L-Evanġelju tal-lum jisfidana biex naħsbu dwar dak li hu importanti fil-ħajja tagħna u b’mod speċjali dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. L-istil ta’ ħajja tagħna, huwa orjentat għal relazzjoni ma’ Alla? Il-mod kif ngħix, kif qiegħed jeffettwa l-ħajja tal-familja, il-ħajja ta’ talb tagħna u l-ħajja soċjali? Fuqiex qed nibnu l-valuri tagħna?
Ġesù qiegħed Ġerusalem u l-kittieba jagħmlulu xi mistoqsijiet. Dawn ma humiex biex jippruvaw lil Ġesù, iżda aktar biex ikun hemm komunikazzjoni bejniethom. Il-kittieba jistaqsu lil Ġesù dwar interpretazzjoni tal-Liġi ta’ Mosè. Lil Ġesù jistaqsuh hekk, “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” jiġifieri liema huwa l-aktar importanti? Meta jwieġeb Ġesù jikwota it-talba Lhudija “Shema Israel” u jgħaqqadha mal-imħabba għall-proxxmu. “Shema”, bil-Lhudi tfisser, “Isma.” Din hija talba importanti għal-Lhud u tingħad darbtejn kuljum. Insibuha fid-Dewteronomju (6, 4) “Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” Il-Liġi ta’ Mosè fiha l-għaxar kmandamneti u ħafna oħra wkoll (613), u meta wieħed jobdi dawn il-kmandamenti ikun qed juri l-lealtà tiegħu lejn il-patt li Alla għamel ma’ Iżrael. Fi żmien Ġesù, l-importanza ta’ dawn il-liġijiet kienet tkun diskussa ħafna fost l-għalliema tal-Liġi. Ġesù jgħid li l-ewwel u l-aktar kmandament importanti hu li tħobb lil Alla, b’dak kollu li int. It-tieni wieħed huwa, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Hawnhekk, Ġesù jikwota l-ktieb tal-Levitiku (19, 18) li hu parti mill-Kodiċi ta’ Qdusija.
It-tweġiba ta’ Ġesù, tgħaqqad żewġ kmandamenti, l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. It-tweġiba tingħoġob u l-kittieb jgħid li dan “huwa aqwa minn kull sagrifiċċju” offrut fit-Tempju. Għal dan, Ġesù jwieġeb u jgħidlu, “M’intix ’l bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. Dan ifisser li dan il-kittieb kien lest li jisma’ l-Aħbar it-Tajba u jimxi wara Ġesù. It-tweġiba ta’ Ġesù, hi magħrufa bħala “l-Kmandament il-Kbir” u hi lenti minn fejn nistgħu nħarsu lejn l-Għaxar Kmandamenti. L-ewwel tliet kmandamenti jirigwardaw l-imħabba ta’ Alla. Is-seba’ l-oħra: l-imħabba għall-proxxmu. Fl-ittra lir-Rumani, San Pawl jgħid, li l-imħabba għall-proxxmu hija t-twettiq tal-Liġi (Rumani 13, 9-10). Mhux faċli li nobdu dan il-Kmandament il-Kbir, li nħobbu lil Alla b’dak kollu li aħna, titlob l-għajnuna ta’ Alla u li nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina.
Dalwaqt.