Fidi kbira!

30-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Il-fama ta’ Ġesù qed tikber. Mhuwiex ħiereġ minn Ġeriko mad-dixxipli biss, iżda ma kotra kbira ta’ nies. Din tiġġustifika l-fatt li dan Bartimew kien diġà sema’ dwar Ġesù u kemm kien fejjaq nies. Kif Bartimew jisma’ li Ġesù kien qrib jibda jgħajjat biex Ġesù jkollu ħniena minnu u jkun jista’ jerġa jara.

L-attitudni tan-nies tfakkar fl-espressjoni ‘bħan-nagħaġ ta’ Bendu’. Meta Bartimew jibda jgħajjat biex jiġbed l-attenzjoni ta’ Ġesù, dawk ta’ madwaru bdew isikktuh. Forsi bdew jistħu? Forsi beżgħu li Ġesù, huwa w jersaq lejn Bartimew, kien se jiskopri li hemm tallaba oħra u għalhekk kien se jinkixef in-nuqqas tagħhom li jieħdu ħsieb lil dawn in-nies? Għalfejn taħseb li n-nies sikktu lil Bartimew? Bartimew jinjorhom u aktar jgħajjat u Ġesù jieqaf u jsejjaħlu ħdejh. Issa dawn l-istess nies, ibiddlu totalment l-attitudni u jagħmlulu l-kuraġġ biex imur ħdejn Ġesù! Jista’ jkun li jien ġieli ġibt ruħi bħal dawn in-nies? Inħalli lil dawk ta’ madwari jinfluwenzaw dak li ngħid, jinfluwenzaw l-imġieba tiegħi u wkoll id-deċiżjonijiet tiegħi?

Bartimew ma ħalliex lil dawk ta’ madwaru jxekkluh. Hu kien fost l-aktar dgħajfa. Minkejja dan, hu kellu konvinzjoni. Kellu skop u ried jilħqu. Lil Ġesù jsejjaħlu bin David. Bartimew jagħraf lil Ġesù bħala l-Messija. Kif jgħid Ġesù, Bartimew kellu l-fidi. Hu kien sema’ dwar il-ħniena li wera Ġesù ma’ nies bħalu u kellu l-fiduċja kollha li Ġesù ma kienx se jibqa’ għaddej u jinjorah, anke jekk ħaddieħor kien qiegħed jagħmillu l-bsaten fir-roti u jipprova jaqtagħlu qalbu.

Bartimew ma kienx għama minn twelidu, kien hemm żmien meta ma kienx hekk. Jaf x’tilef. Aħna wkoll, għalkemm mhux għomja, jista’ jkun li aħna mtaqqla minn affarijiet u sitwazzjonijiet, li qed ixekkluna milli ngħixu fil-paċi. Jista’ jkun li dawn is-sitwazzjonijiet mhux qegħdin iħalluna naraw b’mod ċar u jfixkluna milli nieħdu deċiżjonijiet tajba. Bħal Bartimew irridu nkunu konvinti fejn se nsibu l-fejqan tagħna. Jista’ jkun li bħal Bartimew hemm vuċijiet madwarna li qegħdin jaqtgħulna qalbna u jippruvaw iżommuna fl-istat li qegħdin. Se nkunu kapaċi biex bħal Bartimew nippersistu biex intejbu l-ħajja tagħna? Bartimew kien jaf fejn kellu jdur. Bartimew kellu l-fidi. Is-soluzzjoni ta’ Bartimew, hija s-soluzzjoni tagħna wkoll. Ġesù huwa l-fejqan tagħna. Bħal Bartimew irridu ntajjru l-mantar minn fuqna, inneħħu dak li qiegħed ixekkilna biex niksbu l-libertà li joffrilna Ġesù.

Wara li Bartimew jerġa jibda jara, Ġesù jgħidlu biex imur u jkompli l-ħajja tiegħu. Iżda Bartimew, jagħraf li l-ħajja tiegħu hija ma’ Ġesù, għalhekk jibqa’ jimxi warajh.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 10, 46-52) 

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. “Qum, qiegħed isejjaħlek” Qiegħed fejn qiegħed, Ġesù, illum qiegħed isejjaħlek b’imħabba, mhux iċanfrek u lanqas jiġġudikak, iżda qiegħed jistaqsik, “xi tridni nagħmillek?” Sib ħin waħdek u rriffletti fuq din is-sejħa u mistoqsija. X’se tkun it-tweġiba tiegħek? Fis-skiet ħalli lil Ġesù jkellmek.
  4. Hawn ħafna madwarna u fid-dinja, li bħal Bartimew, għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Jista’ jkun li drabi nkunu għomja għal dawn in-nies, qalbna magħluqa għall-bżonnijiet tagħhom, għomja għall-inġustizzji li hawn madwarna. X’ser tkun il-kontribuzzjoni tagħkom bħala familja?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark(10, 46-52)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Bartimew kien raġel għama u beda jgħajjat biex Ġesù jisimgħu u jfejqu. In-nies iżda bdew iwaqqfuh. Ejjew nisimgħu x’ġara.

  • Bħal Bartimew, aktar ma nsiru nafu lil Ġesù, aktar se nkunu rridu nagħmlu dak li jixtieq hu u nimxu warajh
  • Printouts tal-attività
  • Kuluri
  • Lapes 
  • Kartonċina
  • Imqass
  • Gloj 

X’beda jagħmel Bartimew meta sema’ li Ġesù kien qrib tiegħu? (jgħajjat lil Ġesù)

X’bdew jagħmlu n-nies? (bdew isikktu lil Bartimew)

Għalfejn taħsbu li n-nies ma riedux lil Bartimew jgħajjat lil Ġesù? (it-tfal liberi li jagħtu t-tweġibiet tagħhom)

Bartimew obda? Waqaf jgħajjat? (le

X’għamel Ġesù? (qalilhom biex jieħdu lil Bartimew ħdejh u wara dan, fejqu. Bartimew reġa’ beda jara)

Lil Ġesù, Bartimew isejjaħlu, Bin David. Dan ifisser li Bartimew kien jemmen li l-Messija, kien se jkun mill-familja ta’ David u lil Ġesù qed jgħidlu li jemmen fih bħala il-Messija. Wara li Ġesù fejqu, Bartimew seta’ jitlaq u jgħix kif jixtieq. Hu ma kellux għalfejn jibqa’ jittallab. Madanakollu għażel li jmur ma’ Ġesù. Huwa mhux biss emmen li Ġesù kien il-Messija, iżda kien jaf ukoll li ma’ Ġesù seta’ jkun ferħan, seta’ jkun aħjar, għalhekk għażel li jibqa’ miegħu. Bartimew kienu qisu jaf sew min kien Ġesù!

Intom tfal, ukoll qegħdin issiru tafu min hu Ġesù u bħal Bartimew għad tindunaw li meta nagħżlu li nimxu wara Ġesù u nagħmlu dak li jixtieq hu, aħna nkunu għamilna l-aħjar u l-aqwa għażla.

Fl-attività tal-lum, għandkom stampa ta’ Ġesù u din tistgħu tagħtuha l-kulur. Fuq il-karta l-oħra għandkom erba’ sentenzi dwar dak li nafu fuq Ġesù. Għal kull sentenza se tpinġu xi ħaġa, per eżempju fejn għandkom ‘Jiena naf li Ġesù jridni nitkellem miegħu’, pinġu lilkom infuqskom titolbu, għax meta nitolbu aħna nkunu qegħdin nitkellmu ma’ Ġesù.

Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom aqtgħu dawn l-erba’ tpinġijiet u waħħluhom fuq kartonċina, flimkien mal-istampa ta’ Ġesù. L-istampa ta’ Ġesù waħħluha fin-nofs u l-erba’ stampi li pinġenjtu waħħluhom mad-dawra. Din ħalluha għal xi żmien imdendla fil-kamra tagħkom.
Waqt li qegħdin tpinġu isimgħu, I have decided.

Inroddu s-salib.

Ġesù, aħna rridu nemmnu fik, kif għamel Bartimew. Ġesù bħal Bartimew aħna rridu nkunu ħbieb tiegħek u nimxu warajk. Bħal Bartimew irridu nsiru nafuk aktar. Grazzi Ġesù tal-imħabba kbira tiegħek. Ammen.

Introduzzjoni

Illum se niltaqgħu ma’ raġel għama, jismu Bartimew, li ma qgħadx kwiet qabel ma ħa dak li ried! Ejjew nisimgħu l-Evanġelju, ix-xewqa ta’ Bartimew, u x’ġara, wara li Ġesù tah dak li xtaq.

  • Għalkemm Alla jaf kollox, irid li aħna nduru lejh u nitolbuh għal dak li għandna bżonn
  • Meta nsiru nafu lil Ġesù, inkunu nixtiequ nimxu warajh
  • Printout tal-attività
  • Lapes
  • Kuluri 

Għeżież tfal, intom x’tagħmlu meta tkunu tridu xi ħaġa mingħand il-ġenituri, per eżempju, li jeħdukom x’imkien jew jixtrulkom xi ħaġa?

Jekk wara li tistaqsuhom, huma jgħidulkom ‘le’, x’tagħmlu? Taċċettaw it-tweġiba tagħhom, jew tibqgħu tiffittawhom sakemm jgħidu ‘iva’?

Dan Bartimew, hekk għamel, ma qatax qalbu. Hu kien jaf li Ġesù seta’ jgħinu. Għalkemm hu kien għama, u kien mal-ġenb tat-triq u għalhekk ma tantx seta’ jidher minħabba n-nies li kienu quddiemu u bdew isiktuh, hu xorta baqa’ jgħajjat biex jisimgħu Ġesù. Dan semgħu, waqaf, u staqsih x’ried. Bartimew ried li jerġa’ jara u Ġesù jfejqu. Bartimew kellu fidi f’Ġesù; Bartimew emmen li Ġesù seta’ jagħtih dak li xtaq, għalhekk ma qatax qalbu. Ġesu jrid jgħallimna dan. Meta nitolbu, għandna nemmnu li Alla jismagħna u nemmnu li Alla jista’ jagħtina dak kollu li hu tajjeb. Fit-talb irridu nkunu persistenti, jiġifieri, ma naqtgħux qalbna u nibqgħu nitolbu. Alla jismagħna dejjem u dejjem iwieġeb, għalkemm mhux dejjem naqilgħu dak li nitolbu għalih. Alla jħobbna u jaf dak li hu ta’ ġid għalina, għalhekk minflok naqilgħu dak li nistaqsu għalih, Alla jista’ jagħtina xi ħaġa oħra li tkun aħjar għalina, għalkemm aħna mhux bilfors nindunaw li Alla weġibna! Meta nitolbu, aħna nkunu qed nuru li nemmnu li Alla jista’ kollox, li aħna għandna bżonn lil Alla. Meta aħna nibqgħu nippersistu fit-talb tagħna, nuru li għandna fidi f’Alla. Jista’ jkun li bħal Bartimew, ikun hemm min jaqtagħlna qalbna u jgħidilna biex nieqfu nitolbu. Bartimew ma semax minn dawk in-nies li qalulu jieqaf isejjaħ lil Ġesù. Hu, mhux biss ma waqafx imma aktar beda jgħajjat! Alla dejjem jisma’ t-talba tagħna, bħalma Ġesù sema’ lil Bartimew, avolja kien hemm ħafna nies. Inkunu fejn inkunu u jkun x’ħin ikun, Alla jismagħna. Alla jħobbna u jrid jgħinna.

Il-ġrajja ta’ Bartimew ma tieqafx hawn. Wara li jerġa’ jibda jara, Bartimew ma jmurx jiddeverti u jiċċelebra ma’ sħabu, iżda jibqa’ ma’ Ġesù. Bartimew baqa’ miexi ma’ Ġesù. Bartimew sar dixxiplu tiegħu. Aħna wkoll nixtiequ nkunu dixxipli ta’ Ġesù. Biex nimxu wara Ġesù, irridu nħallu lilu jurina kif għandna ngħixu. Xi drabi, aħna bħal Bartimew inkunu xi ftit għomja, ma narawx jew forsi ma nagħtux kas, ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Jista’ jkun hemm drabi, per eżempju l-iskola, fejn biex nagħmlu bħall-oħrajn, ngħajjru lil xi ħadd jew ninjoraw lil xi ħadd li ma għandux ħbieb. Waqt li tisimgħu, I’m following Jesus, agħmlu l-attività tal-lum. Għandkom forma ta’ sieq bil-kliem ‘Bħal Bartimew jien irrid nimxi wara Ġesù!’ Fuqha hemm spazju, fejn, wara li taħsbu ftit tistgħu tiktbu x’tistgħu tagħmlu fid-dar, fil-knisja, fl-iskola u matul il-ġurnata tagħkom, biex turu li qegħdin timxu wara Ġesù. Eżempji ta’ x’tistgħu tagħmlu fid-dar, jinkludu li taqraw mill-Bibbja, tgħinu u tobdu lill-ġenituri tagħkom, taqsmu dak li għandkom ma’ ħutkom. X’aktar tistgħu tagħmlu? Iktbu dawn l-eżempji li jiġukom f’moħħkom. Jekk tridu tistgħu tagħtu l-kulur lil din l-istampa wkoll. Meta tlestu, ħalluha x’imkien fejn tarawha biex tiftakru, kif tistgħu timxu ma’ Ġesù, kuljum u kullimkien.

Inroddu s-salib.

Mulej Alla, aħna bħal Bartimew ġieli nkunu għomja. Inkunu għomja għall-bżonnijiet tal-oħrajn, għomja għax-xewqa tagħhom li jkunu ħbieb magħna. Iftħilna għajnejna u agħtina l-kuraġġ biex nagħmlu dak li tixtieq inti u nkunu dixxipli ta’ Ġesù. Dan nitolbuh, f’isem Ġesù ibnek. Ammen.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.