Huwa faċli li ngħidu li nħobbu lil Alla, iżda li nobdu dak li qalilna Ġesù titlob minna l-insara mpenn akbar. Ġesù jgħidilna li għandna nħobbu lil Alla u lil xulxin. Forsi tinstema faċli, iżda meta rridu nħobbu lil dawk li jwaqqgħuna għaċ-ċajt jew jipprovokawna, irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina l-qawwa tal-fejqan tiegħu.
L-Ispirtu s-Santu mhux biss qiegħed magħna, iżda hu qiegħed fina bħala sors ta’ kuraġġ u qawwa interjuri. Dan hu l-istess Spirtu li ħadem fil-ħajja ta’ Ġesù. Hu ġie mogħti lilna fil-magħmudija u fil-griżma tal-Isqof. Permezz ta’ din il-preżenza, Ġesù jibqa’ għal dejjem fil-Knisja, u aħna nistgħu naqsmu mill-ħajja ta’ Alla u l-missjoni ta’ Ġesù.
Dan l-Evanġelju jkompli ma’ tal-ġimgħa l-oħra. Ġesù qiegħed waqt l-Aħħar Ikla u jgħid lid-dixxipli li hu kien ser jitlaq minn magħhom biex imur lura għand il-Missier. Dak in-nhar, huma ma fehmux eżatt dak li Ġesù kien qiegħed jgħidilhom; aħna, iżda, nafu eżatt x’ried ifisser. Sabiex ma jaqtgħux qalbhom, Ġesù jwiegħed l-għotja tal-Ispirtu s-Santu. B’hekk huma ma jħossuhomx bħall-iltiema, jew minsija. Ġesù jkompli jinkoraġġihom (u lilna wkoll) biex ikollna l-istess relazzjoni mal-Missier, kif għandu hu. Dan nistgħu niksbuh permezz tad-don tal-Ispirtu. Aħna mistiedna nieklu ma’ Alla, u b’dan il-mod naqsmu mal-ħajja vera ta’ Alla. Jekk nieqfu u nirriflettu xi tfisser eżatt din l-istedina, nindunaw li bl-istess mod li Ġesù kien ikonċeput mill-Ispirtu s-Santu u ġie jgħix fostna, hekk ukoll, hu għadu preżenti fina permezz tal-Ewkaristija. Permezz tal-Ewkaristija aħna sirna l-Ġisem ta’ Kristu.
Ġesù spjega lid-dixxipli li hu u l-Missier huma ħaġa waħda, u hu l-Ispirtu s-Santu li qiegħed magħna u jgħinna nagħrfu li aħna wlied Alla, u ma aħniex iltiema. Huwa dan l-istess Spirtu li jmexxina biex ngħixu ta’ nsara fil-familja tagħna, u biex inkomplu nuru l-imħabba tagħna lejn Ġesù, meta nobdu l-kmandamenti.