Għand min immorru?

21-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Bl-Evanġelju tal-lum nikkonkludu d-diskors ta’ Ġesù dwar il-Ħobż tal-Ħajja. Matul dawn il-ġimgħat rajna kif in-nies gergru u ma aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesù; illum naraw kif anke dawk qrib tiegħu – xi wħud mid-dixxipli – sabu l-kliem tiegħu tqil u ma baqgħux jimxu warajh. 

L-Evanġelju tal-lum jagħtina dawl dwar kif nieħdu d-deċiżjonijiet. Ħajjitna mimlija deċiżjonijiet. Mhux kull deċiżjoni hija diffiċli biex neħduha, iżda kull deċiżjoni ġġorr magħha l-konsegwenzi. Id-dixxipli wkoll waslu għal deċiżjoni. Huma ma setgħux jemmnu li Ġesù kien ġie mis-sema, lanqas li seta’ jsalvahom u li hu għad jerġa jmur lura għand il-Missier. Meta ddeċidew li ma jibqgħux jimxu wara Ġesù wrew li l-ħajja ta’ dixxiplu kienet titlob wisq minnhom. Għal kuntrarju, Pietru, jwieġeb għan-nom tal-appostli sħabu. It-tweġiba ta’ Pietru hija msejsa fuq il-fidi. Hu ried li jibqa’ ma’ Ġesù. Din it-tweġiba u aċċettazzjoni tat-tagħlim ta’ Ġesù, hija rigal mingħand Alla. Il-fidi hija rigal u bħal kull rigal, aħna fil-libertà naċċettawhiex jew le.  Bħal kull rigal huwa inutli jekk ma nużawhx. Il-fidi tagħna tikber kull darba li naċċettaw lil Ġesù f’ħajjitna u naċċettaw li ngħixu t-tagħlim tiegħu.     

Illum Ġesù ppoġġielna din il-mistoqsija, “Tridux titilqu intom ukoll?” Kulħadd irid iwieġeb għalih innifsu. Min hu Ġesù għalija? Jien naċċetta t-tagħlim tiegħu? Ser nimxi warajh? L-appostli aċċettaw u rnexxielhom jibqgħu jimxu wara Ġesù, mhux bil-kapaċità tagħhom, imma għax ħallew il-grazzja ta’ Alla taħdem fihom. Alla, kuljum jagħtina din il-grazzja u jistedinna biex nersqu aktar qrib tiegħu. L-għażla hi f’idejna naċċettawhiex.

Meta naċċettaw u nafdaw lilna nfusna f’idejn Alla, l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jgħinna ngħixu bħala membri tal-Ġisem ta’ Kristu, tal-Knisja. Jgħinna biex ngħixu ta’ vera nsara u nagħmlu għażliet li ma jkunux dejjem faċli. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-qawwa biex nimxu lilhinn mis-sejħiet tad-dinja li jkunu kontra dak li nemmnu, jgħinna biex aħna nkunu ta’ dawl għall-oħrajn, speċjalment għal dawk l-aktar qrib tagħna u li aħna responsabbli għalihom. Kif nisimgħu fl-ewwel qari tal-lum, Alla huwa fidil u jżomm il-wegħdiet tiegħu, hu magħna dejjem. Il-poplu ta’ Iżrael, kemm-il darba dar kontra Alla u ttradieh, iżda Alla ma abbandunahx. Alla huwa dejjem magħna, anke meta nħossuna waħedna, Hu jibqa’ magħna. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hija l-fidi li twassalna biex nibqgħu nemmnu dan.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 6, 60-69) 

F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.

Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Illum naraw kif id-dixxipli sabu t-tagħlim ta’ Ġesù diffiċli u tfixxlu. Hemm xi tagħlim ta’ Ġesù li jfixklek? X’tagħmel meta tiltaqa’ ma’ dawn is-sitwazzjonijiet? Ftakar li l-Knisja toffri numru ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim u jekk issib direttur spiritwali, dan ikun ta’ għajnuna kbira.
  4. Kieku kellek tiddeskrivi persuna ta’ fidi, kif tiddeskriviha? F’dan ir-rigward, kif tiddeskrivi lilek innifsek? Itlob, kuljum ingħaqad mal-appostli u itolb,  “Kattar fija l-fidi” (Luqa 17, 5)
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (6, 60-69)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips;
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Aħna nemmnu li xi darba għad imorru l-ġenna ħdejn Ġesù. Din mhux faċli li nifhmuha u nemmnuha. Illum ser nisimgħu kif kien hemm xi ħbieb ta’ Ġesù, li ma emmnux, u ma baqgħux ma’ Ġesù. 

  • San Pietru jgħallimna, li l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu, hi li nemmnu lil Ġesù, u nimxu warajh 
  • Printout tal-attività
  • Imqass 

Ġesù tant iħobbna u jixtieq li jkun qrib tagħna, li tana r-rigal kbir tal-Ewkaristija, biex meta nitqarbnu, hu jiġi għandna b’mod speċjali ħafna. Jista’ jkun li intom ma tifhmux, kif meta nitqarbnu, Ġesù jiġi għandna. Dan ma tifhmuhx mhux għax għadkom żgħar, iżda għax ħadd ma jista’ jifhem kif dan jista’ jsir. Kulħadd, żgħar u kbar, aħna lkoll nemmnu li dak li qal Ġesù huwa vera. Ġesù qatt ma qalilna xi gidba. Hu dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu, għalhekk anke dwar l-Ewkaristija, aħna nemmnuh ukoll. 

Fl-Evanġelju tal-lum, wieħed biss qal li jemmen f’dak li qal Ġesù. Tiftakru min kien? (Pietru

Il-ħbieb l-oħra ta’ Ġesù, id-dixxipli, sabuha diffiċli li jemmnu dak li qal Ġesù, li huma jridu jieklu l-ġisem ta’ Ġesù u li għad xi darba jmorru l-ġenna u jgħixu għal dejjem. Imma Pietru, jgħid li hu u l-appostli l-oħra riedu jibqgħu ħbieb ma’ Ġesù, riedu jkomplu jitgħallmu mingħand Ġesù, riedu jemmnu dak li għallimhom u riedu li jibqgħu jimxu ma’ Ġesù. 

Ġesù kien jaf li dak li kien qiegħed jgħid ma kienx faċli. Jaf li anke aħna nsibuha diffiċli biex nemmnu. Qalilna li meta nitolbu, jkollna aktar qawwa biex nemmnu. Aktar ma nitolbu, aktar ser insiru ħbieb tiegħu u nagħmlu dak li jixtieq hu. Xi darba, għad imorru ħdejh fil-ġenna, fejn nibqgħu miegħu għal dejjem ta’ dejjem. 

Vera li dak li qiegħed jgħidilna Ġesù llum, mhux qegħdin nifhmuh, imma hemm ħaġa waħda, u din żgur li nafuha: biex inkunu ħbieb ta’ Ġesù, irridu nagħmlu dak li jixtieq hu. Meta nagħmlu dan, inkunu qegħdin nimxu warajh u xi darba naslu għandu fil-ġenna wkoll. Intom x’taħsbu li Ġesù jixtieqkom tagħmlu? (tħobbu lill-oħrajn, tgħinu, taħfru, titolbu, taqsmu dak li għandkom, titgħallmu, tisimgħu/taqraw il-ġrajjiet mill-Bibbja, tgħidu l-verità, tobdu ….). Illum għandkom forom tas-saqajn, u fuqhom hemm xi affarijiet li għandna nagħmlu, imxu minn waħda għall-oħra u araw fejn ser taslu. (nota lill-ġenituri: aqtgħu l-forom tas-saqajn u ferrxuhom mal-kamra jew ma’ aktar minn kamra waħda. Jekk tistgħu agħmlu xi waħda fuq xi siġġu u għalhekk it-tfal iridu jitilgħu fuqu, jew taħt is-siġġu u allura jridu jgħaddu minn taħtu. Spjegawlhom li biex nimxu wara Ġesù mhux dejjem faċli. Fl-aħħar isibu l-istampa ta’ Ġesù.

Inroddu s-Salib

Għażiż Ġesù, inti trid li aħna nibqgħu ħbieb miegħek. Aħna rridu nkunu bħall-appostli u nagħmlu dak li tixtieq inti u nemmnu dak li tgħallimna. Ma rridux inkunu bħal dawk id-dixxipli li ma baqgħux ħbieb miegħek. Ġesù, tant nixtiequ li nibqgħu ħbieb miegħek li se nkantawlek ukoll, li ddeċidejna li nimxu warajk u mhux se nbiddlu din id-deċiżjoni tagħna! 

I have decided.

Nota lill-ġenituri: dan il-clip qasir dwar l-imħabba tal-ġenituri, sabiħ biex jarawh it-tfal. L-imħabba li turi l-omm mhix kundizzjonata. Alla lilna hekk iħobbna, mingħajr kundizzjoni u jibqa’ jħobbna għal dejjem, nagħmlu x’nagħmlu. Aħna nistgħu nemmnu dan, jekk ikollna l-fidi, kif kellhom l-appostli. 

Introduzzjoni

Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu lil San Pietru, jagħmel att ta’ fidi, jiġifieri li jgħid li hu jemmen dak li qiegħed jgħid Ġesu, anke jekk ma jistax jifhem. San Pietru jgħid lil Ġesù li jrid jibqa’ jimxi warajh. 

  • Bħall-appostli, aħna jrid ikollna l-fidi f’Ġesù u wkoll nemmnu f’dak li jgħidilna hu.
  • Kartonċina
  • Imqass
  • Markers
  • Lapsijiet

Illum Ġesù jagħmel mistoqsija diretta lil sħabu l-appostli u jgħidilhom, “Tridux titilqu intom ukoll?”

Fi ftit snin, jew anqas, intom ser tiċċelebraw is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Għalkemm din il-mistoqsija mhux ser issir lilkom b’dan il-kliem preċiżi, ser issirilkom b’mod ieħor, ftit tal-ħin qabel ma tirċievu dan is-sagrament. Għalhekk tajjeb nistaqsu ftit:

Intom insara?
Għalfejn intom insara?
Huwa faċli li tgħix ta’ nisrani?
Tixtieq tibqa’ tgħix ta’ nisrani?
Intom qatt kellkom xi ħbieb li qalulek: “Ma rridx nibqa’ ħabib jew ħabiba miegħek”?

Kif ħassejtukom?

X’taħsbu li ħass Ġesù, meta d-dixxipli ħbieb tiegħu, ma ridux jibqgħu miegħu?

(it-tfal huma fil-libertà biex iwieġbu skont kif iħossu)

Intom tgħammidtu meta kontu għadkom trabi u ma kellkomx għażla, minħabba li l-ġenituri ddeċidew għalikom. Il-ġenituri, ddeċidew numru ta’ affarijiet oħra, bħall-injections u mediċini li ngħatajtu, l-ikel li tieklu, l-iskola li tmorru. Dawn id-deċiżjonijiet għamluhom kollha fl-interess tagħkom u għall-ġid tagħkom. Issa li qegħdin tikbru, qegħdin tieħdu ċerta deċiżjonijiet intom. Il-Magħmudija rċevejtuha mingħajr il-kunsens tagħkom, iżda s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof ser titolbu li tirċevuh intom stess. Anke jekk baqgħalkom xi snin biex tiċċelebraw dan is-sagrament, tajjeb li l-mistoqisja li għamel Ġesù, tweġbuha intom ukoll. Ma jfissirx li meta tagħmlu l-Griżma tal-Isqof tistgħu tieqfu twieġbu s-sejħa ta’ Ġesù, għax l-‘iva’ tagħna lil Ġesù, trid issir ta’ kuljum, għal ħajjitna kollha.  U kif Ġesù ddispjaċieh meta dawk id-dixxipli ma baqgħux ħbieb miegħu, jiddispjaċih ukoll, meta aħna niddeċiedu li ma rridux nisimgħu minnu.

Fil-qari tal-lum, Ġesù jsemmi l-Ispirtu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina l-qawwa biex ma naqtgħux qalbna, biex meta nsibu t-tagħlim ta’ Ġesù diffiċli, aħna nkomplu mixjin miegħu u mhux nitilqu ’l hemm kif għamlu d-dixxipli. Kull darba li nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb, inkunu ddeċidejna li nimxu wara Ġesù. Xi drabi mhux se nkunu żguri minn dak li għandna nagħmlu, f’dan il-kas irridu nitolbu aktar.

Kulħadd issa ser jagħmel forma ta’ siequ. Tajjeb li tgħinu lil xulxin. Xi ħadd ipoġġi siequ fuq il-kartonċina, u xi ħadd ieħor ipinġi mad-dawra biex jagħmel il-forma. Imbagħad tinqata’. Kulħadd jikteb ismu fuq il-forma ta’ siequ. Dawn il-forom tas-saqajn ser iduru għand kull membru tal-familja, u fuqha jiktbu kif dik il-persuna tista’ timxi wara Ġesù. Per eżempju, ġenitur jista’ jikteb xi ħaġa bħal, “Cinzia tgħin lil ħuha John fil-homework”, fuq il-forma ta’ sieq it-tifla tagħhom. Cinzia tista’ tikteb “il-mama jkollha aktar paċenzja meta tkun fit-traffic,” fuq il-forma ta’ sieq il-mama! (nota lill-ġenituri: it-tfal iż-żgħar jista’ jkun ikollhom ftit ta’ diffikultà biex jiktbu, jistgħu jekk iridu jpinġu, minflok, u jispjegaw x’pinġew) Meta kulħadd ikun lest, kulħadd jaqra dak li għandu miktub fuq il-forma tas-sieq tiegħu u dawn jitħallew f’post fejn jidhru, biex kulħadd jiftakar x’għandu jagħmel biex jimxi wara Ġesù.
Waqt li tkunu qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu Follow Jesus.

Inroddu s-salib.

Ġesù, illum nixtiequ nitolbu għal kull wieħed u waħda minna, biex ma naqtgħux qalbna u nibqgħu dejjem nimxu warajk. Grazzi Ġesù.

Bħala parti mit-talba, ser nagħmlu Att ta’ Fidi, biex nuru li aħna, vera nemmnu li Ġesù huwa mibgħut minn Alla:

Jiena nemmen b’fidi ferma illi hemm Alla wieħed, li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena.  Jiena nemmen li dan Alla huwa wieħed fi tliet persuni ugwali, u realment distinti, li huma l-Misser, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Nemmen li l-Iben ta’ Alla sar bniedem u ħa l-ġisem fil-ġuf purissmu ta’ Marija Verġni bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu.  Bħala bniedem miet fuq is-salib għal dnubietna u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet.

Nemmen il-veritajiet l-oħra kollha, li temmen u tgħallem Ommna l-Knisja Mqaddsa Kattolika.

U dana kollu nemmnu għaliex Alla, verità infallibli, irrivelah lill-istess Knisja Mqaddsa. Ammen.

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, Ġesù kien qed ikellem lid-dixxipli dwar...

Correct! Wrong!

2. X'qalu id-dixxipli li kienu qed jisimgħu lil Ġesù?

Correct! Wrong!

3. Minn dakinhar kien hemm ħafna dixxipli li lil Ġesù...

Correct! Wrong!

4. Meta Ġesù, staqsa lill-appostli jekk huma wkoll iridux jitilqu wkoll, Pietru wieġbu u qallu...

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.