Ir-rieda ta’ Alla

Ir-Raba' Ħadd tal-Avvent

Wasalna fl-aħħar Ħadd tal-Avvent, u l-qari tal-lum ilaqqagħna ma’ żewġ nisa li għax kellhom fidi kbira u ħallew lil Alla jaħdem fihom u permezz tagħhom, huma ġrawlhom affarijiet kbar. Illum nisimgħu dwar il-laqgħa ta’ Marija u Eliżabetta. Eliżabetta tagħmel mistoqsija li ġieli nagħmluha aħna wkoll, imma x’aktarx b’ton u raġuni eżatt l-oppost tagħha! Meta jiġrilna xi ħaġa ħażina, kemm-il darba tiġi f’moħħna l-mistoqsija: “Imma għaliex lili?” (“U minn fejn ġieni dan?”) Kemm-il darba tiġina ħażin u nduru lejn il-Mulej u nistaqsuh, “għalfejn jien?” Eliżabetta tistedinna biex minflok dak kollu li tana Alla. Ħafna minna, m’aħniex xi nies magħrufa u popolari iżda fl-istess ħin Alla għażel lilna biex jagħmel magħna ‘ħwejjeġ kbar.’ L-Evanġelju tal-lum, li kieku jkollna nkomplu naqraw is-silta li minnu huwa meħud, insibu l-innu tal-Magnificat (Marija tfaħħar lil Alla), huwa konverżazzjoni bejn żewġ nisa li jimmeraviljawna bil-mod li Alla ħadem fihom. 

Alla li hu mħabba, sar bniedem bħalna, sar wieħed minna, twieled bħala tarbija, kif twelidna aħna. Hu li hu Alla, ma twelidx fost l-aqwa, iżda twieled minn tfalja li kienet tgħix f’raħal insinjifikanti u li hi stess ma kienet magħrufa minn ħadd. Minkejja dan, Alla għażel lilha. Lill-kuġina tagħha għażilha wkoll biex wara tant snin li qatgħet qalbha li ssir omm, jibgħatilha tarbija li kellha tikber u tħejji lin-nies għal Ġesù u t-tagħlim tiegħu. 

Il-Milied huwa żmien li fih nagħtu u nirċievu ħafna rigali. L-akbar u l-aqwa jibqa’ dejjem ir-raġuni għalfejn ser niċċelebraw il-Milied. Permezz tat-twelid ta’ Ġesù fostna rċevejna l-aqwa rigal u dan ir-rigal huwa hemm biex nerġgħu niskopruh u naċċettawh ta’ kuljum. Ġesù kuljum jixtieq jiġi għandna u jixtieq li jiltaqa’ magħna. Ġesù jrid li aħna niftħu ħajjitna għalih. Bħalma Marija qalet ‘iva’, Ġesù jixtieq u jistenna l-‘iva’ tagħna. Bħal Eliżabetta, Ġesù jistedinna biex jibqa’ jkollna tama fih. 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 1, 39-45)

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’rigali qed tipprepara għal dan il-Milied? Minbarra dawk li xtrajt jew għad trid tixtri, aħseb f’rigali oħra li tista’ tagħti: ir-rigal tal-ħin lill-familja tiegħek, lill-familjari jew ħbieb li huma waħedhom, ir-rigal ta’ tbissima ma’ kulmin tiltaqa’, ir-rigal ta’ kliem ta’ tifħir, inkoraġġiment u mħabba fi kliemek,  ir-rigal ta’ maħfra lil xi ħadd li weġġgħek. Tinsiex lanqas tagħti rigal lilek innifsek. Ieqaf u aħseb għalfejn Alla għażel lilek u fdak b’familja u tant responsabbiltajiet oħra. Irringrazzjah u afda fih, kif fdaw Marija u Eliżabetta.
  4. Marija “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet.” Dan ma kienx xi vjaġġ qasir u komdu. Iżda għalkemm, hi stess tqila, tinsa lilha nnifisha biex tmur biex tgħin lil Eliżabetta. Għalkemm jista’ jkun li inti mpenjat/a ħafna dawn il-ġranet, ieqaf u aħseb dwar min għandu bżonn l-għajnuna tiegħek, u bħal Marija, ieqaf minn dak li qed tagħmel u mur aqdi lil min għandu bżonnok.
  5. Marija ma tmurx biss għand Eliżabetta biex tgħina, iżda wkoll biex taqsam magħha dak li Alla għamel magħha. Bħala ġenitur, taqsam ma’ uliedek il-mod li bih Alla jgħinek u li bih hu preżenti miegħek kull ħin?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i.  Bibbja bil-qari minn San Luqa (1, 39-4)
    ii. Il-girlanda tal-Avvent, jinxtgħelu l-erba’ xemgħat: 3 vjola u 1 roża
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum nixgħelu l-aħħar xemgħa vjola fil-girlanda tal-Avvent. Tafu dan xi jfisser? Dalwaqt wasal il-Milied! Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu, kif wara li  l-anġlu Gabrijel qal lil Marija li Eliżabetta kienet ser issir omm, Marija tmur iżżurha u toqgħod għandha. Ejjew nisimgħu x’tgħid Eliżabetta kif tara lill-Madonna.

  • Aħna rridu nafdaw f’Alla, bħalma għamlu Marija u Eliżabetta
  • Printout tal-qlub fuq kartonċina ħamra 
  • Dekorazzjonijiet
  • Lapes 

Illum issemmew żewġ nisa: Marija u Eliżabetta. Dawn it-tnejn kienu jafdaw f’Alla. Tafu xi jfisser li tafda?

Meta l-ġenituri tagħkom isajjrulkom u jpoġġu l-ikel quddiemkom, intom tieklu, għax tafdaw li huma ma poġġew xejn fl-ikel li jista’ jagħmlilkom id-deni. Meta tkunu magħhom u taqsmu t-triq, iżżomulhom idejhom u tafdawhom biex taqsmu, għax tafu li huma ser joqgħodu attenti li mhux ser ikunu ġejjin karozzi. 

Marija u Eliżabetta, it-tnejn kienu jħobbu ħafna lil Alla u jafdaw fih. Għalhekk, meta l-anġlu Gabrijel staqsa lil Marija jekk rieditx tkun il-mama ta’ Ġesù, hi x’wieġbet? (hi wieġbet iva)

Hi wieġbet iva, għax kienet tafda f’Alla.

Tiftakru x’qaltilha Eliżabetta meta ratha? (Imbierka)

Imbierka tfisser li hi hienja, jiġifieri ferħana. 

Għalfejn kienet ferħana l-Madonna? (għax kienet se tkun il-mama ta’ Ġesù)

Il-Madonna kienet tafda li Alla ser jieħu ħsiebha. Anke aħna rridu nafdaw f’Alla li jieħu ħsiebna. 

Lil Madonna, Alla kellu bżonnha biex tkun il-mama ta’ Ġesù. Hu għażel lilha għax kienet tafda fih. Il-Madonna kienet tafda f’Alla għax kienet titkellem miegħu fit-talb u kienet taqra l-Iskrittura (il-Bibbja). Hi kienet kuljum tipprova tgħix kif jixtieq Alla. 

Intom tafu li Alla għażel lilkom ukoll? Tafu għalfejn għażilkom? 

Alla għażilkom biex tħobbu lill-oħrajn, biex tgħinu, biex tgħidu l-verità, biex tkunu tfal bravi. U xi tridu tagħmlu biex jirnexxielkom tagħmlu dan? Tridu tagħmlu bħalma għamlet Marija. Tridu titolbu u taqraw il-ġrajjiet mill-Bibbja. 

Illum r-raba’ Ħadd tal-Avvent. Tiftakru l-ġimgħa l-oħra l-kulur tax-xemgħa kien roża, u kien il-Ħadd li jfakkarna fil-ferħ. Illum ix-xemgħa li nixgħelu tfakkarna fl-imħabba. L-erba’ xemgħat għalhekk ifakkruna f’dak li jagħtina Ġesù: tama, paċi, ferħ u mħabba. U anke aħna rridu nagħmlu l-istess mal-oħrajn. Tfal intom tridu tkunu bħal Ġesù, u tħobbu kif iħobb hu?

Biex tgħinkom tiftakru li tridu tħobbu bħal Ġesù, kantaw, Love like Jesus.

Intom lil min tħobbu? (tfal jagħtu t-tweġibiet tagħhom)

Kif turuhom li tħobbuhom? (tfal jagħtu t-tweġibiet tagħhom)

Marija marret għand Eliżabetta għax kienet tħobbha u riedet tgħinha. U intom ser tagħmlu l-istess. Intom żgur li tħobbu lill-ġenituri tagħkom, lil ħutkom, lin-nanniet u ħafna nies oħra. U biex turuhom li tħobbuhom, minbarra li tgħidulhom li tħobbuhom, intom tobduhom u tgħinuhom, fost affarijiet oħra. Idekkoraw qalb li se tagħtu lill-mama, oħra għall-papa u jekk tixtiequ għall-ħutkom u n-nanniet. Din faċli! Imma issa qabel ma tagħtuhom il-qalb, tridu taħsbu kif ser turuhom li tħobbuhom. Bħala eżempju, ngħidu li ser tagħti l-qalb lill-papa u ħsibt li biex turih li tħobbu, ser tgħinu jaħsel il-karozza. Għalhekk tagħtih il-qalb u tgħidlu, ‘papa, jien inħobbok u meta tkun ser taħsel il-karozza, għidli, għax jien ser niġi ngħinek.’ U ara li meta jkun ser jaħsel il-karozza, tieqaf minn dak li tkun qed tagħmel u tmur tgħinu. L-istess għamel mal-mama u mal-oħrajn.

Inroddu s-salib.

Għażiża Marija, mama ta’ Ġesù u mama tiegħi ukoll, urini kif nista’ nħobb lil Ġesù dejjem aktar.

Ngħidu flimkien: Sliem għalik Marija, u tista’ ssib hawnhekk karti ta’ ħidma rigward It-Talba tas-Sliema u l-Qaddisa.

Introduzzjoni

Ġieli rajtu xi pittura jew stampa ta’ meta l-Madonna marret iżżur lil Eliżabetta? F’xi knisja jew fil-Bibbja rajtuha żgur. Il-pitturi li jpinġu din l-istampa dejjem iġibu l-ferħ fuq wiċċ il-Madonna u fuq wiċċ Sant’Eliżabetta meta jiltaqgħu, huma jgħannqu lil xulxin u kważi kważi jpenġuhom jaqbżu u jiżfnu bil-ferħ li jħossu! Għalfejn dan il-ferħ kollu? Ejjew nisimgħu l-Evanġelju tal-lum biex nifhmu aħjar ir-raġuni ta’ dan kollu.

  • Meta nagħtu xi ħaġa jew ngħinu lil xi ħadd, inkunu ferħanin
  • Printout tal-qlub fuq kartonċina ħamra
  • Lapes
  • Kuluri u dekorazzjonijiet

Dawn iż-żewġ nisa, it-tnejn kienu qegħdin jistennew tarbija. Il-Madonna kien ser ikollha lil Ġesù, u Eliżabetta, għalkemm issa kienet xiħa, fl-aħħar kien ser ikollha tarbija, lil Ġwanni, li nafuh bħala Ġwanni l-Battista. Tfal ftakru li dawn in-nisa ma kienux jgħixu fi żmien fejn kellhom il-mobiles, lanqas ma kellhom telephones u biex jasal messaġġ minn raħal għall-ieħor rid iwasslu xi ħadd personalment. 

Mela kif Eliżabetta meta rat lill-Madonna, issejħilha “omm il-Mulej”? (it-tfal jagħtu t-tweġibiet tagħhom)

Eliżabetta indirizziat lill-Madonna b’dan il-mod għax magħha wkoll kien sar miraklu kbir. Hija kienet xjaħet u qatt ma kellha tfal, għalkemm dejjem xtaqet issir omm. Alla jagħtiha dak li dejjem xtaqet. Eliżabetta baqgħet temmen u titama f’Alla avolja għaddew ħafna snin. Eliżabetta kienet qrib ta’ Alla u hu kien nebbaħha b’dak li ġara lil Marija. 

Indunajtu li dawn il-kliem li tgħid Eliżabetta, intom ġieli tgħiduhom? Meta tgħidu l-kliem, “Imkierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”? 

Dawn il-kliem aħna ngħiduhom kull darba li nitolbu s-Sliema!

Marija hija mbierka għax fdata f’Alla li jagħmel magħha dak kollu li wegħda. Mhux biss hi kellha tkun omm Ġesù, imma hi wkoll kellha fidi kbira li Alla jibqa’ dejjem magħha.  Marija hija mbierka għax wieġbet ‘iva’ għas-sejħa li għamlilha Alla.

Għalfejn taħsbu li Marija marret għand Eliżabetta? Ftakru li dawn ma kienux joqgħodu qrib ta’ xulxin. U la mobiles u telephones ma kellhom u lanqas karozzi. Huma kienu jimxu kulfejn riedu jmorru. Xi drabi kienu jirkbu fuq ħmar jew żiemel. (it-tfal jagħtu t-tweġibiet tagħhom)

Marija marret għand Eliżabetta biex taqsam magħha din l-aħbar li hi kien ser ikollha lil Ġesù, u wkoll biex tgħin lil Eliżabetta. Intom qatt għentu lil xi ħadd? Mhux għentuhom għax bilfors kellkom tagħmlu hekk, imma għentu għax vera ridtu. Kif ħassejtukom wara?

Meta ngħinu aħna nkunu ferħana. Bħalma kienet ferħana l-Madonna meta marret tgħin lil Eliżabetta. 

F’dawn il-ġranet żgur ser tgħinu lill-ġenituri tagħkom jippakjaw ir-rigali li jkunu xtraw. Il-Milied huwa żmien li niftakru f’rigal kbir li rċevejna, meta Ġesù sar bniedem bħalna. U biex nuru dan il-ferħ, nagħtu rigali lil min inħobbu u nirċievu rigali wkoll! Imma intom tafu li wieħed mill-isbaħ rigali li tistgħu tagħtu ma jiswiex flus? Rigal kbir li tistgħu tagħtu huwa t-talb. 

Fuq il-qlub li għandkom din il-ġimgħa, ser tiktbu talba lil Ġesù għal dawk li tħobbu. Wara li tiktbu t-talb fuq il-qlub, żejnuhom sabiħ u poġġuhom ħdejn Ġesù Bambin fil-maxtura. 
Marija u Eliżabetta kienu jafdaw ħafna f’Alla. Aħna wkoll irridu nafdaw fih, irridu nafdaw f’Ġesù għax hu jurina u jmexxina biss lejn dak li hu tajjeb. Waqt li qegħdin tiddekoraw il-qlub, isimgħu, I’m trusting you.

Inroddu s-salib.

Illum, flimkien bħala familja għidu r-rużarju, u itolbu l-misteri tal-ferħ. Qabel kull misteru, xi ħadd joffri dik il-posta tar-rużarju għal xi ħadd li jħobb jew għal xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna.

1. Lil min marret iżżur Marija skont l-Evanġelju tal-lum?

Correct! Wrong!

2. It-tarbija li qabżet fil-ġuf ta' Eliżabetta malli Marija sellmitilha min kienet?

Correct! Wrong!

3. Kif sellmet Eliżabetta lil Marija?

Correct! Wrong!

4. Għal liema raġuni Eliżabetta faħħret lil Marija?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.