L-Evanġelju tal-lum ser jerġa’ jfakkarna fl-imħabba u l-ħniena abbundanti u mingħajr limiti li Alla għandu għalina. Xi Ħdud ilu konna smajna l-miraklu li Ġesù għamel f’Kana. Meta Ġesù bidel l-ilma f’inbid, ma bidilx kemm l-għarajjes ma jaqgħux wiċċhom l-art man-nies, iżda pprovda ħafna aktar inbid milli kien hemm bżonn. Dak li pprovda ma kienx inbid kwalunkwe, iżda inbid mill-aqwa. Illum ser nisimgħu xi ħaġa simili. Wara lejl jistadu, Pietru u sħabu, ma kienu qabdu xejn. Filgħodu jingħaqad magħhom Ġesù, jistaqsihom biex jerġgħu jitfgħu ix-xbiek u l-ammont tal-ħut li qabdu fix-xbiek ma setgħux itellgħuh waħedhom! Din l-abbundanza ta’ ħut hija l-ewwel nett simbolu tal-imħabba li Alla għandu għalina, u turi wkoll l-ammont ta’ għajnuna li lest jagħtina jekk nafdaw fih.
Illum nisimgħu kif Ġesù sejjaħ lill-ewwel appostli biex imorru miegħu. Din l-istess sejħa jagħmilha lilna wkoll.
Ġesù ltaqa’ ma’ Pietru u sħabu f’ambjent familjari għalihom: il-post tax-xogħol tagħhom. Kemm Pietru u anke n-nies, kienu diġà ltaqgħu jew semgħu dwar Ġesù. Dan nafuh mill-ġrajjiet ta’ qabel din u anke għall-fatt li San Luqa jgħid li “kotra bdiet tross fuq Ġesù.” Bl-istess mod, Ġesù jiltaqa’ magħna fil-familja, waqt ix-xogħol u fir-rutina ta’ kuljum. Dan mhux kollox. Pietru kien sajjied tas-sengħa, xogħolu kien jafu sew. Ġesù, li ma kienx sajjied, jistaqsi lil Pietru biex joħroġ id-dgħajsa fil-fond u jitfa’ x-xbiek. Dan ma kienx ħin li tistad! Is-sajd kien isir mal-lejl. Iżda Pietru, x’aktarx b’dubji kbar iżda fl-istess ħin b’umiltà, jagħmel dak li qallu Ġesù. Pietru ħa riskju u ġie ppremjat bil-kbir. Ġesù mhux dejjem jistaqsi minna dak li hu ovvju u komdu. Ħafna drabi rridu nafdaw fih, għax dak li jistaqsina nagħmlu, ma nkunux nafu fejn ser iwassal. Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù, jitlob minna sagrifiċċju. Pietru u sħabu, kienu għamlu lejl jitħabtu u ma qabdu xejn. Issa li qabdu dak il-ħut kollha, ħallew kollox hemm, fuq ix-xatt u marru wara Ġesù! Mhux faċli li timxi wara Ġesù, kif jgħidilna San Pawl, “aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1, 23).
L-ammont ta’ ħut maqbud jgħallimna wkoll. L-ewwel ħaġa hija l-bżonn tal-oħrajn. Pietru ma setax itella’ dik il-qabda ħut waħdu, kellu bżonn l-għajnuna. Anke aħna, mhux mistennija li nimxu din il-mixja nisranija waħedna. Il-Knisja toffrielna ħafna għajnuna, permezz tas-sagrament, tal-komunità tal-parroċċa tagħna, il-laqgħat ta’ tagħlim li jsiru, id-diretturi spiritwali li toffri u tant riżorsi u opportunitajiet oħra. Il-pass irridu noħduh aħna. Bħala ġenituri, din il-ġrajja turina wkoll ir-responsabbiltà li għandna għall-formazzjoni ta’ wliedna. It-tfal ma jikbrux fil-fidi waħedhom. Huma ser jitgħallmu mill-adulti madwarhom, jitgħallmu l-aktar minn dawk l-aktar qrib tagħhom. Niftakru fil-wegħda li għamilna meta ressaqna lit-tfal għall-magħmudija. Aħna wiegħdna li ser intellgħuhom fil-fidi nisranija.
Nafu wkoll li meta sajjied itella’ x-xibka bil-ħut, ikun hemm minn kollox, ħut żgħir u ieħor kbir, ħut tajjeb għall-ikel u ieħor li mhuwiex. Ġesù ma jagħżilx. Ġesù jrid jasal għand kulħadd, għandna kemm għandna żmien u għamilna x’għamilna f’ħajjitna … ix-xibka tefgħahielna. Irridu ninqabdu fiha? Dan il-messaġġ li Ġesù jrid jiltaqa’ magħna, aħna min aħna, hu rifless ukoll fl-għażla ta’ Pietru. Pietru jiddikjara lilu nnifsu bħala midneb, ma jħossux denju li jkun qrib ta’ Ġesù. Minflok Ġesù jistiednu biex isir jafu aktar u jwiegħedu li għad jafdalu f’idejh responsabbiltà kbira … li jkompli l-missjoni tiegħu. Kemm fil-fatt nixbħuh lil Pietru! Aħna lkoll midinbin, iżda Ġesù fdana, jekk mhu xejn, bil-familja tagħna. Għalhekk, aħna responsabbli li nwasslu l-ewwel u qabel kollox, lit-tfal u lill-familja tagħna għand Ġesù.