taħsbu dawn x’jistgħu jkunu? (imħabba, self esteem, relazzjonijiet tajba, ħbieb u fidi)

Illum nisimgħu, kif in-nies baqgħu jfittxu lil Ġesù, wara li hu kien tahom jieklu kemm riedu, minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Ġesù jgħidilhom li Alla jagħtihom rigal ħafna akbar, rigal li jissodisfa l-bżonnijiet spiritwali. Ġesù jaf li l-ħobż li nieklu huwa bżonnjuż, biex aħna nikbru b’saħħitna. Imma hu jgħid lin-nies, li hu qiegħed joffri xi ħaġa li hi ħafna aqwa mill-ħobż li nieklu. Ġesù joffri lilu nnifsu – il-Ħobż tal-Ħajja. In-nies ma kienux sodisfatti bl-ikel materjali li tahom Ġesù, riedu aktar ikel. Iżda Ġesù jgħidilhom li hu jista’ jagħtihom xi ħaġa aktar importanti mill-ikel. Hu jista’ jagħtihom ir-rigal tal-ħajja ta’ dejjem. Inti tixtieq tirċievi dan ir-rigal? Dan hu r-rigal li Ġesù jagħtina permezz tal-Ewkaristija. Kull darba li nitqarbnu, inkunu qegħdin nirċievu dan ir-rigal; huwa importanti li lil Ġesù ngħidulu li nixtiequ li nirċevuh.

Aħna nirringrazzjaw lil Alla li jipprovdilna dak li għandna bżonn, kemm dak li hu materjali kif ukoll spiritwali.

Il-kaxxa tat-talb: Il-Ħobż tal-Ħajja

Meta naqraw il-Kelma ta’ Alla (il-Bibbja) inkunu wkoll qegħdin nieklu spiritwalment. Tistgħu tagħmlu kaxxa tat-talb, il-Ħobż tal-Ħajja tagħkom, u fiha tpoġġu siltiet favoriti mill-Bibbja u talb. 

Agħmlu printout tal-pattern (għandkom bżonn tnejn). Waħħluhom fuq kartonċina u aqtgħuhom. Waħħluhom fuq il-bott u ħalluh jinxef. Ikteb dawk is-siltiet li laqtuk mill-Evanġelju tal-lum jew xi talb tiegħek, fuq biċċiet tal-karti u poġġiehom ġol-bott, jekk tixtieq tista’ tagħżel waħda minn dawn it-talbiet biex tgħidha qabel l-ikel. 

Jekk tixtieq titgħallem vers 35 mis-6 kapitlu ta’ San Ġwann, ara dan il-video, I am the Bread of Life.

Inroddu s-salib

O Sagrament imqaddes
O Sagrament divin
Kull radd ta’ ħajr foħrija
Minn qalbi ntik kull ħin.

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, meta n-nies sabu lil Ġesù wara li ntebħu li ma kienx fuq id-dgħajsa, huma staqsewh...

Correct! Wrong!

2. Lil dawn in-nies Ġesu, qalilhom li għandhom jitħabtu biex jiksbu xi ħaġa. X'qalilhom eżattament dwar dan?

Correct! Wrong!

3. In-nies staqsew lil Ġesù x'għandhom jagħmlu biex jobdu lil Alla. Kif wieġeb Ġesù?

Correct! Wrong!

4. Liema huwa l-ħobż tal-ħajja skont dan l-Evanġelju?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.