L-akbar kmandament

31-il Ħadd ta' Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum jisfidana biex naħsbu dwar dak li hu importanti fil-ħajja tagħna u b’mod speċjali dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. L-istil ta’ ħajja tagħna, huwa orjentat għal relazzjoni ma’ Alla? Il-mod kif ngħix, kif qiegħed jeffettwa l-ħajja tal-familja, il-ħajja ta’ talb tagħna u l-ħajja soċjali? Fuqiex qed nibnu l-valuri tagħna?

Ġesù qiegħed Ġerusalem u l-kittieba jagħmlulu xi mistoqsijiet. Dawn ma humiex biex jippruvaw lil Ġesù, iżda aktar biex ikun hemm komunikazzjoni bejniethom. Il-kittieba jistaqsu lil Ġesù dwar interpretazzjoni tal-Liġi ta’ Mosè. Lil Ġesù jistaqsuh hekk, “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” jiġifieri liema huwa l-aktar importanti? Meta jwieġeb Ġesù jikwota it-talba Lhudija “Shema Israel” u jgħaqqadha mal-imħabba għall-proxxmu. “Shema”, bil-Lhudi tfisser, “Isma.” Din hija talba importanti għal-Lhud u tingħad darbtejn kuljum. Insibuha fid-Dewteronomju (6, 4) “Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.”  Il-Liġi ta’ Mosè fiha l-għaxar kmandamneti u ħafna oħra wkoll (613), u meta wieħed jobdi dawn il-kmandamenti ikun qed juri l-lealtà tiegħu lejn il-patt li Alla għamel ma’ Iżrael. Fi żmien Ġesù, l-importanza ta’ dawn il-liġijiet kienet tkun diskussa ħafna fost l-għalliema tal-Liġi. Ġesù jgħid li l-ewwel u l-aktar kmandament importanti hu li tħobb lil Alla, b’dak kollu li int. It-tieni wieħed huwa, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Hawnhekk, Ġesù jikwota l-ktieb tal-Levitiku (19, 18) li hu parti mill-Kodiċi ta’ Qdusija.

It-tweġiba ta’ Ġesù, tgħaqqad żewġ kmandamenti, l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. It-tweġiba tingħoġob u l-kittieb jgħid li dan “huwa aqwa minn kull sagrifiċċju” offrut fit-Tempju. Għal dan, Ġesù jwieġeb u jgħidlu, “M’intix ’l bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. Dan ifisser li dan il-kittieb kien lest li jisma’ l-Aħbar it-Tajba u jimxi wara Ġesù. It-tweġiba ta’ Ġesù, hi magħrufa bħala “l-Kmandament il-Kbir” u hi lenti minn fejn nistgħu nħarsu lejn l-Għaxar Kmandamenti. L-ewwel tliet kmandamenti jirigwardaw l-imħabba ta’ Alla. Is-seba’ l-oħra: l-imħabba għall-proxxmu. Fl-ittra lir-Rumani, San Pawl jgħid, li l-imħabba għall-proxxmu hija t-twettiq tal-Liġi (Rumani 13, 9-10). Mhux faċli li nobdu dan il-Kmandament il-Kbir, li nħobbu lil Alla b’dak kollu li aħna, titlob l-għajnuna ta’ Alla u li nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 12: 28-34)

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  1. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  2. Xi tfisser li tħobb lil Alla b’dak kollu li int? Din hija mistoqsija, li matul din il-ġimgħa, nistgħu nistaqsu lilna nfusa, waqt il-ħin ta’ talb tagħna. X’inhu l-aktar importanti fil-fidi tiegħek? Alla huwa fuq kulħadd? X’tista’ tagħmel matul din il-ġimgħa biex tkun aktar iffukat fuq Alla?
  3. Mal-familja tiegħek, tkellem kif tistgħu tobdu aktar dan “il-Kmandament il-Kbir.” Dan jista’ jinkludi eżempji bħal xiri għal xi ġirien anzjani, jew għajnuna lill-ħbieb matul il-weekend. Kif nistgħu nwieġbu għall-Evanġelju tal-lum?
  4. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (12, 28-34)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  5. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  6. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  7. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna dak li għandna nagħmlu biex nagħtu kas ta’ Alla. Dan insejħulu l-“Kmandament il-Kbir.” Ġesù jgħid, li l-ewwel irridu nisimgħu lil Alla, imbagħad, inħobbu lil Alla “b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u bil-qawwa tagħna kollha” u jgħidilna wkoll “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”

  • Importanti ħafna li nisimgħu lil Alla
  • Għandna nħobbu lil Alla, b’qalbna kollha, moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha
  • Għandna wkoll inħobbu lill-oħrajn
  • Printout tal-attività
  • Kartonċina
  • Imqass / gloj
  • Kuluri / spag

Darba waħda, Ġesù kien fit-Tempju jgħallem lin-nies li kien hemm, meta raġel staqsieh mistoqsija, “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” Ġesù jwieġeb u jgħidlu li l-ewwel ħaġa li kellu jagħmel kien li jisma’ lil Alla.

Meta aħna nagħtu l-attenzjoni tagħna lill-oħrajn ifisser li nisimgħu sew għal dak li qegħdin jgħidulna. L-iskola, huwa importanti li tisimgħu sew dak li tkun qed tgħid l-għalliema dwar kif wieħed isolvi xi diffikultà tal-matematika, inkella ma tkunux tafu kif ser issolvuha. L-istess ma’ Alla, jeħtieġ nisimgħu b’attenzjoni, meta mmorru għall-quddiesa jew għall-katekiżmu. 

Imbagħad, lil dak li jrid jisma’ lil Alla Ġesù jgħidlu: “ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha” u “ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Kif nistgħu nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu u bil-qawwa kollha tagħna? Dan nistgħu nagħmluh, meta nitolbu, meta naqraw mill-Bibbja, meta nqimuh, inkantaw innijiet ta’ tifħir, u meta nirringrazzjawh għal dak kollu li jagħmel. Kif nistgħu nħobbu lill-għajrna? Għajrna huwa kulmin għandu bżonn l-għajnuna tagħna, għalhekk għandna nkunu qalbna tajba mal-oħrajn, naħfrulhom, ngħinuhom meta jkollhom bżonn, inkunu ħbieb magħhom u nġibu ruħna magħhom kif nixtiequ li huma jġibu ruħhom magħna. Dawn huma l-kmandamenti li Ġesù qalilna huma l-aktar importanti. Mhux faċli li nżommu dawn il-kmandamenti, hux hekk? Irridu nitolbu lil Alla għall-għajnuna kuljum.

Jekk tixtiequ li tibqgħu tiftakru dak li qalilna Ġesù llum, li għandna nħobbu lil Alla, b’qalbna kollha, moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha, agħmlu l-attività tal-lum, u meta tkun lesta dendluha fil-kamra tagħkom. Agħtu l-kulur lill-istampi kollha, aqtgħuhom u waħħluhom fuq kartonċina. Waħħluhom mas-sħaba b’żigarella jew spaga. Irranġawhom fl-ordni li għallimna Ġesù. Fl-aħħar tiġi l-istampa tat-tifla. Is-subien jistgħu jpinġu stampa ta’ tifel.Isimgħu u kantaw, Love the Lord.

Ejjew nitolbu u nistaqsu lil Alla għall-għajnuna tiegħu, biex inħobbu kif jixtieqna hu.

Inroddu s-salib.

Missierna li inti fis-smewwiet, għinna biex nuru li nħobbok permezz tal-imħabba tagħna għall-oħrajn. Nirringrazzjawk li inti tħobbna kif aħna, nixtiequ li nġibu ruħna mal-oħrajn, bl-istess mod li nixtiequhom iġibu ruħhom magħna. Dan nitolbuh f’isem Ġesù. Ammen.

Introduzzjoni

L-Evanġelju tal-lum jurina biċ-ċar kif għandna nħobbu u naqdu lil Alla, “b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u bil-qawwa tagħna kollha” u “nħobbu lil għajrna bħalna nfusna.” Jekk nagħmlu dan inkunu qed nobdu l-Akbar Kmandament li tana Ġesù.

  • L-aktar ħaġa importanti li nistgħu nagħmlu, hi li nħobbu lil Alla
  • Għandna nħobbu lill-oħrajn daqs kemm inħobbu lilna nfusna
  • Karti vojta
  • Lapsijiet u kuluri
  • Stickers bħala dekorazzjoni

Illum nisimgħu, kif kittieb Lhudi staqsa lil Ġesù dwar liema kien l-akbar kmandament. Intom tafu, li Alla lil Mosè tah l-Għaxar Kmandamenti, fuq il-muntanja Sinai. Iżda fil-verità, il-Lhud kienu josservaw 613-il kmandament li msejħa it-Torah (il-Liġi). Għalhekk, din, kienet mistoqsija ta’ ħsieb. It-tweġiba ta’ Ġesù kienet, li l-akbar kmandament huwa li tħobb lil Alla b’dak kollu li int. Hu qal, “Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Xi jfisser dan il-kliem għalina? Ġesù jirreferi għall-erba’ partijiet minna li għandhom iħobbu lil Alla. Tiftakru liema? Qalbna, ruħna, moħħna, il-qawwa tagħna. Aħna lkoll għandna qalb li twassal id-demm lill-bqija ta’ ġisimna, iżda Ġesù kien qiegħed jitkellem dwar xi ħaġa differenti. Ġesù kien qiegħed jirreferi għar-rieda ħielsa tagħna, jiġifieri għall-għażliet u deċiżjonijiet tagħna.  Jekk inħobbu lil Alla bir-rieda tagħna, aħna nkunu lesti li naċċettaw dak li Alla jrid minna u nkunu lesti li nobduh. Ir-ruħ ta’ kull peruna hija unika. Hija l-parti spiritwali li ma titemm qatt. Din hi li tmexxina lejn Alla. Jekk inħobbu lil Alla b’ruħna kollha, inkunu qegħdin nippruvaw inkunu tajba, bħalma Alla hu tajjeb. Nużaw moħħna biex naħsbu u nifhmu. Persuna li tħobb lil Alla b’moħħa kollu, taħseb dwar affarijiet li jogħġbu lil Alla. Fis-sagrament tal-Konfermazzjoni, nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-għerf u fehma bħala għajnuna fil-ħsibijiet tagħna. Kif nistgħu nħobbu lil Alla bil-qawwa kollha tagħna? Lil Alla, irridu nagħtuh dak kollu li nagħmlu, irrid nagħtuh l-aqwa tagħna, kemm meta mimlija bl-enerġija, kif ukoll meta għajjenin.

It-tieni kmandament, li nħobbu lill-għajrna kif inħobbu lilna nfusna, mhux faċli li nobduh, speċjalment meta xi ħadd mexa ħażin magħna jew weġġa’ s-sentimenti tagħna. Għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla biex inħobbu kif jixtieq hu. Dawn iż-żewġ kmandamenti li tana Ġesù, jimxu id f’id, aktar ma nħobbu lil Alla, aktar se nħobbu lill-bniedem li huwa għażiż għal Alla għaliex hu ħolqien tiegħu. Ġesù miet fuq salib, biex jurina kemm iħobbna. Jekk naċċettaw l-imħabba ta’ Ġesù f’ħajjitna, inkunu nistgħu naqsmuha mal-oħrajn.

Jekk tixtiequ taħsbu aktar dwar dak li għallimna Ġesù illum, ħudu karta vojta u itwuwha f’4. F’kull parti iktbu waħda minn dawn: QALB, RUĦ, MOĦĦ, QAWWA. Dik kienet faċli! Issa f’kull sezzjoni iktbu 3 affarijiet li tistgħu tagħmlu biex turu li tħobbu lil Alla b’dak kollu li intom. Din tkun bħala lista li tgħinnkom taraw kif tistgħu tħobbu lill-oħrajn. Matul din il-ġimgħa ppruvaw għamlu dak li ktibtu. Kull waħda li tagħmlu, aqtgħuha u mmarkawha bi sticker.

Isimgħu din is-song, Love the Lord.

Ejjew nitolbu lAtt ta’ Mħabba.

Inroddu s-salib.

Mulejja, għaliex inti tjieba bla tarf u bla tmiem, jiena nħobbok fuq kollox u nħobb il-proxxmu tiegħi bħali nnifsi, minħabba fik. Ammen

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.