Bl-Evanġelju tal-lum nikkonkludu d-diskors ta’ Ġesù dwar il-Ħobż tal-Ħajja. Matul dawn il-ġimgħat rajna kif in-nies gergru u ma aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesù; illum naraw kif anke dawk qrib tiegħu – xi wħud mid-dixxipli – sabu l-kliem tiegħu tqil u ma baqgħux jimxu warajh.
L-Evanġelju tal-lum jagħtina dawl dwar kif nieħdu d-deċiżjonijiet. Ħajjitna mimlija deċiżjonijiet. Mhux kull deċiżjoni hija diffiċli biex neħduha, iżda kull deċiżjoni ġġorr magħha l-konsegwenzi. Id-dixxipli wkoll waslu għal deċiżjoni. Huma ma setgħux jemmnu li Ġesù kien ġie mis-sema, lanqas li seta’ jsalvahom u li hu għad jerġa jmur lura għand il-Missier. Meta ddeċidew li ma jibqgħux jimxu wara Ġesù wrew li l-ħajja ta’ dixxiplu kienet titlob wisq minnhom. Għal kuntrarju, Pietru, jwieġeb għan-nom tal-appostli sħabu. It-tweġiba ta’ Pietru hija msejsa fuq il-fidi. Hu ried li jibqa’ ma’ Ġesù. Din it-tweġiba u aċċettazzjoni tat-tagħlim ta’ Ġesù, hija rigal mingħand Alla. Il-fidi hija rigal u bħal kull rigal, aħna fil-libertà naċċettawhiex jew le. Bħal kull rigal huwa inutli jekk ma nużawhx. Il-fidi tagħna tikber kull darba li naċċettaw lil Ġesù f’ħajjitna u naċċettaw li ngħixu t-tagħlim tiegħu.
Illum Ġesù ppoġġielna din il-mistoqsija, “Tridux titilqu intom ukoll?” Kulħadd irid iwieġeb għalih innifsu. Min hu Ġesù għalija? Jien naċċetta t-tagħlim tiegħu? Ser nimxi warajh? L-appostli aċċettaw u rnexxielhom jibqgħu jimxu wara Ġesù, mhux bil-kapaċità tagħhom, imma għax ħallew il-grazzja ta’ Alla taħdem fihom. Alla, kuljum jagħtina din il-grazzja u jistedinna biex nersqu aktar qrib tiegħu. L-għażla hi f’idejna naċċettawhiex.
Meta naċċettaw u nafdaw lilna nfusna f’idejn Alla, l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jgħinna ngħixu bħala membri tal-Ġisem ta’ Kristu, tal-Knisja. Jgħinna biex ngħixu ta’ vera nsara u nagħmlu għażliet li ma jkunux dejjem faċli. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-qawwa biex nimxu lilhinn mis-sejħiet tad-dinja li jkunu kontra dak li nemmnu, jgħinna biex aħna nkunu ta’ dawl għall-oħrajn, speċjalment għal dawk l-aktar qrib tagħna u li aħna responsabbli għalihom. Kif nisimgħu fl-ewwel qari tal-lum, Alla huwa fidil u jżomm il-wegħdiet tiegħu, hu magħna dejjem. Il-poplu ta’ Iżrael, kemm-il darba dar kontra Alla u ttradieh, iżda Alla ma abbandunahx. Alla huwa dejjem magħna, anke meta nħossuna waħedna, Hu jibqa’ magħna. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hija l-fidi li twassalna biex nibqgħu nemmnu dan.