It-Twelid tal-Mulej

Milied

L-istaġun liturġiku tal-Milied jibda bil-Quddiesa tal-Vġili lejlet il-Milied u jispiċċa fil-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej. Matul dan l-istaġun niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu fid-dinja tagħna u f’qalbna u nirriflettu fuq id-don tas-Salvazzjoni li titwieled miegħu u nagħrfu li Hu twieled biex imut għalina.

Il-knisja tiċċelebra erba’ quddiesiet għall-Festa tal-Milied; kull quddiesa għandha l-qari tagħha li jgħinna nikkontemplaw it-twelid ta’ Kristu. Fil-Quddiesa tal-Vġili ta’ Lejlet il-Milied naqraw il-ġeneoloġija ta’ Ġesù mill-bidu tal-Evanġelju skont San Mattew. Il-Quddiesa ta’ nofsillejl tħabbar it-twelid ta’ Ġesù permezz tal-Evanġelju skont San Luqa. Il-Quddiesa fis-sebħ filgħodu tal-Milied tkompli l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù kif insibuha fl-Evanġelju skont San Luqa meta r-rgħajja jżuru lil Ġesù. F’kull wieħed minn dawn il-qari tal-Evanġelju nisimgħu in-narrattivi tal-infanzja li aħna familjari ħafna magħhom.

Il-Vanġelu għall-Quddiesa tal-Milied matul il-ġurnata huwa meħud mill-bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann u mhux rakkont tal-infanzja bħal dawk li nsibu f’Mattew u Luqa. Minflok, Ġwanni jibda mill-bidu nett u jippreżenta l-istorja tal-ħolqien bħala l-qafas biex iħabbar il-misteru tal-Inkarnazzjoni, “il-kelma saret laħam, għexet fostna”. 

Kliem Ġwanni jirrepeti l-bidu tal-Ktieb tal-Ġenesi u jistedinna nħarsu lejn it-twelid ta’ Ġesù mill-perspettiva ta’ Alla. L-erbaʼ Evanġelji kollha jagħmluha ċara li t-twelid taʼ Ġesù sar b’inizjattiva taʼ Alla, imma Ġwanni jenfasizza li t-twelid taʼ Ġesù kien fl-intenzjoni divina mill-mument tal-Ħolqien.

Dan il-misteru tal-Inkarnazzjoni jibdel kollox. L-Evanġelju tal-lum ifakkarna li nistgħu wkoll inħarsu lejn it-Twelid mill-perspettiva ta’ Alla biex napprezzaw aħjar is-sinifikat li Alla jsir ‘laħam’ (bniedem). Il-misteru li nxandru fil-Milied hu dak Alla, l-istess Alla li ħalaq kollox mix-xejn u li hu d-dawl innifsu, “id-dawl veru li jdawwal lill-bnedmin kollha”. Ġesù ħa l-umanità tagħna sabiex jittrasformana. Permezz tat-twelid tiegħu fostna, iltqajna ma’ Alla, “u rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li hija tiegħu bħala l-Iben waħdieni tal-Missier”. Alla għamel lilu nnifsu d-dar magħna billi ħa l-laħam u sar bniedem u b’hekk id-dawl għeleb id-dlam. Naraw il-glorja ta’ Alla f’Ġesù, insiru wlied Alla. Filgħodu nhar il-Milied bħala familja nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan il-misteru tal-Inkarnazzjoni u tas-salvazzjoni li rċevejna għaliex Ġesù twieled fostna.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 1,1-18)

Fil-bidu kien il-Verb,
u l-Verb kien ma’ Alla,
u l-Verb kien Alla.
Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
Kollox bih sar,
xejn ma sar mingħajru;
kull ma sar kellu l-ħajja fih,
u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
Id-dawl jiddi fid-dlam,
imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
jismu Ġwanni.
Dan ġie bħala xhud,
biex jixhed għad-dawl,
biex bih kulħadd jemmen.
Ġwanni ma kienx id-dawl,
imma ġie biex jixhed għad-dawl,
dak id-dawl veru,
li jdawwal kull bniedem, 
huwa u ġej fid-dinja.

Kien fid-dinja,
u d-dinja saret bih, 
imma d-dinja ma għarfitux.
Ġie f’daru,
u niesu ma laqgħuhx.
Imma lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, 
dawk li jemmnu f’ismu,
li twieldu mhux bid-demm,
anqas mill-ġibda tal-ġisem,
u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu, 
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.
Ġwanni ta xhieda fuqu
meta għajjat u qal:
“Dan hu li għalih għedtilkom, 
‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, 
għax kien minn qabli.’ “
Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
grazzja fuq grazzja.

Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè
imma l-grazzja u l-verità 
seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.
Lil Alla għadu ħadd ma rah;
imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

1. Aqra l-istorja tal-Evanġelju sabiex tkun familjari magħha.
2. Irrifletti fuq dak li qed tgħidlek l-istorja tal-Evanġelju. Liema punti tenfasizza u għaliex?3. Ipprova sib ħin illum biex tiġbor bħala familja madwar il-presepju. Tkellem dwar ix-xena ma’ wliedek, sabiex ikunu jistgħu japprezzaw tassew it-twelid ta’ Kristu.
4. Flimkien nirringrazzjaw lil Alla għal dan il-misteru tal-Inkarnazzjoni u s-salvazzjoni li rċevejna għax Ġesù twieled fostna. Staqsi lilek innifsek jekk verament għandekx ħin u spazju għal Alla? Jista’ jidħol f’ħajtek? Isib spazju f’qalbi, jew imlejt l-ispazju kollu disponibbli fi ħsibijieti u fl-azzjonijiet tiegħi?
5. Flimkien mal-familja tiegħek sib il-ħin it-tajjeb biex taqra dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin, allura qabel tibda, ipprepara;
i. Il-qari tal-Bibbja minn San Ġwann (Ġw 1, 1-18)
ii. Il-Kuruna tal-Avvent, illum ixgħel ix-xemgħa l-bajda
iii. Għatti l-mejda bi dvalja bajda
iv. Kompjuter/laptop bil-qari u l-clips
6. Għaddi l-passi mat-tfal tiegħek (qed jiġu ssuġġeriti 2 gruppi ta’ età).
7. Ħossok liberu li tadatta għas-sitwazzjoni tiegħek.
8. Kun kreattiv 
9. Mur fis-sezzjoni Prayer Corner biex tkompli titlob bħala familja.

Illum huwa l-jum li fih niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù, il-Festa tal-Milied li aħna  niċċelebraw fil-25 ta’ Diċembru. Nixgħelu x-xemgħa bajda fuq il-girlanda tal-Avvent. Huwa l-bidu ta’ żmien speċjali fis-sena Liturġika tal-Knisja – “Iż-Żmien tal-Milied”. 

  • It-twelid ta’ Ġesù jissejjaħ ukoll “il-Milied” 
  • Niċċelebraw li Ġesù sar wieħed minna fil-ġisem. Għalkemm Hu Alla, Ġesù sar bniedem sħiħ b’kull mod (minbarra d-dnub)

• Paġna tat-tpenġija dwar il-Milied 
• Lapsijiet tal-kulur

L-Evanġelju tal-lum jgħallimna li Ġesù ġie f’din id-dinja biex ikun wieħed minna bħala bniedem u li Hu ġie bħala parti mill-pjan ta’ Alla biex isalvana mid-dnub tagħna. Hu l-Messija, dak li kien imwiegħed minn Alla li jsalvana. 

Huwa d-‘Dawl tad-Dinja,’ li jurina t-triq biex ngħixu ħajja tajba. Jekk nagħlqu għajnejna ma nistgħu naraw xejn. Peress li m’hemmx dawl, kollox mudlam. 

Biex nimxu bil-lejl hemm bżonn li nieħdu torch magħna biex inkunu nistgħu naraw it-triq u ma nintilfux. 

Fil-qari tal-lum hemm ħafna kliem li jiddeskrivi d-dawl u d-dlam iżda mhux qed jitkellem biss fuq dawl fiżiku jew dlam bħal meta nagħlqu għajnejna. Huma kliem li qed jiġu wżati biex jiddeskrivu ‘t-tajjeb’ u ‘l-ħażin.’ Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu ukoll dwar “il-Kelma” li tirreferi direttament għall-persuna ta’ Ġesù. Kull ħaġa li kienet jew għamlet il-Kelma huwa dak li kien jew għamel Ġesù. Nitgħallmu li Ġesù kien ma’ Alla fil-Ħolqien u li Hu s-sors tal-ħajja kollha, id-dawl li jurina kif nimxu fit-triq it-tajba u nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba. Ġesù jgħallimna li aħna wkoll nistgħu nkunu ‘dawl.’ Meta nafdaw lil Ġesù nimtlew bil-ferħ u nsiru bħal dwal għal nies oħra biex inressquhom lejn Alla. Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, u aħna tant imberkin li sar bniedem u għex fostna. Id-dawl tiegħu jegħleb id-dlam għax l-imħabba t’Alla għalina hija qawwija ħafna hija akbar mid-dnub. Ġesù għallimna kif inħobbu lil Alla billi nħobbu lil xulxin. F’dan il-jum speċjali (għeluq snin Ġesù), tista’ tiddi d-dawl tal-imħabba ta’ Alla billi tgħid kliem ġentili lil ħaddieħor u tgħidilhom dwar Ġesù. Għid xi ħaġa tajba lil xi ħadd fil-familja tiegħek illum u aqsam magħhom il-ferħ tat-twelid ta’ Ġesù.

Inroddu s-salib.

Ġesù, l-Iben ta’ Alla, twieled għalina. Ejja ejjew nadurawh, u nxerrdu d-dawl tiegħu mad-dinja. Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ipprova sib ftit minuti llum biex tagħti l-kulur lil dik it-tpinġija tal-Milied u oqgħod ħdejn il-presepju tiegħek id-dar u itlob permezz tat-talba li hawn hawnhekk biex tiċċelebra tassew it-twelid ta’ Ġesù. Tista’ ’tisma’ din il-kanzunetta; Mary’s Boy Child.

Introduzzjoni

Illum huwa jum speċjali ħafna fil-kalendarju Liturġiku: il-Festa tal-Milied li fih niċċelebraw il-misteru kbir li Alla sar bniedem u għammar fostna. Din tissejjaħ ukoll l-Inkarnazzjoni (mill-kelma carne li tfisser laħam. Ġesu’ sar bniedem bħalna tad-demm u l-laħam, minbarra d-dnub). Aħna nixgħelu x-xemgħa bajda fuq il-girlanda tal-Avvent, li tissimbolizza lil Ġesù bħala “d-dawl tad-dinja.”

  •  Il-misteru li nxandru fil-Milied hu li Alla, li ħalaq kollox mix-xejn u li hu d-dawl innifsu, sar bniedem biex jittrasformana. Huwa jissejjaħ Immanuel; ‘Alla-magħna.’
  • Paġna bit-tpenġija tal-familja mqaddsa fil-presepju
  • Lapsijiet tal-kulur

Il-Bibbja tgħidilna dak kollu li għandna bżonn inkunu nafu dwar it-twelid taʼ Ġesù. Hu twieled fi stalla f’Betlehem u ommu Marija “fisqietu u poġġietu f’maxtura għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.” Ma nafux id-dettalji kollha imma nafu li din il-familja Mqaddsa kellha bidu umli u bil-kwiet segwew il-pjan ta’ Alla.

L-Evanġelju ta’ Ġwanni jfakkarna li x-xbieha tal-bidu umli ta’ Ġesù li naraw fil-presepju hija dehra mill-aktar notevoli. Alla tant ħabbna li għamel lilu nnifsu d-dar tiegħu magħna billi ħa l-laħam u billi sar bniedem. X’inhuma xi wħud mill-affarijiet li l-Evanġelju ta’ Ġwanni jgħid li ġrawlna għax Ġesù ġie jgħammar fostna? Jgħid li d-dawl għeleb id-dlam u li nistgħu naraw il-Glorja ta’ Alla f’Ġesù u li kull min jemmen fih isir wild ta’ Alla.

Fil-bidu nett tal-Evanġelju taʼ Ġwanni, Ġesù jissejjaħ il-Kelma. Jibda billi jgħid “Fil-bidu kien il-Kelma,” Alla tana l-Kelma tiegħu u li l-Kelma tiegħu hija persuna: Ġesù Kristu. Fil-Vanġelu għall-Quddiesa tal-Milied matul il-ġurnata, nisimgħu lil Ġwanni jgħidilna dwar il-Kelma, dan hu Ġesù, li kien preżenti fil-Ħolqien. Naqraw l-istess kliem fil-Ġenesi li huwa l-ewwel Ktieb tal-Bibbja. Meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla mħabbra fil-Quddiesa, inkunu qed insiru nafu persuna, insiru nafu lil Ġesù.

Inroddu s-salib.

Missier, aħna mimlijin bid-dawl il-ġdid bil-miġja tal-Kelma tiegħek fostna. Grazzi għal dan ir-rigal mill-isbaħ, jalla d-dawl tal-fidi jiddi fi kliemna u għemilna llum u kuljum. Dan nitolbuh f’isem Sidna Ġesù Kristu, Ibnek, li jgħix u jsaltan miegħek u mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Amen
Sib ftit minuti llum biex tgħid din it-talba waqt li tħares lejn it-tarbija Ġesù mimduda fil-maxtura ġewwa l-presepju. Alla tant iħobbna li għamel lilu nnifsu tarbija fqira. Dan ma jġiegħlekx trid tħobbu aktar? Tista’ tipprintja il-paġna li għandha fuqha t-tpenġija tal-familja mqaddsa fil-presepju u tagħtiha l-kulur, waqt li tisma’ l-kanzunetta; What Child is this?

1. Fl-Evanġelju tal-lum, naqraw li xi ħadd partikolari kellu l-missjoni li jkun xhud tal-miġja tal-Mulej Ġesu' fid-dinja bħala bniedem. Min kien dan ir-raġel?

Correct! Wrong!

2. Ġesu', l-Iben t'Alla li ġie fid-dinja huwa deskritt f'dan l-Evanġelju bħala...

Correct! Wrong!

3. L-awtur tal-Evanġelju jgħidilna li l-grazzja u l-verita' seħħu permezz ta' Kristu iżda l-liġi, Alla taha lill-poplu tiegħu permezz ta'....

Correct! Wrong!

4. X'raw il-bnedmin skont dan l-Evanġelju, meta l-Verb sar bniedem u għammar fosthom?

Correct! Wrong!