Ix-xhieda

It-Tielet Ħadd tal-Avvent Sena B

Il-lum niċċelebraw it-tielet Ħadd tal-Avvent. Dan il-Ħadd nixgħelu x-xemgħa r-roża u nsejħulu ‘Ħadd il-Gaudete’ jew Ħadd il-Ferħ. Għalkemm minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu fihom bħalissa, wieħed ma tantx qiegħed iħoss ferħ ġo fih, il-messaġġ tal-lum jibqa’ wieħed li jrid inissel it-tama u jagħti l-ferħ. Fil-qari u talb tal-lum, il-kelma ferħ ser tkun irrepetuta numru ta’ drabi. Qegħdin nifirħu għax il-festa tal-Milied qegħda fil-qrib. Nifirħu ħafna aktar għax Alla sar l-Għimmanu-el, Alla huwa magħna, qiegħed jimxi magħna anke f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza, mard u diffikultajiet. Nifirħu għax hu x’inhu ż-żmien, Alla sar bniedem, Alla jħobbna, Ġesù huwa dak li jkeċċi d-dlamijiet l-aktar suwed mill-ħajja tagħna u minflok jimliena bit-tama, imħabba, ferħ u paċi. Nifirħu għax Ġesù salvana.

L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar id-dawl. Ġesù huwa d-dawl tagħna, huwa wkoll issimbolizzat fix-xemgħat tal-girlanda. Aktar ma nersqu qrib tal-Milied, aktar qed jinxtegħlu xemgħat, aktar jinxtegħel dawl fit-toroq u fid-djar, fil-ħwienet u fil-postijiet tax-xogħol, allura aktar hemm dawl. Aktar ma nersqu qrib ta’ Ġesù, aktar ser inkunu ċari f’dak li hu mistenni minna, it-triq tagħna ma tibqax mudlama, imma mdawwla bid-dawl ta’ Kristu.

Il-lum il-qari jerġa jlaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista. Qegħdin jistaqsuh min hu. Ġwanni seta’ wieġeb u qalilhom li kien Elija, jew profeta, jew anke l-Messija. Kieku ried seta’ jieħu l-unur ta’ xi ħadd minn dawn u jgħid li kien wieħed minnhom. Xi drabi aħna naqgħu f’din in-nassa li nieħdu l-prosit ta’ xi ħaġa li ma kinetx tagħna. Id-dinja tagħti unuri lil dawk li jirnexxu u li jagħmlu isem għalihom infushom. Id-dinja ftit tagħti kas ta’ kif wieħed kiseb is-suċċess. Alla differenti. Għal Alla aħna kollha importanti u speċjali. Alla uriena kemm-il darba li anke dawk li f’għajnejn ħaddieħor jistgħu ikunu insinjifikanti, għalih, huma speċjali. Jekk inħarsu biss lejn l-istorja tal-Milied, kienu ir-rgħajja, nies sempliċi, u mwarrba il-persuni ewlenin li rċevew l-aħbar mingħand l-anġli. David ukoll kien ragħaj, u għax ħalla lil Alla jmexxih, David sar re kbir.

David għamel żbalji f’ħajtu, imma għaraf dak li kien l-aktar importanti. Mhux is-saltna ta’ din l-art kienet l-aktar importanti, lanqas il-kliem fieraħ tan-nies ta’ madwaru, imma dak li ried Alla minnu, għalhekk meta għaraf l-iżbalji tiegħu, nidem u kompla dak li ried Alla. 

Ġwanni ma fittixx unuri, speċjalment dawk li ma kienux tiegħu. Minflok ħalla lil Alla jużah. U dan wassal biex Ġesù jfaħħru u jgħid, “Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.”  (Mt 11, 11)

Ġieli nisimgħu l-kelma dixxerniment. Tfisser li wieħed ikun jaf jagħżel bejn ħaġa u oħra. Li wieħed jifli sew is-sitwazzjoni quddiemu u jagħraf jekk dik il-ħaġa hijiex tajba għalih, hijiex għażla aħjar minn oħra. Imbagħad hemm dixxerniment spiritwali, fejn wieħed jagħmel għażla u jieħu deċiżjonijiet, skont ir-rieda ta’ Alla. Iħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxih fl-għażliet tiegħu, iħalli lil Ġesù jkun id-dawl tat-triq tiegħu. Ikun hemm drabi fejn minbarra t-talb, ikollna bżonn ta’ għajnuna oħra, biex naslu li nieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Is-saċerdot li mmorru nqerru għandu, jew id-direttur spiritwali tagħna, jgħin u jiggwidana f’dan ir-rigward.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 1, 6-8.19-28) 

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.

Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Lil Ġwanni staqsewh “Inti min int?” Kieku xi ħadd kellu jagħmillek din il-mistoqsija, kif ser twieġeb? Ir-relazzjoni tiegħek ma’ Ġesù ser tkun parti mit-tweġiba tiegħek? Tiddeskrivi lilek innifsek bħala nisrani/nisranija?
  4. Ġesù huwa d-dawl li jmexxik?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (1, 6-8.19-28);
    ii. Girlanda tal-Avvent, jinxtegħlu żewġ xemgħat vjola u x-xemgħa r-roża;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Wasalna fit-tielet Ħadd tal-Avvent. Il-lum nixgħelu t-tielet xemgħa tal-girlanda, ix-xemgħa r-roża. Jekk nitfu d-dawl tal-kamra, u nixgħelu xemgħa waħda, ikollna ftit dawl, jekk nixgħelu t-tliet xemgħat għandna aktar dawl. L-effett tal-preżenza ta’ Ġesù jixbaħ l-effett li jħallu dawn ix-xemgħat. Meta nkunu fid-dlam, Ġesù jagħtina d-dawl biex naraw sew fejn qegħdin. Fid-dlam, aħna ġieli nibżgħu, iżda meta nixgħelu d-dawl, ma nibqgħux nibżgħu. Hekk ukoll meta nkunu ma’ Ġesù, aħna ma nibżgħux għax nafu li hu jħobbna u jgħinna, u qatt ma jħallina waħedna. Fil-Milied nixgħelu l-erba’ xemgħat u oħra kbira bajda fin-nofs biex nuru li Ġesù, jagħtina d-dawl u jurina t-triq. Fl-Evanġelju tal-lum, nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista u ser jgħidilna li Ġesù huwa d-dawl tad-dinja.

  • Ġesù huwa bħad-dawl. 
  • Meta nkunu fid-dlam, aħna nistgħu nibżgħu, imma meta nkunu fid-dawl, inħossuna aħjar. 
  • Meta nkunu ħbieb ma’ Ġesù, aħna nkunu ferħanin
  • Mobiles, xemgħat u sulfarini

Noqgħodu f’kamra li kemm jista’ jkun tkun mudlama meta nitfu d-dawl u nagħlqu t-twieqi.

Kif qegħdin tħossukom fid-dlam?

Jekk inti għandek bżonn xi ħaġa minn din il-kamra, tista’ taraha? Jew issibha?

Xi ħadd jixgħel mobile jew xemgħa.

Issa li hawn ftit dawl, aħjar?

X’differenza hemm bejn post fid-dlam u post bi ftit dawl?

Ġesù, huwa bħal dan id-dawl. Hu jkeċċi d-dlam. Meta konna fid-dlam, ma stajniex naraw sew. Bid-dawl stajna naraw l-affarijiet ta’ madwarna. Ġesù, huwa d-dawl li jmexxina fit-triq it-tajba. Li nimxu fit-triq it-tajba jfisser li aħna nagħmlu għażliet tajba. Ifisser li aħna nagħmlu dawk l-affarijiet li jixtieq Ġesù. 

Jekk jien niġġieled ma’ oħti/ħija, inkun qed nagħmel dak li jixtieq Ġesù? Inkun ferħan/a meta niġġieled?

Jekk jien nilgħab ma’ oħti/ħija, inkun qed nagħmel dak li jixtieq Ġesù? Inkun ferħan/a meta nilgħab mal-oħrajn?

Jekk jien ngħin lill-mama u lill-papa waqt li qegħdin isajru l-ikel, inkun qed nagħmel dak li jixtieq Ġesù? Inkun ferħan/a meta ngħin lill-mama u lill-papa?

Kont qed nilgħab mal-kelb u konna qegħdin niġru wara xulxin u lqatt il-pjanta, waqgħet u nkisret. Meta l-mama staqsiet min waqqagħha, għidt li kien il-kelb. Issa, inkun qed nagħmel dak li jixtieq Ġesù?? Inkun ferħan/a meta nigdeb?

Mela meta nagħmel dak li jixtieq Ġesù, inkunu aktar ferħanin. Meta Ġesù jkun id-dawl tagħna, aħna nkunu aktar ferħanin.

Kulħadd jingħata mobile jew xemgħa, u jinxtegħlu (noqgħodu attenti mit-tfal iż-żgħar u x-xemgħat f’idejhom). 

Issa hawn aktar dawl?

Meta aħna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, aħna nkunu qisna qegħdin nagħmlu aktar dawl madwarna. Flimkien ma’ Ġesù, aħna nkunu dawl għall-oħrajn. Inkunu qegħdin inwasslu lill-oħrajn biex ikunu ħbieb ta’ Ġesù.

X’nistgħu nagħmlu biex naqsmu dan id-dawl ta’ Ġesù mal-oħrajn? (ngħinu, inkunu qalbna tajba, naqsmu dak li għandna, inkunu ħbieb mal-oħrajn)

Irroddu s-salib.

Ġesù, il-lum xegħelna t-tielet xemgħa tal-girlanda. Dalwaqt il-Milied! Ġesù għinna biex meta naraw it-tiżjin tal-Milied, id-dawl fil-girlanda, fil-Christmas Tree, fit-twieqi u fit-toroq, dawn ifakkruna li inti bħad-dawl. Meta aħna nkunu fid-dawl ma nibżgħux. Lanqas meta nkunu miegħek Ġesù, aħna ma nibżgħux. Ġesù, aħna rridu li inti tkun id-dawl li tmexxina fit-triq it-tajba.

Flimkien, nisimgħu, inkantaw u nagħmlu l-actions ta’ Light of the world.

Fl-Evanġelju tal-lum ser nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista. Alla bagħat lil Ġwanni l-Battista biex jipprepara lin-nies għal meta jiltaqgħu ma’ Ġesù. Lil Ġesù, Ġwanni jiddeskrivih bħala d-dawl tad-dinja.

  • Id-dwal tal-Milied ifakkruna li Ġesù huwa d-dawl fit-triq tagħna

  • Mera
  • Mobile jew torċ

Dalwaqt wasal il-Milied. Il-lum xegħelna t-tielet xemgħa tal-girlanda tal-Avvent. Kullimkien, id-dar, fit-toroq, u fil-ħwienet, hemm ħafna tiżjin bid-dawl. Dawn sbieħ ħafna u jagħmlu atmosfera sabiħa wkoll. Imma ma rridux ninsew għalfejn hawn dan id-dawl kollu. L-Evanġelju tal-lum, jgħidilna eżatt x’qegħdin niċċelebraw. Il-Milied mhuwiex it-tiżjin u rigali. Il-Milied huwa t-twelid ta’ Ġesù. Ġesù, kif jgħidilna Ġwanni l-Battista, huwa d-dawl tad-dinja. 

Bħal dawl fit triq, li jgħinna naraw fejn aħna mexjin, Ġesù jurina kif għandna ngħixu. Hu jitfa’ d-dawl fuq l-għażliet li għandna nagħmlu. Jagħtina d-dawl biex ma naqbdux triq b’oħra. It-triq li jdawwal Ġesù, twassalna għandu. Meta nkunu ma’ Ġesù, aħna ser ikollna l-ferħ u l-paċi f’qalbna. 

Dan il-ferħ li għandna meta aħna qrib ta’ Ġesù, ma għandniex inżommuh għalina biss. Bħal Ġwanni rridu nwassluh għand l-oħrajn. Fl-istess ħin, bħal Ġwanni wkoll, ma għandniex nagħmlu affarijiet tajba biex nidhru kemm aħna bravi u jfaħħruna n-nies, lanqas ma noqgħodu bravi, biex naqilgħu xi rigal. Nagħmlu t-tajjeb, għax nafu li dak huwa dak li Ġesù jixtieqna nagħmlu. Nagħmlu t-tajjeb, għax inħobbu lil Ġesù. Nagħmlu t-tajjeb għax qegħdin inħallu lil Ġesù jkun id-dawl li jmexxina.

Xi ħadd mit-tfal iżomm il-mera. Xi ħadd ieħor juża t-torċ (tista’ tkun it-torċ tal-mobile) u jitfa’ d-dawl fuq il-mera.

X’qiegħed jiġri meta d-dawl jaħbat mal-mera? (id-dawl jiġi rifless fuq xi ħaġa jew fuq xi ħadd ieħor). 

Jekk tmexxi l-mera, x’jiġri? (ir-rifless tad-dawl jimxi minn post għall-ieħor)

Min hu s-sors tad-dawl? (it-torċ u mhux il-persuna li għandna l-mera)

Min għandu l-mera, mhuwiex id-dawl iżda qiegħed juża l-mera biex iwassal id-dawl għand ħaddieħor. L-Evanġelju tal-lum, jgħidilna li mhux Ġwanni kien id-dawl, imma Ġesù. Ġwanni kien bħal min qiegħed iżomm il-mera. Hu kien iwassal lil Ġesù għand l-oħrajn. U hekk irridu nagħmlu aħna wkoll. Irridu nkunu bħal Ġwanni. 

X’nistgħu nagħmlu biex bħal Ġwanni, inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn? (ngħinu, noqgħodu ma’ xi ħadd li hu mdejjaq biex nagħmlulu kuraġġ, nitolbu, naħfru lill-oħrajn, nitolbu skuża meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, naqsmu dak li għandna ma’ min hu fil-bżonn)

Meta aħna nagħmlu dawn l-għażliet tajbin, il-ħbieb tagħna jibdew jagħmlu bħalna.

Lilna, min jgħinna biex nagħmlu għażliet tajbin? (Ġesù – qari mill-Bibbja, ġenituri, katekisti, għalliema, ħbieb)

Inroddu s-salib

Ġesù, inti tħobbna ħafna. Inti tixtieq dak li hu tajjeb għalina. Inti trid li nagħżlu dak li tixtieq inti, għax taf li meta nagħmlu dan, aħna nkunu ferħana u jkollna l-paċi f’qalbna. Ġesù, inti trid tkun dak li tagħti d-dawl lit-triq tagħna. Agħtina l-għerf u l-kuraġġ biex nimxu fid-dawl tiegħek.

Nisimgħu u nkantaw, He is the light.

Fl-Evanġelju tal-lum, issemmiet ukoll il-magħmudija. Fil-magħmudija jsiru xi mistoqsijiet dwar dak li nemmnu. Dawn il-mistoqsijiet jerġgħu isirulna fil-Vġili tal-Għid u b’mod speċjali waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma.  Illum, flimkien ser inwieġbu dawn il-mistoqsijiet u hekk nistqarru dak li nemmnu.

Tiċħad lix-xitan?  Iva niċħad.
Tiċħad l-egħmil kollu tiegħu? Iva niċħad.
Tiċħad it-tlellix fieragħ kollu tiegħu? Iva niċħad.
Temmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox li ħalaq is-sema u l-art? Iva nemmen.
Temmen f’Ġesù Kristu, Sidna, l-Iben waħdieni tiegħu, li twieled minn Marija Verġni, u bata u miet u difnuh, qam minn bejn l-imwiet qiegħed fil-lemin tal-Missier? Iva nemmen.
Temmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Knisja Mqaddsa Kattolika, ix-Xirka tal-Qaddisin, il-maħfra tad-dnubiet, il-qawma tal-Imwiet, u fil-ħajja ta’ dejjem? Iva nemmen.
U Alla li jista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, li nissilna mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu u tana wkoll il-maħfra ta’ dnubietna, iħarisna bil-grazzja tiegħu f’Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, insibu l-figura ta' Ġwanni l-Battista li ġie biex...

Correct! Wrong!

2. Lil Ġwanni staqsewh jekk huwiex wieħed mill-profeti. Lil min semmewlu fost il-profeti?

Correct! Wrong!

3. Ġwanni qal lill-Fariżej li l-mibgħut ta' Alla, li kien aqwa minnu, u li kellu jżur il-poplu, kien....

Correct! Wrong!

4. Għal min kien qiegħed jirreferi Ġwanni meta tkellem dwar dak li kellu jiġi?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.