
Margerita Marija twieldet fis-27 ta’ Lulju tal-1647 fil-Burgundija, Franza. Il-familja tagħha kienet meqjusa bħala waħda sinjura. Kellha devozzjoni kbira lejn is-Sagrament Imqaddes, u minħabba din id-devozzjoni tħalliet tirċievi L-Ewwel Tqarbina fl-iskola li kienet tattendi, immexxija mis-sorijiet, meta kellha disa’ snin (dak iż-żmien, it-tfal kienu jirċievu l-Ewwel Tqarbina meta kienu jkunu akbar fl-età!).
Ftit wara li rċeviet l-Ewwel Tqarbina, Margerita mardet u damet marida għal erba’ snin sħaħ! Hi ġġieldet kontra din il-marda u qattgħet il-biċċa l-kbira ta’ tfulitha u żgħożitha fis-sodda. Wara li għamlet wegħda mal-Verġni Marija li tikkonsagra ruħha għall-ħajja reliġjuża, hi rkuprat saħħitha. Hi żiedet l-isem ‘Marija’ ma’ isimha bħala ġieħ lill-Madonna. Ftit wara din il-prova iebsa, missierha miet u l-ġid u l-proprjetà kollha tal-familja ttieħdu minn qarib u b’hekk Margerita Marija u l-familja tagħha spiċċaw f’faqar kbir.
Ħajjitħa bdiet tieħu xejra oħra meta l-familja tagħha rnexxielha terġa tikseb lura l-ġid ta’ missierha. Dak iż-żmien, Margerita Marija kellha sbatax-il sena. Bdiet tgawdi l-ħajja u tissoċjalizza, billi tattendi avvenimenti soċjali. Saħansitra bdiet tikkunsidra ż-żwieġ, għax emmnet li l-wegħda tagħha kien biss kapriċċ tat-tfulija, u għalhekk ma kinitx torborha!
Iżda Alla kellu pjanijiet oħra għal Margerita Marija. Lejl wieħed, malli rritornat id-dar minn festa tal-Karnival u għadha liebsa l-ilbies festiv tagħha, kellha viżjoni ta’ Ġesù Kristu: mhux fil-glorja Tiegħu, iżda msawwat kif kien waqt il-Passjoni Tiegħu. Kristu batut fakkarha fil-wegħda li kienet għamlet fi tfulitha. Hawnhekk ħajjitha nbidlet, daħlet fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Viżitazzjoni, li jgħixu ħajja ta’ klawsura. Tliet snin wara, irċeviet rivelazzjoni permezz ta’ vizjoni ta’ Ġesù Kristu, li talabha biex ixxandar l-Imħabba Tiegħu għall-bnedmin kollha.
Matul dawn il-viżjonijiet, li komplew b’intervalli għal sena sħiħa, Ġesù talabha tagħmel magħruf li l-imħabba divina u umana Tiegħu kellha tiġi simbolizzata fil-Qalb Umana Tiegħu u espressa permezz ta’ devozzjoni speċjali, iċċelebrata bit-Tqarbin Imqaddes kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, b’siegħa adorazzjoni fil-Ħamis ta’ qabel, u biċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù; dawn id-devozzjonijiet kollha kellhom juru t-tbatija tal-Mulej tagħna fil-Passjoni Tiegħu, bħala manifestazzjoni tal-imħabba immensa Tiegħu għalina.
Din il-missjoni kienet tidher biċċa xogħol impossibbli għal Margerita Marija, għaliex kien hemm min ma bediex jemmen fid-dehriet u l-messaġġi li kienet qed tirċievi mingħand Ġesù. Hija sofriet dan ir-rifjut anke mill-komunità tagħha u mill-kleru. Saħansitra ġiet imsejħa impostura.
Madankollu, bl-għajnuna t’Alla u l-appoġġ u l-gwida tad-Direttur Spiritwali tagħha, l-oppożizzjoni ntemmet u d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù bdiet tiġi pprattikata, l-ewwel fil-komunità tagħha u mbagħad saret mifruxa mad-dinja kollha.
Margerita Marija mietet fl-età ta’ tlieta u erbgħin sena. Santa Margerita Marija Alacoque ġiet ikkanonizzata fl-1920 mill-Papa Benedittu XV. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù għadha magħna sal-lum!
