Naħdmu flimkien

26-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Illum nerġgħu naraw lil Ġesù jirrabja mad-dixxipli tiegħu minħabba l-attitudni ta’ kburija tagħhom. Ġesù jwissina li rridu naħdmu flimkien u mhux kontra xulxin. Id-dixxipli kienu qed igemgmu għax kien hemm min kien qiegħed jagħmel affarijiet tajba f’isem Ġesù, imma skont huma din il-persuna ma kienitx mill-grupp tagħhom! Ġesù huwa ċar ħafna fit-tweġiba tiegħu, “min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.” Kemm-il darba naqgħu f’din in-nassa li npoġġu lilna nfusna fiha? Dan mhuwiex il-mod kif ngħixu l-fidi tagħna u nimxu wara Ġesù! Fl-Eżortazzjoni Appostolika, Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Tnennew), Papa Franġisku jgħid hekk: “Il-komunità li tħares id-dettalji ċkejkna tal-imħabba, fejn il-membri jieħdu ħsieb ta’ xulxin u joħolqu spazju miftuħ u ta’ evanġelizzazzjoni, hi mkien tal-preżenza tal-Irxoxt li jqaddisha skont il-pjan tal-Missier.” Aħna lkoll familja waħda: il-familja ta’ Alla. Ġesù jrid li kulħadd, hu min hu, jesperjenza l-imħabba u l-ħniena tal-Missier. 

X’eżempju jsemmi Ġesù? Mhuwiex wieħed li diffiċli li tagħmlu, mhux xi wieħed li jitlob sagrifiċċju kbir!  Isemmi li nagħtu tazza ilma lil xi ħadd. Għalkemm dan hu ġest żgħir, xi drabi nsibuh diffiċli wkoll. Aħna ma nħarsux lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Alla. Aħna għandna l-preġudizzji, aħna ninħakmu mill-għira u mill-kburija, aħna nħobbu nseksku fuq l-oħrajn. Dawn ifixkluna mill-naqdu lill-oħrajn, naraw lilna nfusna aħjar minnhom. Biex jirnexxielna negħlbu dawn id-diffikultajiet, rridu l-għajnuna. Din l-għajnuna niksbuha mit-talb u mis-sagramenti, nitqarbu ta’ spiss u nqerru b’mod regolari. 

L-Evanġelju jissokta bi kliem iebes. Ġesù jwissi dwar il-ħażen kbir li nagħmlu, meta nkunu ta’ skandlu għall-oħrajn, meta aħna nħajru lil xi ħadd biex jagħmel il-ħażin. Ġesù jitkellem dwar iċ-ċkejknin. Dawn iċ-ċkejknin huma t-tfal tagħna, il-ħbieb vulnerabbli tagħna, l-anzjani li forsi m’għadhomx daqstant ċari fil-ħsibijiet u ġudizzji tagħhom. Iċ-ċkejknin huma dawk kollha li b’xi mod jew ieħor aħna nistgħu ninfluenzawhom. Għal Ġesù, id-dnub m’għandux isib post f’qalbna. Għalhekk juża dan il-kliem u deskrizzjonijiet iebsa, biex juri l-gravità tad-dnub u tal-konsegwenzi li dan jħalli. B’din it-twissija Ġesù jurina kemm hu importanti, li nersqu l-bogħod minn dak kollu li jwarrabna minnu. Dawn il-kliem iebsa tiegħu, juruna li Ġesù jaf kemm hi diffiċli għalina, kemm il-ħażen jiġbidna lejh, u kemm naqgħu għat-tentazzjoni malajr. F’moħħna għandna nibqgħu nżommu kliem u wegħdiet oħra ta’ Ġesù, li hu dejjem magħna, li bħall-parabola tal-Iben il-ħali, hekk kif nagħmlu pass biex induru lejh, se nsibuh hemm, diġà jistenniena.

Il-film 127 hours, huwa l-istorja vera ta’ Aron Ralston, li kien jixxabbat ma’ diversi muntanji. F’waħda mill-avventuri tiegħu waqt li kien Utah, inqabad bejn blat kbir u ma setgħax joħroġ idejh. Dam ħamest ijiem, iħammem u jaħseb kif seta’ jeħles lilu nnifsu, ried jibqa’ jgħix u b’kuraġġ kbir u bi tbatija inkredibbli jsalva lilu nnifsu. Il-ħajja tiegħu kienet prezzjuża għalih, għalhekk irnexxielu jaqta’ jdejh biex jikseb il-ħelsien. Ġesù mhux qed jistenna mingħandna li naqtgħu xi parti minn ġisimna. Ir-rieda ta’ Aron Ralston li jibqa’ jgħix tatu l-kuraġġ li kellu bżonn. Mela kemm aktar aħna, għandna nsibu l-kuraġġ biex ngħelbu l-ġibdiet ħżiena tagħna u b’hekk ikollna l-ħajja ta’ dejjem.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 9, 38-43, 45, 47-48) 

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.

U jekk idejk hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Erġa aqra din il-parti mill-Evanġelju tal-lum (Mark 9, 42-48). X’inhu dak li qiegħed iwaqqgħek fid-dnub? Xi ħbieb, postijiet li tiffrekwenta, programmi li tara, nuqqas ta’ paċenzja, xorb żejjed ….? Kun sinċier/a miegħek innifsek u itlob ta’ kuljum lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtik il-qawwa li telgħeb dawn it-tentazzjonijiet. 
  4. “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.” Bħala ġenitur, x’qiegħed jgħidlek dan il-kliem?
  5. Fil-ġranet li ġejjin mur qerr, tkun ħaġa tajba li tmorru tqerru lkoll, bħala familja.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (Mk 9, 38-43, 45, 47-48)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum Ġesù jgħidilna xi ħaġa sempliċi ħafna: dawk kollha li jagħmlu xi ħaġa tajba, huma ħbieb tiegħu!

  • Aħna differenti, imma lkoll speċjali għal Alla
  • Kull ħaġa żgħira tajba li nagħmlu, Ġesù jieħu gost biha
  • Ċikkulata plain
  • Ċikkulata bajda
  • Dixx, daqs li jidħol fil-fridge
  • Baking paper jew karta strazza
  • Xi wħud minn dawn (skont il-preferenza tat-tfal):
    • Nuts (bħal karawett inkaljat, ġewż, ġellewż inkaljat, jekk ma hemmx biża’ ta’allerġiji)
    • Ħelu żgħir bħal smarties, M&Ms
    • Żbib, passolina, sultana
    • Cereal bħal rice cripies, corn flakes, frosties,eċċ

Għalkemm l-Evanġelju tal-lum juża xi kliem li forsi ma nifhmuhomx, il-messaġġ ta’ Ġesù għalina hu li dejjem għandna nagħmlu dak li hu tajjeb. Ġesù jaf li dan mhux dejjem faċli li nagħmluh, għalhekk juża kliem bħal “aqta’ idejk barra”! Ġesù ma jridx li aħna naqtgħu idejna barra, imma jridna nkunu b’saħħitna ħafna u ngħidu le lil dak li hu ħażin.

Minbarra dan, Ġesù jgħidilna xi ħaġa oħra wkoll. Ejjew naħsbu f’xi ħaġa li tista’ tiġrielna d-dar. Il-mama’ tgħid lilek u lil ħuk li hu iżgħar minnek biex tiġbru t-toys u tpoġġu kollox f’postu. Qaltilkom li min jiġborhom l-ewwel, kellha sorpriża għalih. Inti x’tagħmel? (ħallu lit-tfal iwieġbu)

Minħabba li ħija, iżgħar minni, nista’ niżbarazza kollox malajr jien u l-mama tagħti s-sorpriża lili. Jew inkella nista’ ngħin lil ħija, niġbru kollox flimkien u ngħidu lill-mama li ħadd ma lesta l-ewwel.

X’taħsbu li Ġesù jixtieq li nagħmlu?

Illum Ġesù jgħidilna li aħna mhux kollha nafu nagħmlu l-istess affarijiet, imma ma għandniex niddejqu meta xi ħadd ieħor jagħmel xi ħaġa tajba u jfaħħruh għaliha. Bħal meta ngħinu lil ħuna li hu iżgħar biex jiġbor l-affarijiet, u l-mama qaltlu prosit u faħħritu. L-istess ħaġa bħal meta nilgħabu logħba ma’ ħutna u aħna ma nirbħux. Jekk huma lagħbu fair, m’għandniex għalfejn nirrabjaw għax aħna ma rbaħniex! Hekk ġralhom il-ħbieb ta’ Ġesù illum! Semgħu li xi ħadd kien qiegħed jagħmel affarijiet tajba u jgħid li dan tgħallimhom mingħand Ġesù. Dan ir-raġel, li ma kienx xi ħadd li kienu jafuh, qishom irrabjaw għalih, għax in-nies faħħru lilu u mhux lilhom, meta wara kollox huma kienu aktar ħbieb ta’ Ġesù minnu!

Ġesù jgħidilna li kull ħaġa tajba li nagħmlu, u kull ħaġa tajba li jagħmlu l-oħrajn, huma min huma, tagħti gost lil Alla. Hu jrid li meta xi ħadd ieħor jiġi mfaħħar għal dak li għamel, aħna ma niddejqux jew jiddispjaċina. Ġesù jrid li aħna nħobbu lill-oħrajn, u ngħinuhom biex isiru aħjar.

L-attività tal-lum, mhux biss ser tgħinna nifhmu dak li tkellimna dwaru, imma ser ikollna xi ħaġa tajba x’nieklu wkoll!

Il-ġenituri juru ċ-ċikkulata u ħelu li ppreparaw, u jistaqsu:

Intom tħobbuha din iċ-ċikkulata?

Intom tħobbuhom il-… (semmu l-ħelu/ikel li ppreparajtu)

Dawn l-affarijiet kollha tajbin u nħobbuhom. Iżda issa ser naqbdu dawn kollha u minflok inħalluhom ħafna affarijiet separati ser nagħmluhom ħaġa waħda!

Nota lill-ġenituri: għinu lit-tfal biex idewbu ċ-ċikkulata l-plain. Din tinfirex fuq id-dixx miksi bil-karta strazza. Fuq din iċ-ċikkulata jinfirxu l-karawett u/jew ħelu ieħor li għandkom. Dewbu ċ-ċikkulata l-bajda u ferxuha fuq kollox. Poġġu d-dixx fil-fridge biex tagħqad iċ-ċikkulata. Jekk it-temperatura fil-kamra mhux sħuna ħafna, id-dixx jista’ jitħalla barra wkoll. Meta tkun għaqdet iċ-ċikkulata aqsmuha f’biċċiet żgħar. Il-parti li jmiss u t-talba titkompla wara li ċ-ċikkulata tagħqad u jieħdu biċċa minnha t-tfal.

Waqt li tkunu qegħdin tagħmlu din ir-riċetta, isimgħu, Love each other.  Fis-song jissemma l-vers mill-Ittra lir-Rumani, 12, 10 li jgħid hekk: Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. 

Għoġbitkom din il-ħelwa ġdida li għamiltu?

Dan hu li jgħallimna Ġesù, aħna kollha tfal tajbin, u nafu nagħmlu affarijiet differenti, bħalma ċ-ċikkulata waħedha tajba, l-ismarties waħedhom tajba. Imma meta għaqqadniehom flimkien ġew tajba wkoll. Mela waħedna nistgħu nagħmlu xi affarijiet, u ħutna u l-ħbieb tagħna wkoll waħedhom jistgħu jagħmlu xi affarijiet, imma meta naħdmu flimkien, ngħinu lil xulxin, u nagħmlu xi ħaġa li waħedna ma stajniex nagħmluha!

Inroddu s-Salib

Ġesù inti tgħallimna li aħna lkoll differenti, imma lkoll speċjali u importanti għalik. Għinna biex inkunu ħbieb ma’ kulħadd u ma niddejqux meta xi ħadd ifaħħarhom. 

Ngħidu t-talba tal-Missierna li tfakkarna li Alla huwa l-papa tagħna lkoll u aħna lkoll parti minn familja waħda. Alla jieħu ħafna gost bina meta aħna ngħinnu lill-oħrajn biex isiru aħjar u meta nagħmlu l-affarijiet flimkien.

Introduzzjoni

Illum se nkomplu nisimgħu l-Evanġelju skont San Mark. Tiftakru, il-ġimgħa l-oħra l-appostli kienu qed jiddiskutu min kien l-akbar wieħed fosthom. Ġesù ma ħax gost bihom. Il-lum ukoll ser jirrabja magħhom għax jgħiru għal xi ħadd li huma ma jafuhx u li kien qiegħed jagħmel affarijiet tajba f’isem Ġesù.

  • Alla jara anke l-iżgħar ħaġa tajba li nagħmlu
  • Alla ħalaq kollox sew, il-ġisem li tana huwa rigal biex nużawh għall-ġid tagħna u tal-oħrajn
  • Printout tal-attività
  • Lapes
  • Kuluri

Il-ġimgħa l-oħra, Ġesù rrabja mal-ħbieb tiegħu meta bdew jaraw min kien l-aħjar u l-akbar wieħed fosthom. Skont dani l-Evanġelju, l-appostli xtaqu li jkunu magħrufa u mfaħħra għax huma l-ħbieb ta’ Ġesù u li bħalu huma jagħmlu affarijiet tajba u sbieħ. Għalhekk meta raġel, li huma ma jafuhx, għamel affarijiet tajba, huma ma ħadux gost. Huma riedu li n-nies ifaħħru lilhom u għalhekk bdew jgħiru għal dan ir-raġel. Tafu xi tfisser li tgħir?

Aħna ngħiru għall-oħrajn meta ħaddieħor għandu xi ħaġa li aħna ma għandniex; bħal meta ngħiru għall-ħabib tagħna li jiġi l-ewwel fl-eżami tal-matematika, jew ieħor li jieħu premju għax fil-break kien joqgħod jitkellem u jilgħab ma’ tifel li kien fil-wheelchair. Meta ngħiru ma nifirħux għal dak li jkun kiseb il-persuna l-oħra.

Meta aħna ngħiru għal xi ħadd, ma nkunux qed napprezzawx it-tajjeb li tagħmel dik il-persuna. Għalhekk, per eżempju lil dak it-tifel li ħa premju għax kien ħabib ma’ xi ħadd li juża wheelchair, ma narawx it-tajjeb li jkun qed jagħmel, imma nwaqqgħu dak li jagħmel u ngħidu li qagħad miegħu fil-break, biex jieħu l-premju u jfaħħruh in-nies u mhux għaliex xtaq jgħin lil dak li kien fil-wheelchair!

Aħna kollha nieħdu gost meta xi ħadd ifaħħarna, imma m’għandniex għalfejn niddejqu meta xi ħadd ifaħħar lill-oħrajn għat-tajjeb li huma jagħmlu. Ġesù jċanfar lill-ħbieb tiegħu meta jgħiru għal dak ir-raġel li kien qiegħed ikeċċi x-xjaten f’ismu. Hu jrid jgħallimhom, u jgħallem lilna wkoll, li kulmin jagħmel il-ġid, huwa speċjali f’għajnejn Alla. Ġesù jrid li naħdmu flimkien biex id-dinja tkun post aħjar, fejn kulħadd jagħmel dak li hu tajjeb.

Meta nisimgħu kif jispiċċa l-Evanġelju tal-lum, forsi ngħidu dan Ġesù x’iridna nagħmlu? Inweġġgħu lilna nfusna? Ġesù juża dawn id-deskrizzjonijiet, bħal taqta’ jdejk u saqajk barra u taqla’ għajnejk, mhux biex nagħmlu hekk, iżda biex jurina kemm huwa mportanti li aħna nagħmlu għażliet tajba. Aħna nistgħu nużaw il-ġisem tagħna biex nagħmlu dak li hu ħażin, per eżempju, nagħtu daqqiet ta’ sieq, ngħidu kliem li jweġġa’ lill-oħrajn, nimbuttaw u nwaqqgħu lil xi ħadd, ngħidu l-gideb, naraw stampi u films li m’humiex tajbin għall-età tagħna, immorru x’imkien ma’ sħabna, meta l-ġenituri tagħna qalulna biex ma mmorrux. Dawn huma xi għażliet ħżiena li Ġesù ma jixtieqx li nagħmlu. Minflok, dan ir-rigal kbir u sabiħ ta’ ġisimna, li tana Alla, għandna nużawh għal ġid tagħna u tal-oħrajn. U dak kollu li nagħmlu, anke l-iċken ħaġa tajba li nagħmlu, Alla jieħu gost biha. Din smajnieha fl-Evanġelju tal-lum ukoll, meta Ġesù jgħid, “Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.”

Fl-attività tal-lum ser naraw kif nistgħu nogħġbu lil Ġesù. Għandkom printout bl-istampi ta’ id, sieq u għajn. Ħdejhom hemm l-ispazju fejn tiktbu. Aħsbu ftit u agħtu eżempji ta’ dak li tistgħu tagħmlu b’idejkom, saqajkom u għajnejkom u li Ġesù jifraħ bihom. Iktbuhom ħdejn l-istampi. Jekk tixtiequ tistgħu tagħtuhom il-kulur ukoll. Din il-karta ħalluha x’imkien fejn tarawha, biex tfakkarkom f’dak li tistgħu tagħmlu.Bħala għeluq tal-attivita, isimgħu, Be careful little eyes.

Inroddu s-salib.

Ġesù inti trid li nużaw ir-rigal tal-ġisem tagħna tajjeb. Għalhekk nitolbuk biex tgħinna inħobbu lill-oħrajn b’qalbna kollha, ngħidu l-verità u kliem sabiħ lill-oħrajn b’ħalqna, nisimgħu lill-oħrajn b’widnejna, nuzaw idejna u saqajna biex inkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn. Grazzi Ġesù tal-imħabba kbira tiegħek. Ammen.

Illum ngħidu wkoll dik it-talba li ngħidu fil-bidu tal-quddiesa, fejn nuru li aħna responsabbli għall-għażliet ħżiena li nagħmlu. Wara ngħidu l-Att tal-Indiema.

Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil, u billi ħallejt dmirijieti: ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-Anġli u ’l-Qaddisin kollha, u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Sibu l-att tal-indiema il-qasira jew fil-format it-twila.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.