L-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra spiċċa b’dikjarazzjoni ta’ fidi mingħand l-appostli meta jagħrfu lil Ġesù bħala Iben Alla. Illum se nisimgħu dwar att ta’ fidi ieħor, din id-darba imma mhux biss mingħand xi ħadd li kien jaf lil Ġesù, iżda mingħand persuna li lanqas biss kienet Lhudija. Għall-bidu, dan l-Evanġelju jista’ jifxilna minħabba li meta din il-mara Kangħanija titlob għall-għajnuna, Ġesù għall-ewwel jinjorha u ma jwieġeb xejn. Hija bdiet tiġbed l-attenzjoni minħabba li leħinha kien jgħajjat u l-appostli riedu li Ġesù jgħidilha tiskot. Il-mara tkompli titlob bil-ħniena u Ġesù din id-darba jweġibha, iżda b’mod li mhux soltu nisimgħu lil Ġesù jitkellem. Hu juża l-kelma ‘ġriewi’. Dan kien kliem li jużaw il-Lhud biex juru l-ostilità tagħhom lejn il-pagani. Il-Lhud kienu jqisu lilhom nfushom bħala wlied Abraham u l-pagani bħala l-klieb tal-familja. Għalhekk il-ħobż kien bi dritt għall-ulied il-familja u mhux għall-ġriewi. Il-mara ma taqtax qalbha, tifhem il-paragun li uża Ġesù, u b’umiltà tibqa’ tinsisti. B’fidi kbira twieġeb li l-frak li jaqa’ jistgħu jikluh il-klieb. U Ġesù jagħtiha dak li tixtieq, jiġifieri il-fejqan tat-tifla tagħha.
Il-kliem ta’ Ġesù jista’ jixxukkjana. Madanakollu rridu niftakru wkoll li qed naqraw mill-Evanġelju ta’ San Mattew li nkiteb primarjament għal udjenza Lhudija. Il-Lhud kienu jemmnu li l-Messija kellu jsalva lilhom għax huma kienu l-poplu magħżul. Ma kinitx aċċettata li s-salvazzjoni kienet għal kulħadd. Għalhekk l-appostli li kienu Lhud ma jridux li Ġesù jilqa’ t-talba ta’ din il-mara. Il-mara, min-naħa l-oħra, tammetti li l-Lhud kellhom dritt għall-ħniena ta’ Alla iżda emmnet ukoll li l-ħniena ta’ Alla kienet kbira biżżejjed biex twassal u tilqa’ t-talba tagħha wkoll.
Din il-ġrajja għandha fuq kollox turina li qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla li hija abbundanti u għal kulħadd. Dan il-qari, imissilna wkoll il-kuxjenza. Bħall-appostli, xi drabi aħna niġġudikaw malajr wisq. L-appostli riedu li Ġesù jeħles minn din il-mara li kienet qed titlob l-attenzjoni. Kemm ġieli aħna stess dawwarna wiċċna jew ma tajniex kas ta’ dawk ta’ madwarna li xtaqu li nieqfu ftit magħhom, forsi biex nagħtuhom kelma ta’ nkoraġġament, jew nagħtu ftit mill-ħin tagħna biex ngħinuhom. Kemm forsi kkundannajna nies għax rajnihom fitti u nsistenti fit-talb tagħhom?