Fil-fond

Il-Ħames Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

L-Evanġelju tal-lum ser jerġa’ jfakkarna fl-imħabba u l-ħniena abbundanti u mingħajr limiti li Alla għandu għalina. Xi Ħdud ilu konna smajna l-miraklu li Ġesù għamel f’Kana. Meta Ġesù bidel l-ilma f’inbid, ma bidilx kemm l-għarajjes ma jaqgħux wiċċhom l-art man-nies, iżda pprovda ħafna aktar inbid milli kien hemm bżonn. Dak li pprovda ma kienx inbid kwalunkwe, iżda inbid mill-aqwa. Illum ser nisimgħu xi ħaġa simili. Wara lejl jistadu, Pietru u sħabu, ma kienu qabdu xejn. Filgħodu jingħaqad magħhom Ġesù, jistaqsihom biex jerġgħu jitfgħu ix-xbiek u l-ammont tal-ħut li qabdu fix-xbiek ma setgħux itellgħuh waħedhom! Din l-abbundanza ta’ ħut hija l-ewwel nett simbolu tal-imħabba li Alla għandu għalina, u turi wkoll l-ammont ta’ għajnuna li lest jagħtina jekk nafdaw fih.

Illum nisimgħu kif Ġesù sejjaħ lill-ewwel appostli biex imorru miegħu. Din l-istess sejħa jagħmilha lilna wkoll. 

Ġesù ltaqa’ ma’ Pietru u sħabu f’ambjent familjari għalihom: il-post tax-xogħol tagħhom. Kemm Pietru u anke n-nies, kienu diġà ltaqgħu jew semgħu dwar Ġesù. Dan nafuh mill-ġrajjiet ta’ qabel din u anke għall-fatt li San Luqa jgħid li “kotra bdiet tross fuq Ġesù.” Bl-istess mod, Ġesù jiltaqa’ magħna fil-familja, waqt ix-xogħol u fir-rutina ta’ kuljum. Dan mhux kollox. Pietru kien sajjied tas-sengħa, xogħolu kien jafu sew. Ġesù, li ma kienx sajjied, jistaqsi lil Pietru biex joħroġ id-dgħajsa fil-fond u jitfa’ x-xbiek. Dan ma kienx ħin li tistad! Is-sajd kien isir mal-lejl. Iżda Pietru, x’aktarx b’dubji kbar iżda fl-istess ħin b’umiltà, jagħmel dak li qallu Ġesù. Pietru ħa riskju u ġie ppremjat bil-kbir. Ġesù mhux dejjem jistaqsi minna dak li hu ovvju u komdu. Ħafna drabi rridu nafdaw fih, għax dak li jistaqsina nagħmlu, ma nkunux nafu fejn ser iwassal. Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù, jitlob minna sagrifiċċju. Pietru u sħabu, kienu għamlu lejl jitħabtu u ma qabdu xejn. Issa li qabdu dak il-ħut kollha, ħallew kollox hemm, fuq ix-xatt u marru wara Ġesù! Mhux faċli li timxi wara Ġesù, kif jgħidilna San Pawl, “aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1, 23).

L-ammont ta’ ħut maqbud jgħallimna wkoll. L-ewwel ħaġa hija l-bżonn tal-oħrajn. Pietru ma setax itella’ dik il-qabda ħut waħdu, kellu bżonn l-għajnuna. Anke aħna, mhux mistennija li nimxu din il-mixja nisranija waħedna. Il-Knisja toffrielna ħafna għajnuna, permezz tas-sagrament, tal-komunità tal-parroċċa tagħna, il-laqgħat ta’ tagħlim li jsiru, id-diretturi spiritwali li toffri u tant riżorsi u opportunitajiet oħra. Il-pass irridu noħduh aħna. Bħala ġenituri, din il-ġrajja turina wkoll ir-responsabbiltà li għandna għall-formazzjoni ta’ wliedna. It-tfal ma jikbrux fil-fidi waħedhom. Huma ser jitgħallmu mill-adulti madwarhom, jitgħallmu l-aktar minn dawk l-aktar qrib tagħhom. Niftakru fil-wegħda li għamilna meta ressaqna lit-tfal għall-magħmudija. Aħna wiegħdna li ser intellgħuhom fil-fidi nisranija.

Nafu wkoll li meta sajjied itella’ x-xibka bil-ħut, ikun hemm minn kollox, ħut żgħir u ieħor kbir, ħut tajjeb għall-ikel u ieħor li mhuwiex. Ġesù ma jagħżilx. Ġesù jrid jasal għand kulħadd, għandna kemm għandna żmien u għamilna x’għamilna f’ħajjitna … ix-xibka tefgħahielna. Irridu ninqabdu fiha? Dan il-messaġġ li Ġesù jrid jiltaqa’ magħna, aħna min aħna, hu rifless ukoll fl-għażla ta’ Pietru. Pietru jiddikjara lilu nnifsu bħala midneb, ma jħossux denju li jkun qrib ta’ Ġesù. Minflok Ġesù jistiednu biex isir jafu aktar u jwiegħedu li għad jafdalu f’idejh responsabbiltà kbira … li jkompli l-missjoni tiegħu. Kemm fil-fatt nixbħuh lil Pietru! Aħna lkoll midinbin, iżda Ġesù fdana, jekk mhu xejn, bil-familja tagħna. Għalhekk, aħna responsabbli li nwasslu l-ewwel u qabel kollox, lit-tfal u lill-familja tagħna għand Ġesù.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa  (Lq 5, 1-11)

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Wara lejl jistad Pietru ma kien qabad xejn, kien għajjien u qata’ qalbu. X’qiegħed itaqqlek u jaqtagħlek qalbek bħalissa? Pietru żgur li kien jifhem fis-sajd, ħafna aktar minn Ġesù, imma jafda fih u jagħmel dak li jistaqsih. Tista’ inti wkoll, iddur lejn Ġesù u tħallih imexxik hu?
  4. Li tkun nisrani hija riskju, mhijiex sejħa ta’ ħajja komda. Lil Pietru, Ġesù jistaqsih joħroġ il-barra, fil-fond. Inti x’ser tagħmel? Lest/a li toħroġ fil-fond, fejn qed jibgħatek Ġesù, jew trid tibda max-xatt? 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i.Bibbja bil-qari minn San Luqa (5, 1-11)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom qatt mortu tistadu? Qatt rajtu lil xi ħadd jistad? Illum niltaqgħu ma’ Ġesù fuq dgħajsa, flimkien ma’ Xmun s-sajjed u sħabu.

  • Meta nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, aħna nkunu ferħanin
  • Printout tal-attività fuq kartonċina bajda
  • Kuluri 
  • Gloj
  • Imqass
  • Kaxxa d-daqs tal-ħut, miksija b’karta blu
  • Xibka tal-frott jew tal-ħaxix
  • Paper clips
  • Qasba qasira
  • Spaga
  • Kalamita

Ġesù kien għalliem tajjeb, u ħafna nies riedu jisimgħu dak li kellu xi jgħid. L-Evanġelju tal-lum jirrakkonta li tant marru nies jisimgħu lil Ġesù, li biex jarah kulħadd, rikeb fuq dgħajsa u qagħad jgħallem minn fuqha.

Wara li spiċċa, tiftakru x’għamel? (staqsa lil Xmun biex joħroġ id-dgħajsa aktar il-barra, fil-fond)

Għalfejn riedu jagħmel hekk? (biex jistadu)

Xmun u sħabu, kemm kienu ilhom jippruvaw jaqbdu l-ħut? (lejl sħiħ)

Kemm kienu qabdu ħut? (xejn)

Xmun obdieh lil Ġesù? (iva)

X’ġara wara li Xmun obda lil Ġesù u tefa’ x-xbiek fil-baħar? (qabdu ħafna ħut)

Taħseb li Xmun kien ferħan b’dan il-ħut kollu?

Dak in-nhar Xmun tant qabad ħut, li ma setax itellgħu kollu fid-dgħajsa tiegħu, kellu bżonn l-għajnuna tas-sajjieda l-oħra! Xmun qatt ma ħaseb li ser jaqbad daqstant ħut, speċjalment meta wara lejl sħiħ, lanqas kien irnexxielu jaqbad ħuta waħda.

Wara li qabdu dan il-ħut kollu; Ġesù, x’qallu lil Xmun? (qallu li issa minflok ħut ser jibda jaqbad in-nies!!)

X’taħsbu li ried ifisser Ġesù?

Meta Ġesù lil Xmun qallu li ser jibda jaqbad lin-nies, ried jgħidlu, li aktar ’l quddiem, hu kien ser jgħallem lin-nies dwaru stess. Xmun kien ser jaqbad lin-nies biex isiru jafu lil Ġesù u jsiru ħbieb tiegħu. 

Lilna wkoll, Ġesù jridna naqbdu lin-nies … mhux ser immorru nistadu u naqbduhom bil-qasba iżda naqbduhom meta nħobbuhom, meta ngħinuhom, meta aħna nġibu ruħna bħal Ġesù.

Fl-attività tal-lum, għandkom erba’ ħutiet. Agħtuhom il-kulur. Għandkom ukoll erba’ affarijiet li tistgħu tagħmlu, bħal tgħinu lill-ġenituri. Bl-għajnuna tal-ġenituri, aqtgħu l-ħut u dawn l-erba’ affarijiet li tistgħu tagħmlu. Waħħlu waħda fuq wara ta’ kull ħuta. Ma’ kull ħuta poġġu paper clip. Poġġu l-ħut fil-kaxxa, u l-kaxxa poġġuha ġox-xibka. Aqbdu l-qasba, f’tarf minnhom orbtu l-ispaga u fit-tarf tal-ispaga, waħħlu l-kalamita. Poġġu l-qasba ħdejn il-kaxxa tal-ħut. Kuljum morru stadu u aqbdu waħda mill-ħut, u għamlu dak li hemm miktub. Il-ħuta erġgħu għamluha fil-kaxxa. (nota lill-ġenituri: jekk tridu, tistgħu żżidu aktar eżempji (u ħut) li jistgħu jagħmlu t-tfal)

Waqt li qegħdin tlestu din l-attività, isimgħu, I will make you fishers of men.

Inroddu s-salib.

Ġesù, jien irrid inkun bħal Xmun. Jien irrid inkun ħabib/a tiegħek u nobdik. Għinni biex nafda fik u nagħmel dak li tixtieq inti. Grazzi Ġesù ta’ dawk kollha li jgħallmuna dwarek. Ammen.

Introduzzjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, ser naraw lil Ġesù jsejjaħ lill-ewwel dixxipli tiegħu, wara li jagħmel miraklu kbir.

  • printout tal-attività fuq kartonċina
  • kuluri
  • imqass
  • spaga
  • lapes 
  • paper puncher
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Lapes/kuluri
  • Imqass/gloj

Intom qatt mortu tistadu? Jew qatt rajtu lil xi ħadd jistad?

Kif taħsbu li kien qiegħed iħossu Xmun Pietru, wara li għamel lejl sħiħ jistad u ma qabad xejn?

Xmun Pietru kien sajjied tas-sengħa. Is-sajd kien ix-xogħol tiegħu.  X’taħsbu li ħaseb, meta Ġesù, li ma kienx sajjied, qallu joħroġ ‘l barra bid-dgħajsa u jerġa’ jistad?

Fl-Evanġelju tal-lum, smajna kif  darba waħda Ġesù tela’ fuq id-dgħajsa ta’ Pietru u wara li qagħad jgħallem lin-nies, staqsa lil Pietru biex jaqdef ‘l barra u jitfa’ x-xbiek biex jistad. Pietru kien ilu lejl sħiħ jistad u ma kien qabad xejn. Pietru kien għajjien. Pietru kien sajjied u kien jaf li matul il-ġurnata kien aktar diffiċli li taqbad il-ħut. Madanakollu, minflok ma waqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt jew irrabja, huwa obda u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. 

Tiftakru x’ġara wara li Pietru u sħabu tefgħu x-xbiek?

Huma tant qabdu ħut, li ma setgħux itellgħuhom fuq dgħajsa waħda, kellhom bżonn l-għajnuna ta’ sħabhom. 

X’taħsbu li ħaseb Pietru, meta ra dawn il-ħut kollha?

Pietru għaraf li Ġesù kien xi ħadd speċjali ħafna. Lil Ġesù jgħidlu ‘mgħallem’ u ftit wara, jsejjaħlu ‘Mulej.’ Tgħid Pietru nduna li Ġesù kien il-Messija li kienu ilhom jistennew? 

Tant ħass li Ġesù kien tajjeb u speċjali, li Pietru, qallu, ‘jien ma jistħoqqlix li nkun ħabib tiegħek, jien raġel li nagħmel għażliet ħżiena.’ Imma minflok ma jwarrab minn ħdejh, Ġesù jistiednu biex isir jafu aktar u qallu li xi darba għad jagħmlu raġel li “jaqbad in-nies.” Ġesù, lil Pietru, riedu jsir jafu aktar biex ikun jista’ jkompli jgħallem lin-nies. Ġesù ried lil Pietru biex ‘jaqbad’ lin-nies u jgħidilhom kemm iħobbhom Ġesù. Tiftakru meta Ġesù kien bidel l-ilma f’inbid fit-tieġ ta’ Kana? Dak il-ħafna nbid tajjeb li kien għamel Ġesù, kien juri kemm iħobbna. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jrid jerġa’ jurina kemm iħobbna. Pietru u sħabu ma jaqbdux ftit ħut, imma tant kien hemm ħut fix-xibka li ma setgħux itellgħuha fuq id-dgħajsa. Daqshekk għandu mħabba għalina Alla! Alla jħobbna ħafna akar milli nistgħu nifhmu u aktar milli jistħoqilna!

Illum Ġesù, qiegħed isejjaħ lilna wkoll, biex insiru nafuh, kif kien sar jafu Pietru. Kif nistgħu nagħmlu dan? Bħala attività, illum ser tagħmlu mobile u ddendluha fil-kamra tagħkom. Din ser tgħinnkom l-ewwel taħsbu dwar kif tistgħu ssiru tafu lil Ġesù aktar u meta ddendluha u tħarsu lejha, tfakkarkom dwar dak li għandkom tagħmlu.

L-ewwel tistgħu tpenġu l-istampi li għandkom fl-attività. Imbagħad, aqraw x’hemm miktub fuq il-ħut, fuq wara tal-ħuta, iktbu dak li tistgħu tagħmlu, biex isiru tafu aktar lil Ġesù, biex tisimgħu aktar dak li jixtieq jgħidilkom Ġesù. Fuq oħra iktbu dak li tistgħu tagħmlu biex tkunu bħal Ġesù u fuq l-aħħar waħda iktbu, kif ser titolbu aktar. Meta tkunu lesti, għamlu toqba fejn għandkom iċ-ċrieki blu. Għaddu l-ispag minnhom biex tiffurmaw mobile, u dendluha fil-kamra tagħkom. 
Waqt li qed tagħmlu l-attvità, isimgħu, Step by step.

Inroddu s-salib.

Bħala talba, għidu t-talba ta’ St John Henry Newman

Għażiż Ġesù, għinni biex inxerred il-fwieħa tiegħek kull fejn immur.
Fawwar il-qalb tiegħi bl-Ispirtu u l-Ħajja tiegħek.
Idħol ġewwa fija u ħu kontroll tiegħi nnifsi kollni kemm jien, b’mod li l-ħajja tiegħi tkun tirrifletti lilek biss. Iddi minn ġo fija, kun ġo fija b’mod li kull persuna li niġi f’kuntatt magħha tħoss fija l-preżenza tiegħek.
Ħalli jħarsu u jaraw mhux aktar lili, imma lilek biss!
Ibqa’ miegħi, ħalli nsir niddi bħalma tiddi inti; ħalli b’hekk insir dawl għall-oħrajn.
Id-dawl, o Ġesù, ikun ġej kollu minnek, xejn ma jkun tiegħi.
Tkun inti li tiddi fuq l-oħrajn permezz tiegħi.
Għalhekk, ħallini nfaħħrek bil-mod kif inti tħobb l-aktar: billi niddi fuq dawk ta’ madwari.
Ħallini nxandrek bla ma nitkellem, mhux bil-kliem, imma bl-eżempju tiegħi, bil-forza qawwija ta’ dak li jiena nwettaq, bix-xhieda ċara tal-imħabba li f’qalbi tfawwar għalik.

Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.