Santa Roża twieldet ġewwa Viterbo, belt fl-Italja ċentrali u għexet bejn 1235 u 1252. Kienet tifla bi spiritwalita profonda.
Minn meta kienet ta’ età żgħira, Santa Roza kienet turi qdusija straordinarja; jingħad li meta kellha tlett snin talbet ħdejn it-tebut ta’ zija tagħha li kienet għadha kif mietet, u zijitha reġgħet tqajjmet mill-mewt!
Meta kien għad biss kellha seba snin, kienet tqatta ħajjitha fit-talb u l-penitenza ġewwa kamra żgħira fid-dar tal-ġenituri tagħha. F’dan iż-żmien Roża kienet dehritilha l-Madonna u qaltilha biex tidħol Terzjarja Franġiskana u tkun xiehda għal Alla fid-dinja (it-terzjarji huma it-tielet ordni Franġiskan li hu magħmul minn persuni miżżewġin jew ġuvintur u xebbiet, li jgħixu regola miktuba għalihom minn San Franġisk t’Assisi).
Meta kellha 12-il sena ħarġet fit-toroq tipriedka! Kienet tkellem in-nies dwar l-awtorita tal-Papa, l-indiema, il-ġustizzja u l-ħniena filwaqt li tħeġġeġ in-nies biex jibqgħu sħaħ fil-Fidi. Kienet ħabbret li kien ser immut l-Emperatur Frederiku, dan miet 8 t’ijiem wara it-tħabbira.
Roża xtaqet tidħol soru imma ma ġietx aċċetata għax kienet fqira. Roża mietet ftit snin wara fl-età żgħira ta’ 17-il sena. Il-ġisem tagħha ittieħed ġewwa l-kunvent tas-Sorijiet; l-istess Sorijiet li ma aċċettawiex biex tidħol soru magħhom, issa kienu aċċettawha bħala qaddisa.