Illum nerġgħu naraw lil Ġesù jirrabja mad-dixxipli tiegħu minħabba l-attitudni ta’ kburija tagħhom. Ġesù jwissina li rridu naħdmu flimkien u mhux kontra xulxin. Id-dixxipli kienu qed igemgmu għax kien hemm min kien qiegħed jagħmel affarijiet tajba f’isem Ġesù, imma skont huma din il-persuna ma kienitx mill-grupp tagħhom! Ġesù huwa ċar ħafna fit-tweġiba tiegħu, “min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.” Kemm-il darba naqgħu f’din in-nassa li npoġġu lilna nfusna fiha? Dan mhuwiex il-mod kif ngħixu l-fidi tagħna u nimxu wara Ġesù! Fl-Eżortazzjoni Appostolika, Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Tnennew), Papa Franġisku jgħid hekk: “Il-komunità li tħares id-dettalji ċkejkna tal-imħabba, fejn il-membri jieħdu ħsieb ta’ xulxin u joħolqu spazju miftuħ u ta’ evanġelizzazzjoni, hi mkien tal-preżenza tal-Irxoxt li jqaddisha skont il-pjan tal-Missier.” Aħna lkoll familja waħda: il-familja ta’ Alla. Ġesù jrid li kulħadd, hu min hu, jesperjenza l-imħabba u l-ħniena tal-Missier.
X’eżempju jsemmi Ġesù? Mhuwiex wieħed li diffiċli li tagħmlu, mhux xi wieħed li jitlob sagrifiċċju kbir! Isemmi li nagħtu tazza ilma lil xi ħadd. Għalkemm dan hu ġest żgħir, xi drabi nsibuh diffiċli wkoll. Aħna ma nħarsux lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Alla. Aħna għandna l-preġudizzji, aħna ninħakmu mill-għira u mill-kburija, aħna nħobbu nseksku fuq l-oħrajn. Dawn ifixkluna mill-naqdu lill-oħrajn, naraw lilna nfusna aħjar minnhom. Biex jirnexxielna negħlbu dawn id-diffikultajiet, rridu l-għajnuna. Din l-għajnuna niksbuha mit-talb u mis-sagramenti, nitqarbu ta’ spiss u nqerru b’mod regolari.
L-Evanġelju jissokta bi kliem iebes. Ġesù jwissi dwar il-ħażen kbir li nagħmlu, meta nkunu ta’ skandlu għall-oħrajn, meta aħna nħajru lil xi ħadd biex jagħmel il-ħażin. Ġesù jitkellem dwar iċ-ċkejknin. Dawn iċ-ċkejknin huma t-tfal tagħna, il-ħbieb vulnerabbli tagħna, l-anzjani li forsi m’għadhomx daqstant ċari fil-ħsibijiet u ġudizzji tagħhom. Iċ-ċkejknin huma dawk kollha li b’xi mod jew ieħor aħna nistgħu ninfluenzawhom. Għal Ġesù, id-dnub m’għandux isib post f’qalbna. Għalhekk juża dan il-kliem u deskrizzjonijiet iebsa, biex juri l-gravità tad-dnub u tal-konsegwenzi li dan jħalli. B’din it-twissija Ġesù jurina kemm hu importanti, li nersqu l-bogħod minn dak kollu li jwarrabna minnu. Dawn il-kliem iebsa tiegħu, juruna li Ġesù jaf kemm hi diffiċli għalina, kemm il-ħażen jiġbidna lejh, u kemm naqgħu għat-tentazzjoni malajr. F’moħħna għandna nibqgħu nżommu kliem u wegħdiet oħra ta’ Ġesù, li hu dejjem magħna, li bħall-parabola tal-Iben il-ħali, hekk kif nagħmlu pass biex induru lejh, se nsibuh hemm, diġà jistenniena.
Il-film 127 hours, huwa l-istorja vera ta’ Aron Ralston, li kien jixxabbat ma’ diversi muntanji. F’waħda mill-avventuri tiegħu waqt li kien Utah, inqabad bejn blat kbir u ma setgħax joħroġ idejh. Dam ħamest ijiem, iħammem u jaħseb kif seta’ jeħles lilu nnifsu, ried jibqa’ jgħix u b’kuraġġ kbir u bi tbatija inkredibbli jsalva lilu nnifsu. Il-ħajja tiegħu kienet prezzjuża għalih, għalhekk irnexxielu jaqta’ jdejh biex jikseb il-ħelsien. Ġesù mhux qed jistenna mingħandna li naqtgħu xi parti minn ġisimna. Ir-rieda ta’ Aron Ralston li jibqa’ jgħix tatu l-kuraġġ li kellu bżonn. Mela kemm aktar aħna, għandna nsibu l-kuraġġ biex ngħelbu l-ġibdiet ħżiena tagħna u b’hekk ikollna l-ħajja ta’ dejjem.
Dalwaqt.