L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar il-beatitutdnijiet, li nsibuhom ukoll fl-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 3-12). Dawn il-beatitudnijiet juruna l-għan ewlieni tan-nisrani, kommunjoni ma’ Alla, u kif nistgħu niksbu dan permezz tal-azzjonijiet u mġieba tagħna. Il-beatitudnijiet huma wkoll il-qalba tat-tagħlim ta’ Ġesù, tal-karattru tiegħu u tal-personalità tiegħu. Din hija r-raġuni għalfejn huwa importanti li aħna nifhmuhom. Fir-rakkont ta’ San Mattew, Ġesù qiegħed fuq muntanja, u quddiemu kellu folla kbira ta’ nies. Il-muntanja, hija simbolu li jgħinna nifhmu li Alla huwa fil-qrib. Fir-rakkont ta’ Luqa, Ġesù qiegħed fi pjanura u jindirizza lid-dixxipli, għalkemm il-folla qegħda hemm ukoll. “Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal.” Mattew jagħtina tmien beatitudnijiet, waqt li San Luqa jsemmi erba’ u warajhom jagħti twisijiet lil dawk li ma jsegwuhomx. Fil-verżjoni ta’ San Luqa ma jissemmewx il-‘fqar fl-ispirtu,’ iżda biss ‘il-fqar’ li huma henjin. Lanqas ma jsemmi lil dawk bil-ġuħ għall-ġustizzja, iżda jsemmi lil dawk li huma “bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.” Iż-żieda tat-twissijiet, titfa’ dawl fuq dak li hemm jistennih id-dixxiplu ta’ Ġesù. Dawk li għaddejjin minn persekuzzjonijiet u provi llum, għad ikunu hienja.
San Luqa kiteb dan l-Evanġelju, meta l-insara kienu ppersegwitati minħabba t-twemin tagħhom. Għalhekk il-kliem ta’ San Luqa kien ta’ serħan u ta’ kuraġġ għalihom, li għad ikunu ppremjati. Illum aħna wkoll niftakru li msejħa biex ngħixu dawn il-beatitudnijiet. Xi jfisser dan kollu? Il-mod kif niddefinixxu l-ferħ, juri min aħna. Aħna ngħixu f’soċjetà ddominata mill-konsumeriżmu. L-għana u l-ġid materjali huma mqabbla mal-ferħ u l-prosperità. Iżda fil-verità, il-ferħ niksbuh mill-pjaċiri u xewqat personali? Il-kelma ‘hena’ fl-Evanġelju, li tfisser ‘ferħ’, mhijiex riżultat ta’ għana, ġid materjali jew reputazzjoni. L-Evanġelju jġalna naħsbu dwar il-ħajja tagħna. Dawk li huma fqar, bil-ġuħ, dawk li jibku jew ippresegwitati, għandhom l-hena. Dawn ġieli naħsbuhom li huma minsijja minn Alla! Nistaqsu lilna nfusna: x’ifferaħħna? Il-ferħ tiegħi jiddeppendi fuq dak li għandi, jew fuq dak li nagħmel u fuq l-imġieba tiegħi? L-Evanġelju tal-lum jitlobna nixtarru l-valuri tagħna. Għalkemm tista’ tinstema’ kontradizzjoni li niksbu l-ferħ meta npoġġu oħrajn qabilna, bħala ġenituri nistgħu nifhmu eżatt dan xi jfisser. Ġesù għex dawn il-Beatitudnijiet, u qiegħed jistedinna biex aħna ngħixuhom ukoll.