Wasalna fl-aħħar Ħadd tal-Avvent, u l-qari tal-lum ilaqqagħna ma’ żewġ nisa li għax kellhom fidi kbira u ħallew lil Alla jaħdem fihom u permezz tagħhom, huma ġrawlhom affarijiet kbar. Illum nisimgħu dwar il-laqgħa ta’ Marija u Eliżabetta. Eliżabetta tagħmel mistoqsija li ġieli nagħmluha aħna wkoll, imma x’aktarx b’ton u raġuni eżatt l-oppost tagħha! Meta jiġrilna xi ħaġa ħażina, kemm-il darba tiġi f’moħħna l-mistoqsija: “Imma għaliex lili?” (“U minn fejn ġieni dan?”) Kemm-il darba tiġina ħażin u nduru lejn il-Mulej u nistaqsuh, “għalfejn jien?” Eliżabetta tistedinna biex minflok dak kollu li tana Alla. Ħafna minna, m’aħniex xi nies magħrufa u popolari iżda fl-istess ħin Alla għażel lilna biex jagħmel magħna ‘ħwejjeġ kbar.’ L-Evanġelju tal-lum, li kieku jkollna nkomplu naqraw is-silta li minnu huwa meħud, insibu l-innu tal-Magnificat (Marija tfaħħar lil Alla), huwa konverżazzjoni bejn żewġ nisa li jimmeraviljawna bil-mod li Alla ħadem fihom.
Alla li hu mħabba, sar bniedem bħalna, sar wieħed minna, twieled bħala tarbija, kif twelidna aħna. Hu li hu Alla, ma twelidx fost l-aqwa, iżda twieled minn tfalja li kienet tgħix f’raħal insinjifikanti u li hi stess ma kienet magħrufa minn ħadd. Minkejja dan, Alla għażel lilha. Lill-kuġina tagħha għażilha wkoll biex wara tant snin li qatgħet qalbha li ssir omm, jibgħatilha tarbija li kellha tikber u tħejji lin-nies għal Ġesù u t-tagħlim tiegħu.
Il-Milied huwa żmien li fih nagħtu u nirċievu ħafna rigali. L-akbar u l-aqwa jibqa’ dejjem ir-raġuni għalfejn ser niċċelebraw il-Milied. Permezz tat-twelid ta’ Ġesù fostna rċevejna l-aqwa rigal u dan ir-rigal huwa hemm biex nerġgħu niskopruh u naċċettawh ta’ kuljum. Ġesù kuljum jixtieq jiġi għandna u jixtieq li jiltaqa’ magħna. Ġesù jrid li aħna niftħu ħajjitna għalih. Bħalma Marija qalet ‘iva’, Ġesù jixtieq u jistenna l-‘iva’ tagħna. Bħal Eliżabetta, Ġesù jistedinna biex jibqa’ jkollna tama fih.