
Santa Roża għexet bejn 1235 u 1252. Twieldet Viterbo, fiċ-ċentru tal-Italja, fi żmien meta l-Italja kienet għadha mhux magħquda iżda maqsuma fi stati. Ruma u ż-żoni ta’ madwarha kienu msejħa l-Istati Papali li kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Papa, anke fil-poter politiku. L-Imperatur Federiku II, li kien qed ifittex il-poter fuq l-istati Taljani, invada l-istati Papali fl-1240, meta Roża kellha ħames snin. L-Imperatur ġie skomunikat mill-Papa, iżda rnexxielu jokkupa l-istati Papali inkluż Viterbo.
Dan kien l-ambjent li fih għexet Roża tfulitha u ż-żgħożija tagħha. Matul ħajjitha, l-ispiritwalità profonda tagħha spikkat b’mod straordinarju sa minn età bikrija ħafna. Jingħad li meta kellha tlett snin, hi u l-familja tagħha kienu miġburin mat-tebut ta’ zijitha. Tant tqanqlet quddiem in-niket tal-qraba tagħha, li poġġiet idejha ċkejknin fuq il-ġisem mejjet ta’ zijitha u sejħitilha b’isimha. Il-mejta fetħet għajnejha immedjatament u ħaddnet lin-neputija tagħha. Ta’ seba’ snin, kienet tqatta’ ġranet fit-talb u l-penitenza ġewwa kamra żgħira fid-dar tal-ġenituri tagħha. Kien f’dan iż-żmien li jingħad li Roża kellha viżjoni tal-Madonna, li qaltilha biex issir Franġiskana sekulari u tkun ‘xhud ta’ Alla fid-dinja.’ Meta kellha 12-il sena ħarġet fit-toroq tippriedka!
Hi tkellmet dwar l-awtorità tal-Papa, dwar l-indiema, il-ġustizzja u l-ħniena, filwaqt li ħeġġet lin-nies biex jibqgħu leali lejn it-twemmin tagħhom. Anke f’dik l-età bikrija, Roża ma żammitx lura milli titkellem kontra l-okkupazzjoni tal-forzi kontra l-Papa. B’riżultat ta’ dan, kienet f’riskju li tinqatel. Għalhekk is-sindku eżiljaha flimkien mal-ġenituri tagħha. Hekk kif kienet timxi minn belt għal oħra, hija ma waqfitx tippriedka u tikkonverti lin-nies. Saħansitra bassret il-mewt tal-Imperatur Federiku, li fil-fatt miet tmint ijiem wara dik il-profezija.
Malli rritornat id-dar, talbet biex tiġi aċċettata bħala soru mal-Klarissi, iżda ġiet rifjutata… għax ma kellhiex flus biex tħallas id-dota!
Santa Roża mietet ftit tas-snin wara, meta kellha biss 17-il sena. Ġisimha ġie trasferit fil-kunvent tas-sorijiet Klarissi, li għall-ewwel kienu rrifjutawha għax kienet fqira, iżda mbagħad laqgħuha bħala qaddisa.
