Fil-parabbola tal-għaxar xebbiet, Ġesù jisħaq fuq il-bżonn li nkunu ppreparati għal meta niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ miegħu. Ħadd ma jaf meta ser tkun eżatt l-aħħar ġurnata ta’ ħajtu. Li nistgħu nagħmlu huwa li nippreparaw għaliha. Tisma’ l-aħbarijiet, tinduna li l-mewt ma teħlisha lil ħadd, ma hemmx età.
Ma’ liema xebbiet nistgħu nqabblu lilna nfusna? Ma’ dawk il-ħamsa l-għaqlin jew mal-ħamsa boloh? Forsi meta nisimgħu l-parabbola ngħidu: “Dejjem nisimgħu li għandna naqsmu dak li għandna. Il-ħames xebbiet għaqlin, għaliex ma tawx ftit miż-żejt tagħhom?” Ħemm raġuni partikolari għaliex dan ma setax isir.
Toħroġ x’ħin toħroġ, dejjem tara nies li biex iżommu ruħhom b’saħħithom joħorġu jimxu. Tara oħrajn jiġru. Jista’ jkun li dawn ma jagħmluhx hekk minħabba saħħithom, iżda wkoll bħala taħriġ għal xi maratona. Jista’ jkun li hemm membri tal-familja tagħna stess li jagħmlu dan. Meta tasal il-maratona, ma nistgħux immorru aħna minflokhom, anke jekk huma nies li huma qrib ħafna tagħna, anke jekk ta’ kuljum aħna għamilna l-istess rotta tagħhom bil-karozza! Ma nistgħux immorru għall-maratona għax m’aħniex ippreparati u lanqas dawk li huma ppreparati ma jistgħu jgħinuna, għax it-tħejjija li għamlu ma jistgħux jaqsmuha ma’ oħrajn. Bl-istess mod, ħaddieħor ma jistax jagħtina mill-fidi tiegħu. Li jista’ huwa, li bl-eżempju tiegħu, aħna ninbidlu u mil-lum nibdew nieħdu l-ħajja nisranija b’serjetà u impenn.
Aħna lkoll imsejħa biex nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, biex ngħixu ta’ vera nsara. Hemm min jieħu dan bis-serjetà, u jimpenja ruħu sew. Li jgħix ta’ nisrani, kuljum u kullimkien, hija prijorità f’ħajtu. Madanakollu hemm min jaħsibha differenti. Forsi, b’mod żbaljat naħsbu li għadna żgħar, għad baqagħlna biex immutu, għad baqa’ żmien biex nirranġaw is-sitwazzjoni. Allura ngħixu kif nixtiequ issa, u mbagħad aktar ‘l quddiem ikun għad baqa’ biżżejjed żmien biex nieħdu l-fidi tagħna bis-serjetà. Kif għedna, ħadd ma jaf meta ser tkun l-aħħar ġurnata tiegħu. U ngħiduha kif inhi, meta nkunu drajna ngħixu b’ċerta stil ta’ ħajja mhux lakemm tibdilha. Nieħdu d-dieta per eżempju. Kemm minna nibdew dieta u malajr naqtgħu qalbna, għax drajna nieklu li rridu u x’ħin irridu. L-istess nistgħu ngħidu għat-tipjip, tisma’ lil min jgħidlek, nista’ nieqaf inpejjep meta rrid, imma lkoll nafu li dan mhux vera. Dan jiġri wkoll fil-ħajja spiritwali tagħna, jekk din mhijiex prijorità illum, għada ser insibuha aktar diffiċli.
Ġesù qiegħed jgħidilna biex nilqgħuh kuljum. Il-ħajja mgħaġġla li ngħixu tista’ taljenana minn dak li hu verament importanti. U minħabba f’dan nitilfu l-opportunitajiet li Ġesù joffrielna ta’ kuljum, li narawh f’dawk ta’ madwarna u fil-bżonnijiet tagħhom. Ma nindunawx li hu qiegħed magħna fid-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja tagħna. Ma nagħmlux ħin biex kuljum niltaqgħu miegħu fit-talb.
Ġesù jħallina fil-libertà biex nagħżlu. Irridu nindunaw bl-istediniet li jagħmlilna. Inkunu bħax-xebbiet għaqlin u nagħżlu li nħobbu lill-oħrajn, li naqdu lill-oħrajn. Bħala ġenituri nibdew mill-familja tagħna stess. U fuq kollox nagħmlu ħin għat-talb kemm dak personali u anke flimkien bħala familja. Niftakru wkoll, li familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.