Ejjew tfal!

27 il Ħadd ta' Matul is-Sena

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu li Ġesù jmur lura fil-Lhudija, territorju Lhudi, u jkompli bil-missjoni tiegħu ta’ tagħlim dwar l-importanza tal-familja u l-ħsieb ta’ Alla għaż-żwieġ.

Il-folol inġabru madwar Ġesù u hu beda jgħallimhom. Immedjatament il-Fariżej resqu lejh biex jippruvawh. Staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. U Ġesù jwieġeb u jgħid li dak li tippermetti l-liġi, mhuwiex dak li jixtieq Alla. Iż-żwieġ huwa relazzjoni ta’ reċiproċità u sħubija bejn raġel u mara. Għalkemm il-Fariżej jistaqsu dwar id-divorzju, Ġesù jiffoka t-tweġiba tiegħu fuq iż-żwieġ.

Il-Fariżej, kienu jafu li l-liġi Lhudija kienet tippermetti forma ta’ divorzju. Skont il-ktieb tad-Dewteronomju, għalkemm raġel seta’ jikteb karta ta’ divorzju għal martu, mara ma setgħetx tagħmel dan. Il-liġi kienet tħalli lill-mara vulnerabbli. Għal Ġesù, iż-żwieġ huwa għaqda bejn raġel u mara, komunjoni ta’ mħabba fidila.

Mhijiex koinċidenza li din il-ġrajja hi segwita minn storja dwar it-tfal (vers 13), “Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom.” Iż-żwieġ bejn mara u raġel huwa l-post fejn tfal jikbru u jħossu li huma maħbuba u protetti f’ambjent ta’ familja. Is-soċjetà hi fl-obligu li tappoġġja lill-familja, b’mod finanzjarju u wkoll permezz ta’ servizzi u riżorsi professjonali.

Nafu li mhux kull żwieġ jirrifletti l-ideal hekk kif inhu ppreżentat fl-Evanġelju tal-lum. Ħafna żwiġijiet ifallu. Ġesù ma jikkundannax lil dawk li ma jaslux għal din il-viżjoni ta’ żwieġ. Aħna lkoll, miżżewġa jew le, aħna msejħa biex inħobbu lil xulxin bħalma Alla jħobb lilna. Hemm drabi fejn kollha kemm aħna nonsqu li nwieġbu għal din is-sejħa. Huwa f’mumenti ta’ dgħufija u falliment, meta nistgħu nsibu sabar fil-kliem tal-Evanġelju tal-lum, “min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Quddiem Alla, aħna nersqu b’qalb bħal tat-tfal, bid-dgħufijiet, u b’qalb miftuħa biex tirċievi r-rigal kbir tal-imħabba ta’ Ġesù, li jingħatalna mingħajr kundizzjoni. Huwa dan ir-rigal li jagħtina l-qawwa li nibqgħu nippruvaw naslu għal għan ewlieni, għall-ideal kif ippreżentalna Ġesù llum.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 10: 2-16)

F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?” Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Bħala segwaċi ta’ Ġesù, il-valuri u prinċipji tagħna huma ffurmati mill-messaġġ Evanġeliku. Dan il-messaġġ huwa eżiġenti, iżda fl-istess ħin jagħti konsolazzjoni. Ġesù jsejjħilna biex inkunu ġenerużi bħalu, biex ningħataw għall-oħrajn u nħobbu u nagħdru lill-oħrajn bħalma jagħmel hu, bħalma jagħmel Alla. Ġesù ma jħallinix waħedna biex nagħmlu dan kollu. Jagħtina lill-Ispirtu s-Santu li jgħinna ngħixu dan il-messaġġ tal-Evanġelju fil-familji tagħna. 
  4. Fost l-għanijiet taż-żwieġ hemm it-trobbija tal-ulied, li mhix xi ħaġa faċli. Meta nilqgħu lit-tfal u nrawmu fihom relazzjoni ma’ Alla, inkunu qegħdin nkunu xhieda tas-Saltna ta’ Alla. Matul din il-ġimgħa, itlob biex il-familji jkunu megħjuna mis-soċjetà u jingħataw għall-relazzjoni dejjiema fis-Sagrament taż-Żwieġ. Itlob din it-talba ta’ Sant’Injazju:
    Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi u r-rieda kollha tiegħi. Kulma għandi u kulma hu tiegħi. Dan kollu inti tajtuli lilek Mulej inroddu. Kollox hu tiegħek agħmel minnu għal kollox kif trid int. Lili agħtini mħabbtek u l-grazzja tiegħek din biżżejjed għalija.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (10, 2-16)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Darba Ġesù kien qiegħed jgħallem lid-dixxipli; kien hemm ukoll folla kbira ta’ nies jisimgħuh. Kien hemm min ġab it-tfal biex Ġesù jkun jista’ jberikhom. Id-dixxipli ma ħadux gost li dawn it-tfal kienu qegħdin itelfu lil Ġesù. Huma qalu lin-nies biex iwarrbu lit-tfal. Iżda Ġesù ma ħax gost u qalilhom, “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx.”

  • Ġesù jħobb lit-tfal kollha
  • Il-familja hija importanti, u għandna nisimgħu mill-ġenituri tagħna għax huma jieħdu ħsiebna
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Kartonċina bajda
  • Hole punch / imqass
  • Lapsijiet tal-kulur / kuluri
  • Spaga

In-nies kienu qegħdin iġibu t-tfal biex Ġesù jkun jista’ jberikom, iżda d-dixxipli bdew jibgħatuhom ’l hemm. Ġesù ma għoġbitux din il-biċċa u qalilhom, “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.” Imbagħad Ġesù għannaq lit-tfal u berikom.

Illum erġajna smajna kemm Ġesù jħobb lit-tfal u jilqagħhom għandu. Hu jrid li nimxu warajh u li nafdawh biex jieħu ħsiebna, bl-istess mod li l-ġenituri tagħna jieħdu ħsiebna. 

Meta kont tarbija ma kontx tista’ tagħmel l-affarijiet li taf tagħmel illum, u kont tiddependi għal kollox fuq il-ġenituri tiegħek. X’inhuma dawk l-affarijiet li ma stajtx tagħmel? Meta kont għadek tarbija ma stajt timxi, titkellem jew tiekol waħdek. Fil-fatt, it-trabi jiddependu għal kollox fuq l-oħrajn! Meta kbirt ftit, xorta kien għad baqa’ affarijiet li inti ma stajtx tagħmel, bħal taqra u tirkeb ir-rota. Aktar ma nikbru aktar niżvilippaw abiltajiet, insiru nafu niktbu u naqflu l-lazz taż-żarbun. Għalkemm insiru nafu nagħmlu ħafna affarijiet, xorta nibqgħu niddependu fuq il-ġenituri tagħna u fuq il-familja biex jieħdu ħsiebna, sakemm nikbru biżżejjed u nkunu indipendenti. Ġesù jgħallimna li l-familja hija importanti, li rridu niddependu fuq xulxin u nafdaw wieħed lill-ieħor. Aħna rridu nieħdu ħsieb xulxin, u kulħadd huwa importanti, anke t-tfal iż-żgħar. Importanti li nitolbu flimkien, imorru għall-quddies flimkien u li nafdaw lil Alla li hu missierna li jħobbna ħafna.

Biex tiftakru li Ġesù jħobb lit-tfal kollha, agħmlu l-attività tal-lum u dendluha fil-kamra tagħkom. Ipprintjaw il-karti u agħtuhom il-kulur. Waħħluhom fuq kartonċina u aqtgħuhom. (Jista’ jkun ikollkom bżonn l-għajnuna biex taqtgħu madwar l-istampi). Taqqbu skont fejn hemm immarkat u orbtu spaga minn kull tifel u tifla u dendluhom mal-istampa tad-dinja. Waqt li qegħdin tagħmlu dan kollu, isimgħu, “He’s Got the Whole World in His Hands.”

Inroddu s-salib.

Ġesù, jiena nemmen fik
Ġesù, jien nittama fik
Ġesù, jiena nħobbok
Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, jiena nafda fik.
Ammen.

Introduzzjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jerġa juża lit-tfal biex jispjega l-messaġġ tiegħu. Hu jċanfar lid-dixxipli li jippruvaw ma jħallux lit-tfal jersqu lejh. Minflok jgħidilhom, “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.” Imbagħad jgħannaqhom u jberikhom.

  • Ġesù jħobb lit-tfal u jipproteġihom, dan jurih bl-azzjoni u bi kliem
  • Il-grazzja ta’ Alla tgħinna biex inżommu l-wegħdiet tagħna
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Kartonċina
  • Imqass / gloj
  • Lapsijiet tal-kulur

Darba, xi nies ħadu lit-tfal tagħhom għand Ġesù biex ipoġġi jdejh fuqhom u jberikhom. Iżda id-dixxipli qalulhom biex ma joqgħodux idejqu lil Ġesù. Kif Ġesù induna x’kien ġara, qalilhom. “‘Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.’ Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.”

Kif ġab ruħu Ġesù mat-tfal? Taħsbu li l-azzjonijiet tiegħu juru li t-tfal huma importanti? Ġesù ried lit-tfal jersqu lejh. Hu għannaqhom u berikhom, bħalma smajna wkoll fl-Evanġelju ta’ ħmistax ilu. Għalfejn taħsbu li Ġesù dejjem isib ħin għat-tfal? Jista’ jkun minħabba l-fatt li t-tfal jafdaw lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Aħsbu ftit kemm jagħmlu affarijiet għalikom il-ġenituri, għax iħobbukom. Intom tafu x’inhi wegħda? Hija impenn li tagħmel ma’ persuna oħra. Il-ġenituri tagħkom, per eżempju, jistgħu jwegħdukom li tistgħu taraw xi programm speċjali fuq it-television. Jista’ jkun li intom twegħdu li tifirxu s-sodda tagħkom jew li tiżbarazzaw il-kamra, inkella li tlestu l-homework mingħajr tnikkir. Tisgħu wkoll, twegħdu lill-ħabib tagħkom li fil-weekend, ser tilgħabu flimkien. Faċli twiegħed xi ħaġa, imma huwa daqstant ieħor faċli li tikser din il-wiegħda! Xi drabi nsibuha diffiċli li nżommu wiegħda li nkunu għamilna. Ġesù jgħallimna li għandna nżommu l-wegħdiet li nagħmlu. Jgħidilna li jekk nagħmlu bħalu, jirnexxielna nagħmlu dan. Biex jirnexxielna rridu nkunu bħal tfal quddiem Alla, nafdawh kompletament u niddependu fuq l-għajnuna tiegħu, u nirċievu bħala grazzja mill-Ispirtu s-Santu.

Sabiex tibqgħu tiftakru dak li qal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, agħmlu l-attività. Agħmlu printout tad-dinja u tal-idejn. Aqtgħuhom u waħħluhom fuq kartonċina, bid-dinja fin-nofs u l-idejn mal-madwar biex il-kliem ‘Ħallu lit-tfal jiġu għandi’ jinqaraw sew. Tistgħu tisimgħu, Promises.

Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nżommu l-impenji u wegħdiet tagħna.

Inroddu s-salib.

Ejjew Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u ġedded fihom in-nar ta’ mħabbtek. Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u jinħalqu, u inti ġġeded il-wiċċ tal-art. Ammen.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.