Ħello tfal!
Wasalna fl-aħħar jiem ta’ żmien il-Milied u żgur li ħafna minna ħadna gost naraw id-dwal sbieħ u kkuluriti fi djarna u fit-toroq. Kif taħseb li tħossok meta tkun għaddej minn triq u jmur id-dawl? L-atmosfera ta’ blackout tkun ferm differenti F’mument bħal dan, ġieli ftakart f’min hu nieqes mid-dawl?
Fl-4 ta’ Jannar jaħbat għeluq snin Louis Braille li kien edukatur Franċiż li għex fis-seklu dsatax. Louis tilef id-dawl t’għajnejh meta kellu tliet snin f’inċident sfortunat. Bħal ħafna tfal, kien imur l-iskola u xtaq li jmur tajjeb fl-istudju imma dak iż-żmien ma tantx kien hemm għajnuniet għal min kien nieqes mid-dawl. Meta kien student fis-Sekondarja, ħareġ bl-idea tal-Braille li jġib ismu stess. Din hi sistema fejn persuna nieqsa mid-dawl tkun tista’ tikteb u taqra. Bħal Ġesu’, Louis kien dawl għall-oħrajn.
Il-Prayer Space tal-lum jisimha Dawl fid-Dlam u għaliha għandna bżonn:
Ħares ftit lejn l-alfabett bil-Braille online jew fuq il-handout. Issa fuq il-handout il-ħadra hemm messaġġ miktub bil-Braille. Taħt kull ittra bil-Braille, ikteb l-ittra tal-alfabett biex issib u taqra dan il-messaġġ.
Aħseb f’xi ħadd nieqes mid-dawl. B’liema mod taħseb li tista’ tkun ta’ għajnuna għalih?
Aqra dan il-messaġġ fil-kwiet filwaqt li toffri lil Alla dak kollu li ħassejt u ħsibt waqt li qed tagħmel din l-attivita’.
Saħħa! Sakemm nerġgħu niltaqgħu.