Kristu Re!

Il-Festa ta' Kristu Sultan

Illum il-Knisja tiċċelebra l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika. Il-Ħadd li ġej, tibda Sena Liturġika oħra, nibdew żmien l-Avvent. F’dan l-aħħar Ħadd niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Kristu li bħar-ragħaj, jieħu ħsiebna u jfittixna meta nintilfu jew inkunu l-bogħod minnu. Huwa kien minn dejjem Sultan ta’ kulħadd u jibqa’ Sultan ta’ kulħadd. Huwa Sultan differenti mis-slaten u mis-setgħana tad-dinja. Huwa mexxej li jrid jaqdi lilna u jkun magħna kull ħin. Huwa Sultan li jħobb is-sudditi tiegħu.

Ġesù isejjaħ lil dawk in-nies li għenu u ħabbew lill-oħrajn, nagħaġ, u lil dawk li ma tawx kas it-tagħlim tiegħu u njoraw il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, mogħoż. Fid-diskors ta’ Ġesù, iż-żewġ gruppi huma sorpriżi, kemm dawk li mxew fuq il-kelma tiegħu u anke dawk li għexu b’mod egoist. Jista’ jkun li tal-aħħar, il-mogħoż, ħasbu li jekk ma għamlu deni lil ħadd, kienu qed jogħġbu lil Alla. Din is-silta tal-lum tfakkarna f’diskors ieħor ta’ Ġesù, fejn kien qal li “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7, 21). Għalhekk, għalkemm jista’ jkun vera li persuna ma tagħmilx deni lill-oħrajn, jista’ jkun ukoll li fl-istess ħin lanqas ma tat kas il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarha. L-imħabba tagħna lejn Alla trid tissarraf f’azzjonijiet tajba. Kliem biss mhux biżżejjed.

Ġesù mhux qiegħed jistenna affarijiet kbar ħafna mingħandna, imma jrid li nuru mħabba u ħniena mal-oħrajn. Jgħidilna li hu jinnota sal-iċken ħaġa tajba li nagħmlu, affarijiet li għalina forsi huma insinjifikanti. Mother Teresa kienet tħobb tgħid mhux kollha kemm aħna mistennija li nagħmlu affarijiet kbar għall-oħrajn, imma kollha hemm aħna mistennija li nagħmlu affarijiet żgħar b’ħafna mħabba. Ninnutaw li f’dan id-diskors, Ġesù ma jgħidx li għamilna affarijiet tajba lill-oħrajn f’ismu, imma li għamilna affarijiet tajba miegħu. Ġesù, jiddentifika lilu nnifsu mal-fqir u l-batut. Kull darba li ndawru wiċċna mill-bżonnijiet ta’ ħutna, nkunu qegħdin indawru wiċċna minn Ġesù. Id-diskors ta’ Ġesù mhuwiex dwar dak li għad jiġri fil-futur, daqs kemm hu dwar il-mod li qegħdin ngħixu llum. Ġesù jrid li nieqfu u nagħmlu eżami tal-ħajja tagħna; jekk ma aħniex qegħdin ngħixu ta’ aħwa mal-oħrajn, b’azzjonijiet ta’ mħabba u ħniena bejnietna, issa huwa l-mument li ninbidlu, qabel ma jkun tard wisq.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 25, 31-46)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kieku kelli niltaqa’ llum ma’ Ġesù, ma’ min ser ipoġġini? Man-nagħaġ jew mal-mogħoż? Jekk mal-mogħoż, għalfejn? Kif nista’ ngħix aħjar?
  4. Kif tħares lejn Ġesù? Hu s-Sultan tiegħek? Isma’ That’s my King u ara Ġesù huwiex dan għalik? 
  5. Bħala għeluq ta’ dan il-mument ta’ riflessjoni, għid bil-mod il-Kredu, fejn nistqarru li Ġesù għad “jerġa jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.”
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (25, 31-46);
    ii. Xemgħa mixgħula;
    iii. IIl-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja, xemgħa, miksija bi drapp abjad;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips.
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Illum Ġesù bħala r-Re tagħna, jgħidilna kif jixtieq li ngħixu.

  • Ġesù huwa Sultan li jħobbna u jieħu ħsiebna
  • Ġesù jrid li bħalma jħobbna hu, aħna nħobbu lill-oħrajn
  • Printout tal-kuruna ta’ Re
  • Kartonċina
  • Imqass
  • Kuluri u dekorazzjonijiet 
  • Gloj jew stapler
  • Stampi ta’ nies qed jgħinu / jħobbu lill-oħrajn (ħbieb jitgħannqu, xi ħadd jgħin lil xi ħadd li waqa’, għajnuna fid-dar, tfal jilgħabu, tfal jieħdu ħsieb pets, tfal man-nanniet, tfal attenti fl-iskola, tfal jixxerjaw il-ħelu / lunch / toys)
  • Stampi ta’ nies li mhux qed iġibu ruħhom kif jixtieq Ġesù (tfal jiġġieldu, tfal jidħku b’oħrajn, tfal iweġġu lill-pets, tfal jirrabjaw, tfal ikissru toys ta’ ħuthom)
  • Stampa ta’ nagħġa
  • Stampa ta’ mogħża

Illum Ġesù jgħid li hu Sultan u huwa ragħaj ukoll. Ġesù mhuwiex Sultan bħalma ġieli naraw fil-films jew naqraw f’xi storja. Ġesù huwa Sultan li jħobb lil kulħadd, jgħin lil kulħadd u jrid li kulħadd ikun ferħan. Bħar-ragħaj li jitlef xi nagħġa, Ġesù jiddejjaq meta aħna ma nibqgħux ħbieb miegħu jew inkunu mdejjqin. Is-slaten tal-films u stejjer ikollhom ħafna nies jaqduhom. Aħna, is-sultan tagħna huwa Ġesù, u biex nogħġbu lis-sultan tagħna, irridu nagħmlu dak li jixtieq hu. Ġesù, irid li aħna nħobbu lill-oħrajn, ngħinuhom u nkunu ħbieb ma’ kulħadd.

Ġesù, fired lil dawk li jħobbuh u għamlu dak li jixtieq hu, u sejħilhom nagħaġ, minn dawk li ma kienux iħobbu lill-oħrajn; hu għamilhom għalihom, u sejħilhom mogħoż. Għandna dawn l-istampi. Ser inqassmuhom hekk: jekk huma affarijiet li Ġesù jieħu gost bihom nagħmluhom man-nagħġa, jekk huma affarijiet li Ġesù ma jieħux gost bihom nagħmluhom mal-mogħża.Għidna li Ġesù huwa Sultan u jrid li aħna nagħmlu bħalu. Fl-attività tal-lum ser nagħmlu kuruna ta’ re. Imwaħħlu l-printout fuq kartonċina u naqtgħuha. Wara nagħtuha l-kulur u niddekorawha. Inwaħħlu t-truf flimkien bil-gloj jew stapler.

Noqgħodu ċirklu, bħala mużika nisimgħu dawn: We are royalty u Jesus is the king, ruler over everything.
Waqt li l-mużika tkun qegħda tindaqq, ngħaddu l-kuruna, minn persuna għall-oħra. Xi ħadd jieħu ħsieb li wara ftit iwaqqaf il-mużika. Għand min tkun il-kuruna, jilbisha u jgħid xi ħaġa dwar Ġesù (pereżempju Ġesù kien jaħfer / Ġesù kien iħobb lit-tfal, eċċ) jew inkella jgħid xi ħaġa li aħna nistgħu nagħmlu biex inkunu bħal Ġesù (pereżempju, jien għandi naqsam dak li għandi mal-oħrajn / jien għandi nkun ħabib ta’ kulħadd). Il-logħba (tintlagħab bħal Pass the parcel), tibqa’ għaddejja sakemm tal-anqas, kulħadd ikun libes il-kuruna tlett darbiet.

Irroddu s-salib.

Ġesù, inti s-Sultan tiegħi. Jien irrid inħobbok u nagħmel dak li trid inti. Għinni biex inħobb u ngħin lill-oħrajn, anke meta ma jkollix aptit, għaliex meta nħobb u ngħin lil ħaddieħor, inkun qiegħed inħobb u ngħin lilek.

Illum niċċelebraw il-festa ta’ Ġesù, ir-re tagħna. Illum Ġesù ser jitkellem dwar kif inġibu ruħna mal-oħrajn. Huwa ser jgħidilna li jixtieq li aħna ngħinu, nagħtu kas u nħobbu lill-proxxmu tagħna.

  • Meta aħna nieħdu ħsieb ħaddieħor, inkunu qisna qegħdin nieħdu ħsieb Ġesù
  • Printout tal-Opri tal-Ħniena
  • Imqass
  • gloj

Illum Ġesù jsemmi n-nagħaġ u mogħoż. 
Min huma n-nagħaġ? (dawk li jgħidu li jħobbu lil Ġesù u dan juruh meta jgħinu lill-oħrajn)
Min huma l-mogħoż? (dawk li jgħidu li jħobbu lil Ġesù, imma ma jgħinux lil min għandu bżonn)
Intom bħal min tridu tkunu? Bħan-nagħaġ jew bħall-mogħoż?

Forsi bħalissa qegħdin tgħidu, imma jien ma naf lil ħadd li ma għandux x’jiekol! Jew li jkollu l-għatx u ma jkollux x’jixrob! Lili jgħiduli biex jekk ikellimni xi ħadd li ma nafux, jien nibqa’ għaddej u ma nkellmux. Mela kif ser iħabbat xi ħadd il-bieb, jew nara lil xi ħadd li ma għandux fejn joqgħod u ndaħħlu d-dar? Jien qatt ma rajt lil ħadd tant fqir li kien għarwien fit-triq! Jien għadni żgħir, mhux ser infejjaq morda. Bħalissa kulħadd qiegħed jgħidli noqgħod attent u ma nersaq lejn ħadd li jidher marid. Żgur li l-ġenituri mhux ser iħalluni mmur il-ħabs nara lill-priġunieri. Ġesù illum mhux qiegħed jgħid dan il-kliem għalija.

Dak li qiegħed taħseb huwa veru u għandna dejjem nobdu dak li ħaddieħor jgħidilna u li jkun għall-ġid tagħna. Madanakollu fl-istess ħin, dak li qiegħed jgħid Ġesù, jgħodd anke għal tfal tal-età tiegħek. Ġesù jrid li aħna ngħinu u nħobbu lill-oħrajn. 

X’nistgħu nagħmlu biex inkunu bħan-nagħaġ? X’nistgħu nagħmlu biex inħobbu u ngħinu lill-oħrajn? (eżempji li jistgħu isemmu: nagħti flus mill-pocket money tiegħi għall-foqra, ma ninjorax tfal li ma għandhomx ħbieb, inċempel lil sħabi li huma morda u ngħinhom fix-xogħol tal-iskola, inċempel lin-nanniet, nagħmlilhom cards u ngħidilhom li nħobbhom, ngħannaq lill-ġenituri u ħuti u ngħidilhom li nħobbhom, jekk xi ħadd minn sħabi jaqa’, ma nidħakx bih iżda mmur nara weġġax u ngħinu, jekk sħabi joqgħodu jidħku u jgħaddu ż-żmien b’xi ħadd, jien ma nkomplix magħhom, noqgħod ma’ ħuti iżgħar, nilgħab magħhom u nieħu ħsiebhom, ngħin fid-dar, naħfer, naqsam dak li għandi ma’ oħrajn).

Dak li Ġesù qiegħed jitkellem dwarhom illum, insejħulhom l-Opri tal-Ħniena. Naqsmuhom fi tnejn: dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ġisem u dawk li huma spiritwali. Huma lista ta’ azzjonijiet li għandna nagħmlu biex inwasslu l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla lill-oħrajn. Dawk li jmissu l-ġisem jitkellmu dwar dak li nistgħu nagħmlu lill-oħrajn biex ngħinuhom fi bżonnijiet materjali. Bl-opri tal-ħniena l-oħrajn, ngħinu fil-bżonnijiet emozzjonali u spiritwali ta’ dawk li jeħtieġu din l-għajnuna. Tajjeb li nitgħallmuhom, imma l-aktar importanti huwa li nagħmluhom. Bħala għajnuna, din il-ġimgħa għandkom printout bl-Opri tal-Ħniena. Wara li taqtgħuhom u twaħħluhom dahar ma’ dahar, itwuwhom qishom imrewħa, bħalma hemm fl-istampa. Żommuhom ħdejn is-sodda, biex qabel ma torqdu, tiftakru f’dak li għamiltu matul il-ġurnata, taraw xi stajtu għamiltu aħjar u titolbu biex Ġesù jgħinkom tagħmlu għażliet aħjar.

Waqt li tkunu qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu Jesus is the King 

Inroddu s-salib

Din ir-riflessjoni għamlita Santa Tereża ta’ Avila: 

“Kristu issa m’għandux ġisem ħlief tiegħek, 
m’għandux idejn u riġlejn fuq din l-art ħlief tiegħek, 
tiegħek huma l-għajnejn li bihom Ġesù juri il-ħarsa ta’ ħniena tiegħu lejn id-dinja; 
tiegħek ir-riġlejn li bihom iterraq jagħmel il-ġid, 
tiegħek huma l-idejn li bihom Ġesù jbierek lid-dinja kollha, 
tiegħek l-idejn, ir-riġlejn u l-għajnejn; 
inti il-ġisem tiegħu, Kristu issa m’għandux ġisem ħlief tiegħek.

Ġesù, għinni u agħtini l-kuraġġ, biex jien inkun idejk, riġlejk u għajnejk. Jien nixtieq inħobbok permezz ta’ dak li jiena nagħmel mal-oħrajn. Grazzi Ġesù li inti dejjem miegħi, tħobbni u tieħu ħsiebi.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.