Henjin!

Is-Sitt Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar il-beatitutdnijiet, li nsibuhom ukoll fl-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 3-12). Dawn il-beatitudnijiet juruna l-għan ewlieni tan-nisrani, kommunjoni ma’ Alla, u kif nistgħu niksbu dan permezz tal-azzjonijiet u mġieba tagħna. Il-beatitudnijiet huma wkoll il-qalba tat-tagħlim ta’ Ġesù, tal-karattru tiegħu u tal-personalità tiegħu. Din hija r-raġuni għalfejn huwa importanti li aħna nifhmuhom. Fir-rakkont ta’ San Mattew, Ġesù qiegħed fuq muntanja, u quddiemu kellu folla kbira ta’ nies. Il-muntanja, hija simbolu li jgħinna nifhmu li Alla huwa fil-qrib. Fir-rakkont ta’ Luqa, Ġesù qiegħed fi pjanura u jindirizza lid-dixxipli, għalkemm il-folla qegħda hemm ukoll.  “Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal.” Mattew jagħtina tmien beatitudnijiet, waqt li San Luqa jsemmi erba’ u warajhom jagħti twisijiet lil dawk li ma jsegwuhomx. Fil-verżjoni ta’ San Luqa ma jissemmewx il-‘fqar fl-ispirtu,’ iżda biss ‘il-fqar’ li huma henjin. Lanqas ma jsemmi lil dawk bil-ġuħ għall-ġustizzja, iżda jsemmi lil dawk li huma “bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.” Iż-żieda tat-twissijiet, titfa’ dawl fuq dak li hemm jistennih id-dixxiplu ta’ Ġesù. Dawk li għaddejjin minn persekuzzjonijiet u provi llum, għad ikunu hienja. 

San Luqa kiteb dan l-Evanġelju, meta l-insara kienu ppersegwitati minħabba t-twemin tagħhom. Għalhekk il-kliem ta’ San Luqa kien ta’ serħan u ta’ kuraġġ għalihom, li għad ikunu ppremjati. Illum aħna wkoll niftakru li msejħa biex ngħixu dawn il-beatitudnijiet. Xi jfisser dan kollu? Il-mod kif niddefinixxu l-ferħ, juri min aħna. Aħna ngħixu f’soċjetà ddominata mill-konsumeriżmu. L-għana u l-ġid materjali huma mqabbla mal-ferħ u l-prosperità. Iżda fil-verità, il-ferħ niksbuh mill-pjaċiri u xewqat personali? Il-kelma ‘hena’ fl-Evanġelju, li tfisser ‘ferħ’, mhijiex riżultat ta’ għana, ġid materjali jew reputazzjoni. L-Evanġelju jġalna naħsbu dwar il-ħajja tagħna. Dawk li huma fqar, bil-ġuħ, dawk li jibku jew ippresegwitati, għandhom l-hena. Dawn ġieli naħsbuhom li huma minsijja minn Alla! Nistaqsu lilna nfusna: x’ifferaħħna? Il-ferħ tiegħi jiddeppendi fuq dak li għandi, jew fuq dak li nagħmel u fuq l-imġieba tiegħi? L-Evanġelju tal-lum jitlobna nixtarru l-valuri tagħna. Għalkemm tista’ tinstema’ kontradizzjoni li niksbu l-ferħ meta npoġġu oħrajn qabilna, bħala ġenituri nistgħu nifhmu eżatt dan xi jfisser. Ġesù għex dawn il-Beatitudnijiet, u qiegħed jistedinna biex aħna ngħixuhom ukoll. 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 6:17, 20-26) 

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Mod kif tgħix il-Beatitudnijiet huwa li timemorizzhom. Meta nkunu familjari mal-Beatitutnijiet isiru aktar parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, inkella faċli ninsew lill-foqra u lil dawk li huma waħedhom. Jekk inkunu nafu l-Beatitudnijiet, ma ninsewhomx.
  4. Iddiskuti mal-familja tiegħek, kif is-soċjetà tiddeskrivi s-suċċess. Wara rrifflettu dwar id-definizjoni ta’ Ġesù, biex wieħed ikun hieni. Fl-aħħar qablu dawn it-tnejn.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i.Bibbja bil-qari minn San Luqa (6, 17, 20-26)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jiddpriedka dwar il-barkiet li jiġu, meta nagħmlu dak li hu sew u tajjeb. Dawn il-barkiet insejħulhom Beatitudnijiet. Ġesù, jgħid lid-dixxipli, kemm huma ‘hienja’ il-fqar, dawk bil-ġuħ, imdejqa u mweġġgħin, għax huma għad jirċievu rigal tal-hena fil-ġenna.

  • Il-Beatitudnijiet jgħidulna dwar il-ferħ li Alla jrid għal kull persuna
  • Il-Beatitudnijiet juruna kif inkunu ferħana meta ngħinu u nirrispettaw lill-oħrajn
  • Il-printout tal-attività
  • Kuluri
  • Stickers bħala dekorazzjoni

Aħna lkoll irridu nkunu ferħana. Anke Alla jridna nkunu ferħana. Illum Ġesù jgħallimna li l-vera ferħ ma jiġix meta jkollna affarijiet bħal xi rota jew logħob, jew ħwejjeġ  u żraben tal-aqwa ditta. Il-ferħ vera jiġi minn Alla, u fil-mod li aħna nġibu ruħna mal-oħrajn. L-imġieba tajba hija importanti għal Alla u hu jberikna meta nġibu ruħna sew.

Ġesù għallem lill-folla, kif nistgħu nkunu mbierka u li din il-barka tibda mill-attitudni u mġieba tagħna. Ġesù għallem li jrid ikollna attitudni tajba u hu l-eżempju perfett. Darba minnhom Ġesù għallem dan il-messaġġ speċjali dwar l-imġieba li jrid ikollna u li nsejħulhom Beatitudnijiet. Jekk nimxu fuq dawn il-Beatitudnijiet ikollna l-premju fil-Ġenna.

Lid-dixxipli, Ġesù qalilhom li dawk li huma fqar li ser ikunu ferħana, għax għad imorru l-ġenna. Dawk li huma bil-ġuħ, għad ikollhom ikel biżżejjed. Dawk li qed jibku, għad ikunu ferħana, għax id-dmugħ tagħhom għad jinbidel f’tbissima. Dawk li jogħboduhom in-nies u jittrattawhom ħażin għax jemmnu fih, għad ikunu ferħana għax ikollhom il-premju fil-ġenna.

Imbagħad Ġesù tkellem ukoll dwar dawk li ma jkunux ferħana. Skont il-Beatitudnijiet, dawk li qed jieklu ħafna issa, ser ikunu bil-ġuħ u dawk li qegħdin jidħku, għad ikunu mdejqa.

Ġesù jgħid li dawk li huma fqar, bil-ġuħ u mdejqa, ser ikunu l-aktar ferħana. Ġesu’ wissa wkoll li dawk li għandhom il-ġid materjali, jafu ma jsibux il-ferħ veru issa u lanqas fil-ħajja li ġejja. Għalfejn taħsbu li Ġesù qal dawn il-kliem? Ġesù ma jridniex naħsbu li l-unika mod li nkunu ferħana huwa li jkollna ħafna flus u l-aqwa logħob u ħwejjeġ. Ma hemm xejn ħażin li tkun sinjur, jew ikollok ħafna x’tiekol, imma aħna rridu naqsmu dak li għandna u ngħinu lil min hu fqir, bil-ġuħ, u mdejjaq. Il-Beatitudnijiet isejħulna biex inkunu qalbna tajba, inħobbu, inkunu umli lejn l-oħrajn. Meta nagħmlu dan, ikollna premju fil-ġenna.

Għada huwa Jum San Valentinu. Hija ġurnata tajba li nipprattikaw attitudnijiet sbieħ. Għandkom il-printout bil-qlub, iddekorawhom u agħtuhom il-kulur. Fuqhom iktbu frażijiet li jfakkrukom fil-Beatitudnijiet: ‘KUN QALBEK TAJBA,’ ‘ĦOBB,’ ‘KUN UMLI,’ u agħtihom lil xi ħadd. Waqt li qed tagħmel din l-attività, isma’  I’m Following Jesus.

Inroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, jiena naf li tixtieq li nkun ferħan/a. Għinni biex ikolli l-ferħ vera meta ngħin lill-oħrajn. Għinni biex ikolli qalbi tajba, inħobb, inkun umli fl-imġieba tiegħi, speċjalment ma’ dawk fil-bżonn. Ammen.

Introduzzjoni

Illum Ġesù jgħallem lid-dixxipli u lill-folla, kif wieħed jista’ jkun ferħan. Ġesù jitkellem dwar il-Beatitudnijiet, li huma attitudnijiet u mod ta’ kif għandna nġibu ruħna. Ġesù jiddeskrivi l-ferħ fis-saltna ta’ Alla u jgħallimna li l-affarijiet ma jkunux dejjem kif jidhru.

  • Il-ferħ ma jinkisibx mis-suċċess u mill-ġid materjali
  • Alla huwa dak li jagħtina l-ferħ
  • Kaxxa taż-żraben vojta
  • Wrapping paper
  • Imqass / cello tape
  • Printout tal-attività

Illum smajna ġrajja mill-Evanġelju skont San Luqa fejn jagħtina erba’ Beatitudnijiet (attitudnijiet ta’ mġieba) u wkoll erba’ tipi ta’ twisijiet. Dawn il-Beatitudnijiet, insibuhom wkoll fl-Evanġelju skont San Mattew u Ġesù jgħallimna kif meta nafdaw f’Alla, ikollna l-vera ferħ. Dak li għandna, bħall-ħwejjeġ u logħob u l-aħħar mudell ta’ mobile jew rota, jagħtuna ferħ għal ħin qasir. Ġesù, minflok, jgħallimna kif nistgħu nkunu vera ferħanin. 

Ġesù jiddeskrivi, kif il-fqar, dawk bil-ġuħ u mdejqa, u dawk li jobogħduhom in-nies, huma ferħana. Din tinstema stramba, hux hekk? Kif jista’ jkun li xi ħadd li qiegħed ibagħti, ikun ferħan? Intom taħsbu li dawn in-nies ma jistgħux ikunu ferħana. Iżda Ġesù jgħid bil-maqlub! Ġesù, imbaħgad iwissi li dawk li huma sinjuri, u li għandhom ħafna x’jieklu u li jidħku u li huma mfaħħra, li mhux bil-fors se jiksbu l-ferħ tal-ġenna. X’aktarx, il-folla li semgħu lil Ġesù, baqgħu mistgħaġba jisimgħu dan il-kliem. Intom kontu sorpriżi kif smajtu dan il-qari? Dan il-kliem huwa ta’ sfida, għax aħna mdorrija li jkollna ħwejjeġ sbieħ, ħafna ikel u fil-birthday naqilgħu r-rigali. Ġesù jgħidilna li meta naħsbu biss fina nfusna u li jkollna ħafna affarijiet, mhux bil-fors se nkunu ferħanin. Aħna nkunu ferħana meta nafdaw f’Alla, li jħobbna dejjem u qatt ma jinbidel. Inkunu ferħana u hienja meta nagħmlu għażliet tajba u naħsbu fl-oħrajn, u ngħixu kif għallimna Ġesù. Inkunu hienja fil-ġenna, jekk naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, jekk nuru paċenzja ma’ sħabna u ngħinu lil min hu fil-bżonn. Dak li għandna jista’ jagħmilna ferħanin, iżda għall-ħin qasir biss. Biex ikollna ferħ dejjiemi ma għandnix bżonn ħafna flus. Ġesù jħobb lil kulħadd, b’mod speċjali lill-fqar, lil min hu bil-ġuħ, lil min hu mdejjaq, jew marid. Hu jrid li aħna nagħmlu l-istess. Il-Beatitudnijiet jgħallmuna li min jirrispeta u jagħti każ tal-oħrajn u tal-ħolqien, ikun imbierek minn Alla.

Biex tiftakar fil-Beatitudnijiet tista’ tagħmel il-Kaxxa tal-Beatitudnijiet. Iksi kaxxa taż-żraben u l-għatu tal-kaxxa bir-wrapping paper.

Aħseb kif matul din il-ġimgħa tista’ ġġib l-ferħ lill-oħrajn. Ikteb dak li ħsibt dwaru fil-qlub li hemm fil-printout. Wara aqtagħhom u poġġihom fil-Kaxxa tal-Beatitudnijiet. Ipprova li tagħmel kemm jista’ jkun minnhom! B’dan il-mod tkun qed iġġemma l-barkiet fil-ġenna. Dawn huma xi eżempji ta’ dak li tista’ tagħmel: li turi ħniena ma’ min ma jġibx ruħu sew miegħek; li tagħti flus, jew tuża t-talenti tiegħek biex tgħin lill-fqar; titlob għall-morda/għal dawk li huma waħedhom/imdejqa; tgħin fid-dar; tagħmel mal-oħrajn dak li tixtieq li jagħmlu miegħek. X’aktar tista’ tagħmel?

Waqt li qed tagħmel l-attività, isma’  Give a Little Kindness.

Inroddu s-salib.

Alla tal-imħabba, iftaħli qalbi biex inkun sensittiv għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Naf li tixtieq li nkun ferħan/a, għinni nikseb l-hena meta ngħin lill-oħrajn. Għinni biex inwassal l-imħabba tiegħek lil dawk fil-bżonn. Dan nitolbu f’isem Ġesù. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.