Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu li Ġesù jmur lura fil-Lhudija, territorju Lhudi, u jkompli bil-missjoni tiegħu ta’ tagħlim dwar l-importanza tal-familja u l-ħsieb ta’ Alla għaż-żwieġ.
Il-folol inġabru madwar Ġesù u hu beda jgħallimhom. Immedjatament il-Fariżej resqu lejh biex jippruvawh. Staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. U Ġesù jwieġeb u jgħid li dak li tippermetti l-liġi, mhuwiex dak li jixtieq Alla. Iż-żwieġ huwa relazzjoni ta’ reċiproċità u sħubija bejn raġel u mara. Għalkemm il-Fariżej jistaqsu dwar id-divorzju, Ġesù jiffoka t-tweġiba tiegħu fuq iż-żwieġ.
Il-Fariżej, kienu jafu li l-liġi Lhudija kienet tippermetti forma ta’ divorzju. Skont il-ktieb tad-Dewteronomju, għalkemm raġel seta’ jikteb karta ta’ divorzju għal martu, mara ma setgħetx tagħmel dan. Il-liġi kienet tħalli lill-mara vulnerabbli. Għal Ġesù, iż-żwieġ huwa għaqda bejn raġel u mara, komunjoni ta’ mħabba fidila.
Mhijiex koinċidenza li din il-ġrajja hi segwita minn storja dwar it-tfal (vers 13), “Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom.” Iż-żwieġ bejn mara u raġel huwa l-post fejn tfal jikbru u jħossu li huma maħbuba u protetti f’ambjent ta’ familja. Is-soċjetà hi fl-obligu li tappoġġja lill-familja, b’mod finanzjarju u wkoll permezz ta’ servizzi u riżorsi professjonali.
Nafu li mhux kull żwieġ jirrifletti l-ideal hekk kif inhu ppreżentat fl-Evanġelju tal-lum. Ħafna żwiġijiet ifallu. Ġesù ma jikkundannax lil dawk li ma jaslux għal din il-viżjoni ta’ żwieġ. Aħna lkoll, miżżewġa jew le, aħna msejħa biex inħobbu lil xulxin bħalma Alla jħobb lilna. Hemm drabi fejn kollha kemm aħna nonsqu li nwieġbu għal din is-sejħa. Huwa f’mumenti ta’ dgħufija u falliment, meta nistgħu nsibu sabar fil-kliem tal-Evanġelju tal-lum, “min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Quddiem Alla, aħna nersqu b’qalb bħal tat-tfal, bid-dgħufijiet, u b’qalb miftuħa biex tirċievi r-rigal kbir tal-imħabba ta’ Ġesù, li jingħatalna mingħajr kundizzjoni. Huwa dan ir-rigal li jagħtina l-qawwa li nibqgħu nippruvaw naslu għal għan ewlieni, għall-ideal kif ippreżentalna Ġesù llum.
Dalwaqt.