Il-fama ta’ Ġesù qed tikber. Mhuwiex ħiereġ minn Ġeriko mad-dixxipli biss, iżda ma kotra kbira ta’ nies. Din tiġġustifika l-fatt li dan Bartimew kien diġà sema’ dwar Ġesù u kemm kien fejjaq nies. Kif Bartimew jisma’ li Ġesù kien qrib jibda jgħajjat biex Ġesù jkollu ħniena minnu u jkun jista’ jerġa jara.
L-attitudni tan-nies tfakkar fl-espressjoni ‘bħan-nagħaġ ta’ Bendu’. Meta Bartimew jibda jgħajjat biex jiġbed l-attenzjoni ta’ Ġesù, dawk ta’ madwaru bdew isikktuh. Forsi bdew jistħu? Forsi beżgħu li Ġesù, huwa w jersaq lejn Bartimew, kien se jiskopri li hemm tallaba oħra u għalhekk kien se jinkixef in-nuqqas tagħhom li jieħdu ħsieb lil dawn in-nies? Għalfejn taħseb li n-nies sikktu lil Bartimew? Bartimew jinjorhom u aktar jgħajjat u Ġesù jieqaf u jsejjaħlu ħdejh. Issa dawn l-istess nies, ibiddlu totalment l-attitudni u jagħmlulu l-kuraġġ biex imur ħdejn Ġesù! Jista’ jkun li jien ġieli ġibt ruħi bħal dawn in-nies? Inħalli lil dawk ta’ madwari jinfluwenzaw dak li ngħid, jinfluwenzaw l-imġieba tiegħi u wkoll id-deċiżjonijiet tiegħi?
Bartimew ma ħalliex lil dawk ta’ madwaru jxekkluh. Hu kien fost l-aktar dgħajfa. Minkejja dan, hu kellu konvinzjoni. Kellu skop u ried jilħqu. Lil Ġesù jsejjaħlu bin David. Bartimew jagħraf lil Ġesù bħala l-Messija. Kif jgħid Ġesù, Bartimew kellu l-fidi. Hu kien sema’ dwar il-ħniena li wera Ġesù ma’ nies bħalu u kellu l-fiduċja kollha li Ġesù ma kienx se jibqa’ għaddej u jinjorah, anke jekk ħaddieħor kien qiegħed jagħmillu l-bsaten fir-roti u jipprova jaqtagħlu qalbu.
Bartimew ma kienx għama minn twelidu, kien hemm żmien meta ma kienx hekk. Jaf x’tilef. Aħna wkoll, għalkemm mhux għomja, jista’ jkun li aħna mtaqqla minn affarijiet u sitwazzjonijiet, li qed ixekkluna milli ngħixu fil-paċi. Jista’ jkun li dawn is-sitwazzjonijiet mhux qegħdin iħalluna naraw b’mod ċar u jfixkluna milli nieħdu deċiżjonijiet tajba. Bħal Bartimew irridu nkunu konvinti fejn se nsibu l-fejqan tagħna. Jista’ jkun li bħal Bartimew hemm vuċijiet madwarna li qegħdin jaqtgħulna qalbna u jippruvaw iżommuna fl-istat li qegħdin. Se nkunu kapaċi biex bħal Bartimew nippersistu biex intejbu l-ħajja tagħna? Bartimew kien jaf fejn kellu jdur. Bartimew kellu l-fidi. Is-soluzzjoni ta’ Bartimew, hija s-soluzzjoni tagħna wkoll. Ġesù huwa l-fejqan tagħna. Bħal Bartimew irridu ntajjru l-mantar minn fuqna, inneħħu dak li qiegħed ixekkilna biex niksbu l-libertà li joffrilna Ġesù.
Wara li Bartimew jerġa jibda jara, Ġesù jgħidlu biex imur u jkompli l-ħajja tiegħu. Iżda Bartimew, jagħraf li l-ħajja tiegħu hija ma’ Ġesù, għalhekk jibqa’ jimxi warajh.
Dalwaqt.